ŻVILUPPI FIS-SERVIZZI EDUKATTIVI GĦAL STUDENTI BI BŻONNIJIET SPEĊJALI
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni f’Lulju ta’ din is-sena ppubblika l-iSpiteri report li kien frott ta’ ħidma minn grupp ta’ professjonisti mmexxija mis-Sur Lino Spiteri li ngħataw l-inkarigu biex jannalizzaw b’reqqa żewġ setturi importanti fil-qafas tas-sistema edukattiva Maltija, dak ta’ l-edukazzjoni inklussiva u dik speċjali. Il-grupp fi żmien anqas minn sitt xhur ppreżenta r-rapport Spiteri li jinkludi mhux biss analiżi kritika tas-sistema imma wkoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ din l-istess sistema. Il-Gvern beda minnufih jwettaq diversi mir-rakkomandazzjonijiet, fosthom:
· F’Awissu 2005, il-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni fasslu pjan ta’ ħidma fuq kif se ssir l-ewwel fażi ta’ l-implimentazzjoni tar-rapport Spiteri
· F’ Awissu 2005, ġie mwaqqaf l-Education Reform Steering Group mmexxi mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni u li jinkludi fih is-Segretarju Permanenti, id-Direttur Ġenerali u l-koordinatur tal-politika fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. L-iskop ta’ dan l-iSteering Group huwa li jmexxi r-riforma pass pass biex jaċċerta komunikazzjoni effettiva bejn il-partijiet kkonċernati u jevalwa kontinwament l-andament ta’ l-istess riforma. Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdet kienet li s-setturi ta’ l-edukazzjoni inklussiva u dik speċjali jinġabru flimkien taħt tmexxija waħda kif kien irrakkomandat fir-rapport.
· F’Settembru 2005, sar il-proċess ta’ għażla wara sejħa għall-applikazzjonijiet u nħatar s-Sur George Borġ bħala Koordinatur tan-‘network’ ta’ l-iskejjel speċjali, kif ukoll ingħata l-inkarigu li jmexxi l-proċess ta’ twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Spiteri.
· F’Settembru 2005, twaqqaf ċentru fil-Ħamrun minn fejn ser issir id-direzzjoni ta’ dan is-settur.
· L-Education Reform Steering Group beda jiltaqa’ regolarment mal-koordinaturi biex jevalwa kull pass tar-riforma u jiffaċilita l-proċess.
· Mal-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, is-Sur Borġ beda jdur l-iskejjel speċjali, kif ukoll jidħol f’issues ta’ edukazzjoni inklussiva flimkien ma’ l-Assistent Direttur ta’ l-Edukazzjoni, is-sinjorina Myriam Aquilina. Il-Koordinatur beda jiltaqa’ mal-kapijiet ta’ l-iskejjel speċjali u beda jesplora l-metodi kif jistgħu jagħtu aktar appoġġ lil xulxin kemm fl-użu tar-riżorsi umani kif ukoll dawk materjali.
· Ir-rapport Spiteri jisħaq ħafna fuq il-bżonn ta’ taħriġ fis-settur ta’ l-edukazzjoni speċjali. Biex din ir-rakkomandazzjoni tibda tiġi mwettqa ġie mistieden is-Sur John Ayres f’Ottubru 2005, espert fl-assessjar edukattiv ta’ tfal b’diżabiltà u ġew organizzati diversi sessjonijiet ta’ taħriġ għall-Kapijiet ta’ l-iskejjel speċjali, kif ukoll l-għalliema. Minn dan it-taħriġ qed isiru sessjonijiet ta’ żvilupp professjonali bejn l-iskejjel speċjali fi ħdan in-network biex l-istaff li jaħdmu f’dawn l-iskejjel jiddentifikaw u jaħdmu flimkien fuq metodi ġodda ta’ tagħlim. Dawn is-sessjonijiet qed isiru fi skejjel differenti fi ħdan in-network sabiex l-għalliema jkunu aktar infurmati fuq ir-riżorsi li jeżistu u kif jistgħu jkollhom aċċess għalihom.
· Fil-bidu tas-sena skolastika, tlett għalliema fl-iskejjel speċjali ngħataw scholarship biex jagħmlu Master’s Degree ma’ l-Università ta’ Birmingham f’oqsma speċjalizzati, bħal autism, multisensory impairment u visual impairment.
· Ir-rapport Spiteri rrakkomanda wkoll li dawk il-facilitators li m’għandhomx taħriġ, jiġu offruti opportunità ta’ dan. B’dan l-iskop, ġie mfassal kors li se jiġi offrut volontarjament li dawk li qed jagħmlu xogħol ta’ facilitators. Il-ħsieb huwa li dan il-kors jibda fl-ewwel xhur tas-sena l-ġdida. Diġà bdew ukoll taħditiet ma’ l-Università ta’ Malta biex dan il-kors jiġi kkunsidrat jekk l-istess parteċipanti japplikaw għall-kors fl-livell ta’ diploma ma’ l-Università ta’ Malta.
· F’Novembru 2005, beda jiltaqa’ l-Kunsill tal-Kapijiet ta’ l-Iskejjel speċjali u flimkien tfasslu l-prioritajiet għas-sena skolastika. Il-Kapijiet Carmen Cascun mill-iskola Helen Keller, Anthony Galea, mill-iskola Dun Manwel Attard, Duncan Mercieca, mill-iskola San Miguel u Carmelo Pace, mill-iskola Guardian Angel jiffurmaw parti mill-Kunsill.
· Il-Koordinatur tan-network ta’ l-iskejjel speċjali qed jiġbor u jagħmel analiżi ta’ informazzjoni miġbura mill-iskejjel biex isiru profile ta’ studenti li jattendu l-iskejjel speċjali, kif ukoll ġbir ta’ data ħalli jkun jista’ jiġi ppjanat aħjar it-tranżizzjoni ta’ studenti li spiċċaw l-iskola sekondarja u għandhom il-ħsieb li jkomplu bl-istudji tagħhom.
· Ir-rapport Spiteri jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda bħal personal care assistant u sign language interpreter għall-studenti li jkollhom bżonn dan is-servizz u mhux dak ta’ facilitator. Il-Koordinatur ta’ l-iskejjel speċjali qed ifassal deskrizzjoni tar-rwol ta’ assistant għall-bżonnijiet personali u l-Ministeru fil-bidu ta’ din is-sena skolastika wasal fi ftehim ma’ l-Għaqda Persuni Neqsin Mis-Smigħ u xtara s-servizzi ta’ interpreti tal-lingwa tas-sinjali li bdew xogħolhom minnufih ma’ studenti neqsin mis-smigħ, kemm fil-livell ta’ edukazzjoni obbligatorja, kif ukoll fl-MCAST. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-Ministeru ħa passi biex din is-sena skolastika jiġu ngaġġati aktar għalliema peripatewtiċi biex jagħtu servizz lill-studenti neqsin mis-smigħ.
· L-istess rapport Spiteri jikkummenta fuq il-bżonn li f’Malta jkollna aktar nies speċjalizzati fl-oqsma konnessi ma’ l-edukazzjoni speċjali u inklussiva. F’Diċembru 2005, rappreżentanta tal-Ministeru, flimkien mas-Sur George Borġ intbagħtu l-Ingilterra għal negozjati sabiex jiġu offruti korsijiet fl-livell ta’ Masters u f’forma ta’ distance learning lill-numru ta’ għalliema Maltin li jixtiequ jispeċjalizzaw f’oqsma bħal autism, challenging behaviour, hearing impairment, visual impairment u profound multiple learning disabilities. Il-ħsieb hu li fl-ewwel xhur tas-sena l-ġdida jiġu konklużi n-negozjati u jibda l-proċess ta’ applikazzjonijiet għal dawk kollha interessati.
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u d-Diviżjoni huma mpenjati li jżommu r-ritmu qawwi li beda f’dawn ix-xhur mill-pubblikazzjoni tar-rapport Spiteri, biex kull rakkomandazzjoni possibbli tiġi mplimentata, bl-iskop ewlieni li l-kwalità ta’ servizz edukattiv li qed jingħataw lill-studenti b’diżabiltà jitjiebu u jgħinu lill-istess studenti jiżviluppaw kull ħila possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950