Left arrow Mur Lura

JITNIEDA XOGĦOL TA’ KONSERVAZZJONI FUQ L-AFFRESKI TAL-PALAZZ VERDALA

pr1887
Date Icon 29/12/2005

Numru ta’ kumpaniji ser jiffinanzjaw il-proġett ta’ konservazzjoni ta’ l-affreski li jinsabu fis-sala prinċipali tal-Palazz Verdala, proġett li huwa stmat li jammonta għas-somma ta’ Lm40,000. Dalgħodu ġie ffirmat il-ftehim bejn dawn il-kumpaniji u Heritage Malta, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Wirt Kulturali, sabiex b’hekk titnieda l-aħħar parti tax-xogħol ta’ konservazzjoni biex jinkixxfu l-kumplament ta’ l-affreski li jinsabu mas-saqaf tas-sala. 

Il-President ta’ Malta, l-E. T. Dott. Edward Fenech Adami ppresieda għaċ-ċerimonja ta’ l-iffirmar bejn Heritage Malta, irrappreżentata miċ-Chairman Dott. Mario Tabone, u s-Sur George Fenech, ChairmanTumas Group, is-Sur Charles Polidano, ChairmanPolidano Brothers, il-Prof Joe Bannister, Chairman Malta Financial Services Authority,u s-Sur Joe Gasan, ChairmanGasan Group. Dan il-kuntratt ġie ffirmat fl-istess sala tal-Palazz tal-Verdala fejn ser isir ix-xogħol ta’ konservazzjoni.  

Dawn l-affreski, li jingħad li huma x-xogħol tal-pittur tas-seklu sittax Filippo Paladini, juru figuri mill-mitoloġija griega. Għal xi raġuni mhux magħrufa, fis-snin tlettin tas-seklu li għadda dawn l-affreski ġew imbajjda. Fil-perjodu ta’ bejn 1986 u l-1990 kien inbeda xogħol ta’ restawr sabiex titneħħa din iż-żebgħa. Dan ix-xogħol kien sar mis-Sezzjoni ta’ l-Arti tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. F’dawn l-aħħar snin kien sar xogħol ta’ restawr minn dak li qabel kien iċ-Ċentru Malti għar-Restawr, li issa sar parti minn Heritage Malta. Kien anki sar studju xjentifiku fuq l-istruttura tas-saqaf kif ukoll investigazzjoni analitika tas-saffi tal-pittura. Parti mill-affreski tnaddfu miż-żebgħa biex b’hekk inkixfet il-figura mitoloġika ta’ Bakku.  

Ix-xogħol li ser jibda dalwaqt ser jkun f’idejn tim immexxi mis-Sezzjoni tal-Konservazzjonifi ħdan Heritage Malta u ser jinkludi l-kxif tal-kumplament tas-saqaf kif ukoll dokumentazzjoni u riċerka. Numru ta’ esperti barranin mistennija jagħmlu parti minn dan it-tim.  

Il-President ta’ Malta irringrazzja lill-kumpaniji nvoluti f’dan il-proġett talli għoġobhom jagħtu l-kontribut tagħhom lil din l-inizjattiva, li titlob spejjeż kbar. Żied jgħid li bil-għajnuna tagħhom ser jiġu restawrati dawn l-affreski, li jiffurmaw parti mill-patrimonju kulturali Malti u li jistgħu jagħtu informazzjoni ġdida fuq l-istorja tas-sala Prinċipali tal-Palazz tal-Verdala, u fuq l-artist li pittirhom.  

Il-President Fenech Adami saħaq fuq l-importanza li kull min hu Malti għandu jagħti lill-istorja ta’ pajjiżu, għaliex l-istorja tan-nazzjon tgħallimna min aħna bħala Maltin.

Ta’ min jgħid li l-Uffiċċju tal-President qiegħed jgħin sabiex jikber l-apprezzament għall-istorja ta’ pajjiżna anke billi jipprova jagħmel il-Palazzi Presidenzjali iktar aċċessibbli għall-pubbliku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow