FL-1 TA’ JANNAR JIDĦLU FIS-SEĦĦ IR-REGOLAMENTI KONTRA MIN IĦAMMEĠ JEW JARMI SKART ABBUŻIV F’POSTIJIET PUBBLIĊI (LITTERING REGULATIONS)
Fl-1 ta’ Jannar jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti kontra min iħammeġ jew jarmi skart abbużiv f’postijiet pubbliċi (Littering Regulations).
Dawn ir-regolamenti ddaħħlu għal perijodu ta’ prova fil-21 ta’ Ottubru, 2005. Sas-26 ta’ Diċembru b’kollox ingħataw 1,364 twissija – 1,231 fuq littering u 133 fuq dumping.
Il-pieni għal min jinqabad iħammeġ (littering) jibdew minn Lm25 sa Lm50, filwaqt li l-multi għal min jarmi skart jew materjal goff (dumping) se jibdew minn Lm1,000 u jibqgħu telgħin sa Lm2,500. Hemm piena addizzjonali għal dawn il-multi jekk ir-reat isir fil-viċinanzi ta’ knejjes, fuq bajjiet, f’parks nazzjonali, ġonna pubbliċi u siti storiċi jew arkeoloġiċi.
“Dawn il-pieni jirriflettu li atti irresponsabbli mhumiex ittollerati u min iħammeġ iħallas, skond il-prinċipju tal-polluter pays,” qal il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino. ”Minbarra l-ħsarat ambjentali, ir-rimi ta’ skart b’mod abbużiv qed jiswa wkoll eluf kbar ta’ flus mit-taxxi tal-poplu.”
Ir-Regolamenti qed jiġu nfurzati mill-gwardjani lokali bl-uniformi kif ukoll minn gwardjani pajżana li jistgħu jimplimentaw biss dawn ir-Regolamenti. Il-flus li jinġabru mill-multi se jkopru l-ispejjeż tat-tħaddim tas-sistema biex jiġu implimentati r-regolamenti.
Parti mill-flus ta’ kull multa se jmorru fil-Fond Ambjentali biex minnu jiġu ffinanzjati l-aħjar proġetti ta’ fejda ambjentali sottomessi minn Kunsilli Lokali li jieħdu sehem f’din l-inizjattiva. B’hekk, apparti l-interess li jżommu l-lokalitajiet tagħhom nodfa, il-Kunsilli Lokali se jibbenefikaw ukoll mill-flus li se jkunu ġġenerati. Hija wkoll l-intenzjoni li s-sistema tkun waħda li ssostni ruħha biex il-Kunsilli Lokali ma jidħlux fi spejjeż addizzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950