REVIŻJONI TAL-FUEL SURCHARGE
Meta f’Ottubru 2005 tħabbret ir-reviżjoni tal-fuel surcharge, il-Gvern kien ħabbar ukoll id-deċiżjoni tiegħu li perjodikament jirrevedi l-fuel surcharge skond kif ikun tela’ jew niżel l-infieq ta’ l-Enemalta fuq iż-żjut li tixtri mis-swieq internazzjonali biex tiġġenera l-elettriku.
Il-fuel surcharge mħabbra f’Ottubru kienet applikata għall-konsum ta’ bejn l-1 ta’ Novembru 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2005.
Dak inhar il-prezz taż-żjut li xtrat l-Enemalta mis-swieq internazzjonali kien ta’ Lm117.62 kull tunnellata ta’ Light Sulphur Fuel Oil u ta’ Lm215.87 kull tunnellata ta’ Gas Oil. B’din ir-rata, u fuq il-bażi tal-konsum ta’ elettriku f’Settembru u Ottubru 2005, kien stmat li l-ispiża taż-żjut għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku kellha tkun ta’ Lm80,800,000 għal sena. Il-fuel surcharge introdotta għal dan il-perjodu kellha tiġbor Lm40,800,000 minn dawn. Fuq din il-bażi s-surcharge mħabbra kienet ta’ 84%.
F’Ottubru 2005 iddaħħlet ukoll miżura tranżitorja biex ittaffi l-impatt ta’ l-introduzzjoni tas-surcharge. Dik il-miżura tranżitorja kienet li r-rata introduttorja tal-fuel surcharge tkun ta’ 55% u tiżdied kull xahar għal sentejn waqt li jitnaqqsu kull xahar għal sentejn 0.125ċ minbarra l-VAT minn fuq is-sisa fuq il-prodotti tal-petrol mit-3ċ minbarra l-VAT miżjuda fuq is-sisa f’Ottubru 2005 għal dan il-għan.
Il-Gvern qiegħed jannunzja r-reviżjoni tal-fuel surcharge għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u t-28 ta’ Frar 2006.
Il-prezz taż-żjut li xtrat jew għandha kommessi l-Enemalta mis-swieq internazzjonali għal dan il-perjodu hu ta’ Lm109.29 kull tunnellata ta’ Light Sulphur Fuel Oil u ta’ Lm198.07 kull tunnellata ta’ Gas Oil. B’din ir-rata, u fuq il-bażi tal-konsum ta’ l-elettriku f’Settembru u Ottubru 2005, hu stmat li l-ispiża taż-żjut għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku se tkun ta’ Lm76,100,000 għal sena. Il-fuel surcharge għal dan il-perjodu għandha tiġbor Lm36,100,000. Fuq din il-bażi s-surcharge għandha tkun ta’ 74%.
Dan ifisser tnaqqis mir-rata bażi tas-surcharge ta’ 10%.
Il-lukandi u fabbriki jħallsu surcharge massima ta’ Lm21,000.
Skond il-proġetazzjonijiet li ħabbar il-Gvern f’Ottubru 2005 għall-perjodu Jannar-Frar 2006, is-surcharge kellha tiżdied minn 55% għal 57.42% (żieda ta’ 1.21% kull xahar minn Ottubru 2005).
Bid-deċiżjoni tal-Gvern li kull tnaqqis fl-ispejjeż ta’ l-Enemalta biex tixtri ż-żjut għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku jkun rifless fil-kontijiet tal-konsumaturi, is-surcharge għall-perjodu Jannar-Frar 2006 se tkun ta’ 47.5%, jigifieri tnaqqis effettiv ta’ 7.5% fuq dak li qed jitħallas illum.
Din ir-rata hi maħduma fuq il-bażi ta’ żieda fuq il-55% ta’ 2.42% skond il-miżura tranżitorja u t-tnaqqis ta’ 10% minħabba li niżlu b’din ir-rata l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt.
B’dan il-metodu qed tinżamm l-istabbilità finanzjarja tal-Korporazzjoni Enemalta mingħajr iżda ma l-konsumatur jispiċċa qatt iħallas aktar milli tassew hemm bżonn biex jiġi ġġenerat l-elettriku li jikkonsma. B’reviżjonijiet spissi tar-rata tal-fuel surcharge il-konsumatur qed jingħata s-serħan tal-moħħ li qed iħallas biss għal dak li qed jikkonsma.
M’hemm ebda dubju li t-tnaqqis fil-fuel surcharge li qed iħabbar il-Gvern illum hu sostanzjali u se jħalli effett pożittiv fuq l-infieq fil-familji u fuq l-infieq ta’ l-operaturi ekonomiċi.
Madankollu l-Gvern ifakkar lill-konsumaturi li t-tnaqqis għal dan il-perjodu li ġej m’hux neċessarjament il-bidu ta’ tendenza ta’ tnaqqis konsistenti fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Kien għalhekk li l-Gvern kompla jsaħħaħ il-Fuel Procurement Advisory Committee, biex dan ikun jista’ jagħti pariri effettivi lil-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950