GWIDI ĠODDA GĦALL-KWALIFIKI FIS-SETTUR VOKAZZJONALI
Pass importanti ieħor fis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali hu t-twaqqif ta’ gwidi ġodda għall-kwalifiki u kompetenzi. Bis-saħħa ta’ regolamenti ġodda l-Gvern waqqaf il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki li ser jaħdem biex f’Malta ikun hawn Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki li jqarreb id-dinja tax-xogħol, u l-edukazzjoni u taħriġ. Il-Kunsill se jieħu post il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali li kien twaqqaf fis-sena 2000. Iċ-Chairman tal-Kunsill il-ġdid hu s-Sur Charles Mizzi li okkupa diversi karigi fis-settur edukattiv u li sa ftit xhur ilu kien is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Il-kwalifiki u l-kompetenzi huma strument importanti ferm għad-dinja tax-xogħol. Permezz tagħhom l-individwu jkollu aċċess aħjar għal kif ukoll għall-edukazzjoni u taħriġ ieħor matul il-ħajja. Huwa fuq dan il-prinċipju li ġew imfassla dawn il-kwalifiki u kompetenzi li għandhom jiftħu l-bibien għal aktar tagħlim u taħriġ għall-istudenti u l-ħaddiema tagħna. Il-livelli ta’ kwalifiki u kompetenzi li ġew stabbiliti jkopru s-sistema kollha ta’ edukazzjoni tul il-ħajja u jirriflettu l-livelli ta’ kwalifiki u kompetenzi kif qed jiġu proposti mill-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ser jiggwida ruħu minn dawn il-livelli ta’ kwalifiki u kompetenzi biex fuqhom isejjes, wara konsultazzjoni wiesa’, il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki. Dan il-pass jorbot tajjeb ħafna mar-riformi li qed iseħħu fis-sistema edukattiva li huma maħsuba li jsaħħu l-kunċett ta’ Edukazzjoni tul il-Ħajja. Fil-prattika dan għandu jissarraf fil-ħolqien ta’ passaġġi (pathways) li jiffaċilitaw il-mixja edukattiva bejn il-kwalifiki kollha fis-sistema edukattiva Maltija. Huwa permezz ta’ dawn il-passaġġi illi ntejjbu l-opportunitajiet biex l-edukazzjoni vokazzjonali tkun tassew attrajenti u effettiva.
Il-pajjiż illum għandu sfidi u opportunitajiet importanti ħafna. Malta hija parti minn suq ta’ kważi 500 miljun ruħ. Il-proċess ta’ globalizzazzjoni, l-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija, u l-esiġenzi ġodda tal-ħajja moderna huma fatturi li qed jirristrutturaw id-dinja tax-xogħol, b’impjiegi li jmutu u oħrajn li jitwieldu. Dawk li għandhom livell tajjeb ta’ edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ħafna aktar ċans li jkollhom xogħol minn dawk li ħarġu kmieni mis-sistema edukattiva. L-Unjoni Ewropea qed timmira li sas-sena 2010, l-medja ta’ dawk li jħallu kmieni l-edukazzjoni ma jkunx ta’ aktar minn 10%. Dan ifisser li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom l-isfida li mhux biss jipprovdu edukazzjoni rilevanti u ta’ kwalita’, iżda wkoll li din tiftaħ il-bibien lil kulhadd għall-edukazzjoni tul il-ħajja inkluż dik terzjarja.
L-iskop prinċipali tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki hu li jaħdem għall-iżvilupp ta’ Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u li jissorvelja t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni li jipprovdi istituzzjonijiet pubbliċi, bħal MCAST u oħrajn privati. F’dan l-istadju l-Kunsill mhux ser jidħol fi kwalifiki li diġa qed jiġu provduti mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni obbligatorja jew korpi li jagħtu lawriji. Il-funzjonijiet l-oħra tal-Kunsill huma li:
(a) jistabbilixxi u jżomm qafas ta’ kwalifiki biex jiżviluppa, jakkredita u jagħti l-kwalifiki professjonali u vokazzjonali, barra minn lawrja, ibbażati fuq standards ta’ għarfien, ħiliet, kompetenzi u attitudnijiet miksuba mill-individwi;
(b) iġib ’l quddiem u jiffaċilita l-aċċess, it-trasferiment u l-progress ta’ studenti u ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja kollha tal-bniedem;
(c) jinkoraġġixxi r-rikonoxximent f’pajjiżi barranin ta’ ċertifikati professjonali u vokazzjonali mogħtija f’Malta taħt dawn ir-regolamenti.
Din ir-riforma qed isseħħ fil-kuntest ta’ riformi oħra li l-Gvern qed jagħmel fis-settur edukattiv partikolarment:
· fis-settur ta’ edukazzjoni obbligatorja bit-twaqqif tal-Kulleġġi Reġjonali;
· fis-settur ta’ l-edukazzjoni terzjarja bil-pjan ta’ riforma tal-finanzjament ta’ l-Edukazzjoni Għolja u Terzjarja u l-proposta tat-twaqqif tal-Kummissjoni ta’ l-Edukazzjoni Għolja skond ir-Rapport Chalmers;
· fis-settur ta’ l-eżamijiet bil-proposti tar-Rapport Grima dwar riforma fil-MATSEC biex Malta jkollha sistema ta’ eżamijiet fuq l-ogħla livelli internazzjonali;
· fis-settur ta’ l-Edukazzjoni Inklussiva u Speċjali bi proposti tar-Rapport Spiteri;
· fis-settur ta’ l-attendenza ta’ l-istudenti fl-istituzzjonijiet edukattivi biex b’hekk ngħelbu l-assentejiżmu kif jipproponi r-Rapport Clarke.
Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki għalhekk huwa ħolqa oħra mportanti ħafna fl-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan il-Kunsill għandu jwassal biex l-istudenti u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, kif ukoll minn iħaddem, ikollu stampa ċara tar-rabta bejn kwalifika u oħra kif ukoll bejn il-kwalifiki u l-istandards okkupazzjonali kif mitluba mid-dinja tax-xogħol. Dan hu pass importanti ieħor biex nipprovdu edukazzjoni ta’ kwalita’ tul il-ħajja li twassal għat-twettiq l-aktar sħiħ tal-potenzjal ta’ kull individwu f’kuntest ta’ kompetittivita’ u intraprenditorjalita`.
Kif stqarr fid-dokument ta’ qabel il-budget, il-Gvern huwa mpenjat u determinat biex jaġġorna u jtejjeb l-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema kollha permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ qafas nazzjonali ta’ kwalifiki vokazzjonali. Dan il-qafas nazzjonali ta’ kwalifiki vokazzjonali għandu jwassal għal aktar ċertezza fit-tifsira tad-diversi tipi ta’ kwalifiki u jippermetti li l-kwalifiki jiġu mqabbla b’mod aktar faċli biex b’hekk tiġi facilitata l-mobilita` ta’ l-istudenti minn livell jew istituzzjoni għal ieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950