Left arrow Mur Lura

Ir-rilokazzjoni tal-gaġeġ tat-tonn se ssir biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti u fuq in-naħa t’isfel ta’ Malta

pr1878
Date Icon 28/12/2005

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li l-proposta biex il-gaġeġ tat-tonn ikunu rilokati f’sit li hu aktar minn 6 km ‘il barra mix-xatt ta’ Wied il-Għajn, saret propju biex jixxejjen kwalunkwe impatt li din l-industrija jista’ jkollha.   

Ta’ min ifakkar li bħalissa dawn il-gaġeġ tat-tonn jinsabu f’sit li jinsab 1.8 km ‘il barra mix-xatt.  Fit-tfassil tal-proposta, l-Gvern ta priorita’ assoluta lill-bżonnijiet tan-nies u l-postijiet li l-aktar huma milquta minn din l-industrija.    

Fl-istess waqt il-Gvern poġġa bħala priorita’ ewlenija wkoll, il-ħarsien ta’ industrija tant importanti għall-ekonomija Maltija, bħal ma hi l-akwakultura.  Dan hu eżempju ċar ta’ żvilupp sostenibbli. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota b’dispjaċir l-istqarrija tal-kelliema ta’ l-Oppożizzjoni li hija nieqsa minn kwalunkwe proposta alternattiva, u li fiha għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni tikkritika mingħajr ma tħares lejn il-fatti kollha relatati ma’ din il-proposta. 

Bħala parti mill-istudju li sar, id-Dipartiment tas-Sajd ikkummissjona Rapport ta’ l-Impatt Ambjentali (Environment Impact Assessment) li jagħti ħarsa lejn l-aspetti kollha ta’ l-iżvilupp u kif dan jista’ jimpatta l-ambjent tal-madwar.  Din hija l-prassi normali.  Ir-rapport dwar impatt strateġiku (Strategic Impact Assessment) jsir fuq proposti li jibdlu l-policy nazzjonali dwar suġġett partikolari li żgur mhux il-każ f’din il-proposta. 

L-istqarrija ta’ l-Oppożizzjoni tagħti l-impressjoni li l-istudju ta’ l-EIA li ġie mressaq ma kienx komplut.  Dan huwa dokument pubbliku u kulħadd jista jarah u jqabblu ma’ dokumenti ta’ proġetti oħra simili li saru fil-passat.  M'hemmx għalfejn li wieħed ikun espert biex jinduna li jekk tqabbel l-istudji ta’ impatt ambjentali, li saru ghal proposti oħra simili fil-passat, isib li dawn m’humiex iddettaljati daqs kemm hu iddettaljat ir-rapport li tħejja bħala parti minn din l-applikazzjoni.   

Mill-monitoraġġi regolari ta’ l-ambjent ta’ madwar il-farms tat-tkabbir tat-tonn li saru s’issa, jirriżulta li m’hemmx problemi ambjentali irriversibbli kif timplika l-istqarrija ta’ l-Oppożizzjoni.   

Madankollu, minkejja li l-problemi mhumiex irriversibbli, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, flimkien mal-MEPA u entitajiet nazzjonali oħra, xorta ħassew il-bżonn li fl-interess ta’ l-ambjent ta’ pajjiżna, jinbeda l-proċess li għandu jwassal biex l-impatt fuq l-ambjent ikompli jitnaqqas. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ifakkar li kienet it-Taqsima tal-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd li fis-sena 2000, tat direzzjoni biex it-trobbija tat-tonn ma ssirx f'ibħra li huma aktar baxxi minn 50 metru. F'dak iż-żmien, it-trobbija tat-tonn fid-dinja kollha kienet issir f’ibħra inqas baxxi minn 35 metru.  L-operaturi kollha dak iż-żmien kienu kontra l-istrateġija ndikata mit-Taqsima; iżda daħlu għall-isfida, organizzaw ruħhom u żviluppaw sistemi b'suċċess kbir biex setgħu jaħdmu f'dan il-fond.  Illum il-pajjiżi l-oħra jikkuppjaw il-prattiċi addotatti minn pajjiżna, snin ilu. 

Il-Ministeru jrid għal darb’oħra jtenni li, lil hinn mill-argumenti ta’ politika partiġġjana, huwa mpenjat bex jara li din il-proposta issa tibda titwettaq u dan fl-aħjar interess tar-residenti, taż-żoni l-aktar milquta, tas-sajjieda li lkoll approvaw din il-proposta, u ta’ l-ekonomija Maltija li tant għandha bżonn ta’ attivitajiet bħalma hi l-akwakultura, li timmassimizza r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna. 

Għaldaqstant, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jappella lil dawk kollha kkonċernati biex f’qasir żmien ipoġġu madwar mejda sabiex din id-deċiżjoni tkun implimentata bl-aħjar mod possibli, ħalli jkun assigurat li t-tranżizzjoni ssir bl-aħjar mod u bl-anqas intoppi possibli.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow