Ir-rilokazzjoni tal-gaġeġ tat-tonn se ssir biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti u fuq in-naħa t’isfel ta’ Malta
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li l-proposta biex il-gaġeġ tat-tonn ikunu rilokati f’sit li hu aktar minn 6 km ‘il barra mix-xatt ta’ Wied il-Għajn, saret propju biex jixxejjen kwalunkwe impatt li din l-industrija jista’ jkollha.
Ta’ min ifakkar li bħalissa dawn il-gaġeġ tat-tonn jinsabu f’sit li jinsab 1.8 km ‘il barra mix-xatt. Fit-tfassil tal-proposta, l-Gvern ta priorita’ assoluta lill-bżonnijiet tan-nies u l-postijiet li l-aktar huma milquta minn din l-industrija.
Fl-istess waqt il-Gvern poġġa bħala priorita’ ewlenija wkoll, il-ħarsien ta’ industrija tant importanti għall-ekonomija Maltija, bħal ma hi l-akwakultura. Dan hu eżempju ċar ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota b’dispjaċir l-istqarrija tal-kelliema ta’ l-Oppożizzjoni li hija nieqsa minn kwalunkwe proposta alternattiva, u li fiha għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni tikkritika mingħajr ma tħares lejn il-fatti kollha relatati ma’ din il-proposta.
Bħala parti mill-istudju li sar, id-Dipartiment tas-Sajd ikkummissjona Rapport ta’ l-Impatt Ambjentali (Environment Impact Assessment) li jagħti ħarsa lejn l-aspetti kollha ta’ l-iżvilupp u kif dan jista’ jimpatta l-ambjent tal-madwar. Din hija l-prassi normali. Ir-rapport dwar impatt strateġiku (Strategic Impact Assessment) jsir fuq proposti li jibdlu l-policy nazzjonali dwar suġġett partikolari li żgur mhux il-każ f’din il-proposta.
L-istqarrija ta’ l-Oppożizzjoni tagħti l-impressjoni li l-istudju ta’ l-EIA li ġie mressaq ma kienx komplut. Dan huwa dokument pubbliku u kulħadd jista jarah u jqabblu ma’ dokumenti ta’ proġetti oħra simili li saru fil-passat. M'hemmx għalfejn li wieħed ikun espert biex jinduna li jekk tqabbel l-istudji ta’ impatt ambjentali, li saru ghal proposti oħra simili fil-passat, isib li dawn m’humiex iddettaljati daqs kemm hu iddettaljat ir-rapport li tħejja bħala parti minn din l-applikazzjoni.
Mill-monitoraġġi regolari ta’ l-ambjent ta’ madwar il-farms tat-tkabbir tat-tonn li saru s’issa, jirriżulta li m’hemmx problemi ambjentali irriversibbli kif timplika l-istqarrija ta’ l-Oppożizzjoni.
Madankollu, minkejja li l-problemi mhumiex irriversibbli, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, flimkien mal-MEPA u entitajiet nazzjonali oħra, xorta ħassew il-bżonn li fl-interess ta’ l-ambjent ta’ pajjiżna, jinbeda l-proċess li għandu jwassal biex l-impatt fuq l-ambjent ikompli jitnaqqas.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ifakkar li kienet it-Taqsima tal-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd li fis-sena 2000, tat direzzjoni biex it-trobbija tat-tonn ma ssirx f'ibħra li huma aktar baxxi minn 50 metru. F'dak iż-żmien, it-trobbija tat-tonn fid-dinja kollha kienet issir f’ibħra inqas baxxi minn 35 metru. L-operaturi kollha dak iż-żmien kienu kontra l-istrateġija ndikata mit-Taqsima; iżda daħlu għall-isfida, organizzaw ruħhom u żviluppaw sistemi b'suċċess kbir biex setgħu jaħdmu f'dan il-fond. Illum il-pajjiżi l-oħra jikkuppjaw il-prattiċi addotatti minn pajjiżna, snin ilu.
Il-Ministeru jrid għal darb’oħra jtenni li, lil hinn mill-argumenti ta’ politika partiġġjana, huwa mpenjat bex jara li din il-proposta issa tibda titwettaq u dan fl-aħjar interess tar-residenti, taż-żoni l-aktar milquta, tas-sajjieda li lkoll approvaw din il-proposta, u ta’ l-ekonomija Maltija li tant għandha bżonn ta’ attivitajiet bħalma hi l-akwakultura, li timmassimizza r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.
Għaldaqstant, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jappella lil dawk kollha kkonċernati biex f’qasir żmien ipoġġu madwar mejda sabiex din id-deċiżjoni tkun implimentata bl-aħjar mod possibli, ħalli jkun assigurat li t-tranżizzjoni ssir bl-aħjar mod u bl-anqas intoppi possibli.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950