Left arrow Mur Lura

Kunċert minn Marco Masini f’Għawdex

pr1875
Date Icon 28/12/2005

Il-kantant taljan Marco Masini se jżur pajjiżna fil-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla għal kunċert organizzat mit-Teatru Aurora ta’ Għawdex, li jifforma parti mis-Soċjeta’ Filarmonika ‘Leone’.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech ħabbar din l-attivita’ kulturali waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet organizzata fil-Golden Tulip Vivaldi Hotel f’San Ġiljan. Hu qal li n-numru ta’ kunċerti li qed ikunu organizzati bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti popolari Taljani juri li f’pajjiżna hawn min hu kapaċi jorganizza, fl-istess waqt li jieħu s-sogru għal rappreżentazzjonijiet hekk kbar. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul id-29 sena li ilu miftuħ, it-Teatru Aurora ikkontribwixxa bis-sħiħ għall-kultura f’Għawdex. Tul dawn is-snin ġew organizzati f’dan it-teatru aktar minn 30 produzzjoni operistika u diversi attivitajiet teatrali. Il-Ministru fakkar li dan it-teatru ġie inawgurat fl-1977 bl-opra ta’ Giacomo Puccini, il-Madame Butterfly. Diversi personalitajiet internazzjonali bħal Stefania Rotolo, Pupo, Barry Mason, Katrina u Paolo Vallesi taw kuncerti kbar f’dan l-istess teatru. 

“Il-każini tal-baned f’Malta u Għawdex minn dejjem taw kontribut għall-kultura tal-mużika mhux biss bil-kunċerti u l-programmi li jesegwixxu matul is-sena, iżda anke billi jgħallmu l-istrumenti liż-żgħażagħ tagħna. Malta għandna l-fortuna li f’kull lokalita’ hemm każin tal-banda. Hemm lokalitajiet bi tnejn jew tliet każini tal-banda u dan ikompli jkabbar l-interess u l-imħabba lejn il-mużika. Il-mużika nistgħu nqisuha bħala l-lingwa internazzjonali u għalhekk għandna nħarsuha” qal il-Ministru Zammit Dimech li feraħ lid-diriġenti tat-Teatru Aurora għall-inizjattiva tagħhom u awguralhom kull suċċess. 

Marco Masini li għandu 41 sena, kellu suċċess kbir fix-xena tal-kanzunetta Taljana.  Marco Masini  għamel l-ewwel tour mużikali tiegħu fl-1987. Is-sena ta’ wara ħareġ l-ewwel diska tiegħu ‘Uomini’. Fl-1990 ħa sehem fil-Festival ta’ San Remo bil-kanzunetta ‘Disperato’. Fl-1993, is-sena li fiha kien ġie Malta u kanta quddiem folla kbira fil-Luxol grounds f’St Andrew’s, Marco Masini ħareġ l-album ‘T’innamorerai’. 

Fis-sena 2004, Marco Masini rebaħ il-54 Edizzjoni tal-Festival ta’ San Remo mar-raba’ darba li ħa sehem, bil-kanzunetta ‘L’Uomo Volante’. Iżda fis-snin ta’ qabel ippubblika diversi albums ta’ kanzunetti li kienu jinkludu ‘Uomini’, ‘Perche’ lo fai’, ‘Malinconoia’, ‘Raccontami di te’,  u ‘Il mio cammino’. 

Wara li rebaħ il-festival ta’ San Remo, Marco Masini ta kunċerti fl-ibliet ewlenin  ta’ l-Italja, f’diversi bliet kapitali ta’ l-Ewropa u mad-dinja. Masini ħareġ aktar kanzunetti fosthom ‘E ti amo’ u ċ-CD intitolat  ‘Il Giardino delle Api’.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow