MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Erġajna ninsabu lejliet il-Milied u sena ġdida oħra. Sena wara sena, niċċelebraw dawn il-ġranet ta’ festi li għandhom tifsira tassew speċjali għalina l-Maltin u l-Għawdxin.
Il-ġrajja tal-Milied għaddewielna l-ġenituri tagħna, u aħna, għaliex tant ngħożżuha u ngħarfu l-importanza ta’ dak li qed niċċelebraw f’dawn il-ġranet, irridu ngħadduha wkoll lil uliedna.
Din il-ġrajja m’hijiex biss ir-rakkont li nismgħu fit-tfulija, iżda ġrajja li tkompli sseħħ madwarna. Hija ġrajja ta’ taħbit, ta’ tama u fidi, ta’ familja li fi żmien diffiċli tfittex il-kenn, familja li taħdem biex ittejjeb il-qagħda tagħha. Matul is-sena li għaddiet, rajna din l-istorja sseħħ madwarna kemm-il darba u f’ħafna modi differenti. Rajniha f’familji madwar id-dinja jippruvaw jgħelbu t-tbatija u jissaraw kontra l-firda. Rajniha f’persuni jfittxu l-kenn f’pajjiżna filwaqt li pajjiżhom għaddejjin minn żminijiet diffiċli.
F’dawn il-festi ta’ ferħ, niftakru b’mod speċjali f’dawk in-nies li qed ibatu, anke f’pajjiżna. Hemm min tilef ix-xogħol dan l-aħħar, jew jixtieq jaħdem u għadu ma sabx xogħol. Hemm min qed jiffaċċja l-mard jew rikbu xi vizzju. Hemm min tilef lil xi ħadd qrib tal-familja. Jiena nemmen li l-isbaħ awgurju tagħna lil dawn in-nies huwa t-tisħieħ tad-determinazzjoni tagħna lkoll biex nagħmlu dak kollu possibbli biex fit-tbatija tagħhom isibu l-għajnuna kollha li għandhom bżonn u li s-sena d-dieħla tkun għalihom ukoll ahjar minn dik li wasalna biex nispiċċaw.
Din is-sena, kellna l-opportunità li bħala Nazzjon nagħtu sehem dirett biex numru ta’ pajjiżi jtejbu l-mod kif jikkollaboraw u jaħdmu flimkien. Kapijiet ta’ Gvernijiet, rappreżentanti tan-negozju, taż-żgħazagħ u tas-soċjetà ċivili minn aktar minn 50 pajjiż differenti ltaqgħu f’pajjiżna biex fi spirtu ta’ paċi u solidarjetà ddiskutew u qablu dwar kif jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp aħjar ta’ pajjiżhom. Qiegħed nirreferi għal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Pajjiżi tal-Commonwealth li saret f’pajjiżna. Bħala Malti u bħala mexxej ta’ dawn id-diskussjonijiet, jien tassew kburi li Malta .../... għażlet li taħdem favur l-iżvilupp permezz tad-djalogu, permezz tal-għaqda u solidarjetà bejnietna. F’dan is-sens, dan il-Milied tassew nistgħu niċċelebraw il-fatt li Malta kompliet tgħożż u tkattar il-valuri tas-solidarjetà u l-kollaborazzjoni; valuri li tul iż-żminijiet wassluna biex inkunu dak li aħna llum, nazzjon li jaħdem favur il-paċi, nazzjon dinjituż u ħieles, li jagħraf id-diffikultajiet u jikkontribwixxi b’mod dirett biex dawn id-diffikultajiet jiġu ndirizzati.
Il-mogħdija taz-żmien iġġib magħha realtajiet ġodda. Nemmen li quddiem ir-realtajiet ġodda li ħa ġġib magħha żgur is-sena li ġejja, aħna l-Maltin għandna nistinkaw biex inkomplu nħarsu l-valuri tant għeżież għalina. B’dan ma nixtieqx infisser li għandna nibqgħu staġnati jew li ma nimxux mal-progress. Għal kuntrarju, irridu niffaċċaw il-ġejjieni b’kuraġġ u b’karattru. Illum nagħrfu li l-bidla hija parti integrali minn ħajjitna, realtà li ma nistgħux u m’għandniex nippruvaw naħarbu minnha. Il-bidla ġġib magħha kemm sfidi u kemm opportunitajiet. L-identità u t-twemmin tagħna bla dubju jissarfu fil-mod kif inġibu ruħna quddiem dawn is-sitwazzjonijiet ġodda li nkunu il-ħin kollu naffrontaw.
Hija x-xewqa tiegħi li permezz tat-tradizzjonijiet sbieħ tagħna, il-valuri u t-twemmin marbuta ma’ dawn il-festi tant għeżież, niċċelebraw l-identità tagħna, li hija marbuta ukoll mill-qrib mal-ġrajja tal-Milied. Filwaqt li jiena ċert li l-Milied għandu tifsira unika u speċjali għal kull wieħed u waħda minna, din il-festa għandha wkoll tifsira għalina bħala poplu Malti. Iċ-ċelebrazzjonijiet, il-presepji, il-ġenerożità u tradizzjonijiet oħra ta’ dawn il-ġranet huma kollha kemm huma mgħaġuna ma’ l-identità tagħna lkoll.
Fil-Milied ma jistax jonqos li niftakru fi qrabatna u ħbiebna li għalkemm ħallew Malta u ġew milqugħa f’pajjiżi oħra, fejn rawwmu opportunitajiet tajba għall-familji tagħhom, baqgħu Maltin b’identità qawwija u komplew iħaddnu l-valuri tagħna.
F’dinja li qiegħda dejjem tiċkien, l-importanza ta’ din l-identità tagħna tidher ċara daqs il-kristall. Kif jafu l-ħbieb u l-qraba tagħna l-Maltin li jgħixu ’l barra minn xtutna, huwa proprju meta niltaqgħu ma’ popli oħrajn li jispikkaw is-saħħa u l-valur ta’ l-identità tagħna. Pajjiżna qed jiltaqa’ iktar spiss ma’ nazzjonijiet u popli oħra. Dan il-kuntatt iġib miegħu l-opportunità biex bħala Nazzjon insaħħu l-identità tagħna bħala Maltin, niskopru lilna nfusna u nsostnu dawk il-valuri li tant aħna magħrufin għalihom - il-valur tal-familja, il-valuri tar-rispett lejn xulxin, l-għaqda bejnietna, il-bżulija u s-solidarjetà. Huwa f’dan l-ispirtu ta’ djalogu u solidarjetà tal-Milied li nixtieqna nkomplu mexjin fil-futur; spirtu li fih il-poplu Malti dejjem fjorixxa u kiseb suċċessi kbar!
Jiena, il-mara tiegħi Kate u l-familja tagħna, kif ukoll il-Gvern li jien imexxi, nixtiequ lilkom ilkoll ħuti Maltin u Għawdxin il-Milied it-tajjeb, mimli sliem u saħħa, u sena mimlija b’kull rizq, hena u barka.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950