Left arrow Mur Lura

MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI

pr1871
Date Icon 24/12/2005

Ħuti Maltin u Għawdxin, insellmilkom.

Huwa pjaċir, u d-dmir tiegħi li għal darb’oħra, fl-aħħar tas-sena, nidħol fi djarkom insellmilkom, nindirizzakom u naturalment nawguralkom. Huwa żmien tal-Milied, żmien ta’ ferħ, żmien meta aħna nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ u nittamaw f’sena ġdida li tkun ta’ prosperità għal kulħadd.

Huwa żmien ukoll li fih ta’ bilfors inħarsu daqsxejn lura u naraw x’għaddejna minnu. Jiena ħassejtni kburi ħafna meta f’Jannar tas-sena li waslet biex tispiċċa jiena mort nirrappreżentakom fir-Repubblika Ċeka; għamilt viżita statali. Għamilt viżita uffiċjali oħra importanti fi Spanja f’Novembru ta’ din is-sena u ħassejtni kburi li jiena Malti għaliex il-kapijiet taż-żewġ stati wrew kif huma jħarsu bi stima lejn il-poplu tagħna. Poplu żgħir, poplu mimli b’dinjità, mimli bi storja, mimli b’fiduċja fih innifsu.

Ħassejtni kburi wkoll nilqa’ fostna l-kapijiet ta’ stati oħrajn. Kellna fi Frar ta’ din is-sena, viżita statali mill-President ta’ Ċipru. Gżira oħra bħalna, ex-kolonja Ingliża indipendenti u li wkoll saret magħna membru ta’ l-Unjoni Europea. F’Mejju kellna l-viżita statali tal-President ta’ l-Italja, pajjiż ħabib kbir ta’ Malta li tul is-snin u tul l-istorja qsamna ħafna mill-ġrajjiet tagħna. Ħadt pjaċir nilqa’ lil President Ciampi. U iktar tard din is-sena kif jaf kulħadd, ilqajna għal darb’oħra fostna, ir-Reġina tar-Renju Unit – ir-Reġina Eliżabetta li waqt id-diskorsi li kellha miegħi qaltli jiena nista’ ngħid li post wieħed għext barra mill-Ingilterra – għext f’Malta. Kellna wkoll f’Novembru, viżita ta’ 52 Kap ta’ Gvern mill-pajjiżi tal-Commonwealth, okkażjoni rari, unika. Fil-fatt qatt ma ġrat li f’pajjiżna lqajna tant Kapijiet ta’ Gvern jew ta’ Stat ilkoll flimkien.

U naħseb ħriġna bl-unuri, kemm fil-viżiti statali li sarulna, kemm meta jiena mort nirrapreżentakom barra u ħafna wkoll meta ġew dawn il-kapijiet ta’ Gvernijiet tal-Commonwealth. Ħriġna bl-unuri għaliex kollha kemm huma faħħru lill-poplu tagħna. Kemm konna tajbin fl-organizzazzjoni, kemm id-diskussjonijiet tmexxew tajjeb taħt il-presidenza tal-Prim Ministru Malti, kemm intlaħqu deċiżjonijiet importanti li fil-bidu tad-diskussjonijiet ħadd ma ħaseb li kienu ser jintlaħqu dawk id-deċiżjonijiet. Imma l-ikbar sodisfazzjon hu li dawna kollha li ġew jiviżitawna raw xi tfisser l-ospitalità tagħna l-Maltin. Kif aħna l-Maltin nilqgħu lill-barranin fostna, karatteristika ewlenija tagħna l-Maltin, parti mill-identità tagħna ta’ dak li jagħmilna tabilħaqq Maltin. Ospitalità - ospitalità mal-barranin u ospitalità u solidarjetà bejnietna hawn Malta. Naħseb illi aħna wkoll hawn Malta għandna stima lejn xulxin. Nagħtu każ, f’sens tajjeb tal-kelma, ta’ għajrna. Jimpurtana x’jiġri mill-oħrajn li qed ngħixu magħhom f’pajjiżna.

Jiena nixtieq u nawgura li s-sena kollha nkunu kapaċi ngħixu bejnietna dan l-ispirtu ta’ ospitalità, ta’ solidarjetà. Għandna bżonn ma nkunux goffi ma’ xulxin. Kultant nabużaw mill-fatt tal-familjarità tagħna fil-familji tagħna stess, bejnietna fid-djar tagħna u kultant inkunu goffi anke bejnietna, forsi fuq il-postijiet tax-xogħol kif nitrattaw ma’ xulxin. Hemm bżonn illi ngħixu din il-karatteristika ewlenija tagħna ta’ solidarjetà li jimpurtana minn xulxin. Pajjiżna rnexxielna nibnu soċjetà inklussiva li nippruvaw nagħtu każ ta’ kulħadd. Ma lħaqniex il-perfezzjoni, għad hawn min hemm bżonn nagħtu kasu aktar milli għamilna s’issa imma naħseb li nistgħu ngħidu li bħala poplu, is-sena għexnieha f’armonija. Għexnieha b’sens ta’ mħabba ta’ solidarjetà bejnietna.

Irridu naturalment inħarsu ’l quddiem għaliex pajjiżna wkoll għandu sfidi mhux żgħar. Pajjiżna wkoll irid jitħabat mal-mewġ tal-ħajja. Imma jekk nimxu lkoll flimkien, jekk ilkoll ngħatu sehmna naħseb għandna għaliex insibu kuraġġ biex nimxu ’l quddiem.

Okkażjoni li ma nistax ma nsemmiex, li jiena wkoll ħassejtni kburi nipparteċipa fiha kienet dik tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni fejn jiena flimkien mal-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni konna preżenti f’Ruma għal funeral ta’ dan il-Papa hekk kbir. Papa uniku fl-istorja li żarna hawn Malta darbtejn, anzi kien Malta tliet darbiet, tnejn minnhom f’viżiti uffiċjali li għamlilna. Konna preżenti wkoll jien, il-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għal inawgurazzjoni tal-Papa Benedittu Sittax. Papa li jipprometti ħafna biex imexxi l-knsija u l-popli li jiffurmaw il-Knisja ’l quddiem, mhux biss fit-twemmin tagħhom imma fis-sehem li jagħtu biex il-ħajja tagħna lkoll tkun ħajja aħjar. .../...

Naturalment is-sena ma kinietx ward u zahar f’kollox. Jiena l-ikbar mument ta’ dieqa li għext per eżempju kien meta attendejt, l-istess bħala l-Kap ta’ dan l-iStat Malti, għal funeral ta’ dawk il-ħames żgħażagħ mill-Qrendi. Qalbek tinafas meta tara żgħażagħ ġenerużi tilfu ħajjiethom – tilfu ħajjiethom mhux għax riedu – tilfu ħajjiethom fil-fjur tagħhom. Naħseb illi dawn huma memorji illi lilna jfakkruna illi fil-ħajja qegħdin kontinwament fi ġlieda kontinwa. Niftakar ukoll f’dawk kollha, mijiet, illi tilfu l-postijiet tax-xogħol tagħhom fis-sena li għaddiet. Nawgurawlhom li ma jdumux bla xogħol dawk fosthom li għadhom bla xogħol. Nawgurawlhom li s-sena l-ġdida tkun sena ġdida li fiha wkoll jerġgħu jakkwistaw il-post tax-xogħol tagħhom.

Kif għedt, irridu nħarsu ’l quddiem b’fiduċja. Jiena l-fiduċja nsiba fil-fatt illi l-poplu Malti għadu jgħożż il-valuri, valuri morali, valuri etiċi. Valuri jiġifieri li jġgħaluna niddistingwu u ngħarfu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hemm bżonn li dawn il-valuri nibqgħu ngħożżuhom. Fost dawn, l-aqwa valur forsi huwa l-valur tal-familja. L-għaqda tal-familja. It-tarbija li għandha bżonn il-ġenituri tagħha biex titgħallem tiekol, biex titgħallem timxi ’l quddiem, biex titgħallem timxi, litteralment, għandha bżonn jkollha l-għaqda tal-familja. Jiena nawgura li l-valuri, dawk li nsejħulhom valuri tradizzjonali morali u etiċi jibqgħu sħaħ f’pajjiżna u ma mmorrux ninġarru mill-mewġ qawwi li qed itellef tant minn dawn il-valuri f’pajjiżi oħra.

Huwa mument ta’ ferħ il-Milied. Inħarsu ’l quddiem, nimtlew b’dan il-ferħ li jġibilna l-messaġġ tal-Milied u nħarsu lejn is-sena l-ġdida b’tama. Jiena nerġa’ nagħlaq dan id-diskors tiegħi billi nawguralkom ilkoll Milied hieni fil-familji tagħkom u sena, jekk Alla jrid, li tkun mimlija b’risq u hena għal kulħadd.

Insellmilkom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow