Insaħħu s-Sistema MATSEC
B’ referenza għal dak li ntqal fl-editorjal ta’ “l-Orizzont” ta’ llum, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jixtieq jiċċara ċerti punti biex kulħadd ikun infurmat tajjeb:
“Filwaqt li hu tajjeb li jkun hawn diskussjoni dwar ir-Reviżjoni tal-MATSEC u r-rakkomandazzjonijiet li għandu quddiemu l-Gvern, huwa daqstant importanti li din id-diskussjoni tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq ir-riċerka li jinsabu fir-rapport, u mhux fuq l-għajdud u l-perċezzjonijiet.
Wieħed irid joqgħod attent li ma jasalx għal konklużjonijiet żbaljati. Filwaqt li hemm rieda li kulħadd jilħaq il-milja tiegħu u kemm jista’ jkun, ikun hemm sistema ta’ ċertifikazzjoni li biha kulħadd ikun jista’ juri x’inhuma l-kompetenzi tiegħu, ikun żball jekk wieħed jikkonkludi li min mhux qed joqgħod għall-eżamijiet tas-SEC jew tal-MATSEC, m’għandhux ħiliet jew saħansitra huwa illitterat.
Dan mhux minnu. Hemm min, għalkemm ikun kapaċi jikteb u jaqra u jista’ jagħmel dawn l-eżamijiet, għal xi raġuni jew oħra, jagħżel li ma jagħmilhomx. Dan la jfisser li hu illitterat u lanqas li m’għandhux ħiliet.
Ir-rapport dwar il-MATSEC jidħol fid-dettall ta’ dawn il-kwistjonijiet li jirrigwardaw dawk li ma joqgħodux għall-eżamijiet u dawk li ma jgħaddux.
L-ewwel nett jirrakkomanda li l-eżamijiet isiru aktar tard, biex l-aħħar sena qabel l-eżami, tkun waħda sħiħa. Dan għandu jwassal biex ikun hemm preparazzjoni aktar soda għall-eżami u anqas pressjoni fuq l-istudenti fil-bqija tas-sena.
It-tieni jirrakkomanda li jkun hemm aktar eżamijiet vokazzjonali – li għandhom iħajjru lil dawk l-istudenti li għandhom xeħta vokazzjonali.
U t-tielet rakkomandazzjoni hi li jkun hemm sistema ta’ ċertifikazzjoni fil-ħiliet bażiċi fil-Malti, l-Ingliż, fil-Matematika, fix-Xjenza u fit-Teknoloġija ta’ l-Informatika – eżamijiet li jsiru fuq il-kompjuter.
Hu kompletament żbaljat li wieħed jgħid li l-illitteriżmu qiegħed jikber. Il-ġurnal ”l-Orizzont” ikun qed jisgwida lill-qarrejja tiegħu meta jgħid hekk, u jippreżenta dan bħala fatt. Minn fejn jirriżulta dan il-“fatt”? Liema studju qed jikkwota ”l-Orizzont”? Il-fatti huma bil-kontra u dan jikkonfermawh l-istudji li saru fuq dan is-suġġett, kemm dak li sar lokalment fl-1999 u fl-2002, mil-Literacy Unit u d-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni, kif ukoll studji internazzjonali li jqabblu lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn.
Il-fatti juru li l-illitteriżmu fost il-popolazzjoni tagħna hu wieħed mill-iżgħar fid-dinja (7.7 % fost l-adulti – UNHDR 2003) u li fost iż-żgħażagħ u t-tfal hemm livelli itjeb ta’ litteriżmu, jiġifieri li l-illitteriżmu hu aktar baxx (1.4 % fost iż-żgħażagħ – UNHDR 2003). Madankollu, il-Ministeru jaqbel ma’ ”l-Orizzont” li m’għandu qatt ikun kuntent sakemm ikun hemm min qed joħroġ mis-sistema edukattiva mingħajr ħiliet bażiċi għall-ħajja u għad-dinja tax-xogħol.
Il-gurnal ”l-Orizzont” jgħid li huwa ovvju għaliex numru ta’ studenti ma joqgħodux għall-eżamijiet u jagħti l-opinjoni tiegħu. Meta qed titkellem dwar firxa hekk differenti ta’ studenti b’sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet diversi, qatt ma tista’ toqgħod fuq l-ovvju u fuq opinjoni suġġettiva.
Biex inkomplu nsaħħu s-sistema ta’ l-eżamijiet MATSEC, irridu nagħmlu analiżi dettaljata, nużaw ir-riċerka li saret u nagħmlu r-riċerka tagħna, naraw x’qed jiġri f’pajjiżi oħra u niddiskutu ma’ dawk kollha nvoluti dwar kif din is-sitema ta’ l-eżamijiet tista’ tkompli titjieb.
Dan hu x’qed jagħmel il-grupp ta’ ħidma mmexxi minn Dr. Grace Grima. Ir-rapport ta’ dan il-grupp hu wieħed riċerkat sew b’rakkomandazzjonijiet li huma bbażati fuq din ir-riċerka. Tajjeb għalhekk li meta niġu biex niddiskutu, nużaw ir-riċerka li saret u li hi ppublikata f’dan ir-rapport, biex id-diskussjoni tkun waħda produttiva u li tibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà hemm”.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950