GĦAJNUNA FINANZJARJA LIŻ-ŻEWĠ TEATRI TA’ L-OPRA F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ippreżentat għotjiet finanzjarji liż-żewġ teatri ta’ l-opra f’Għawdex. L-għotjiet, li jammontaw għal Lm5,000, tqassmu b’konformità mal-ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u t-Teatri Astra u Aurora. Dan, sabiex il-Gvern jgħin fil-produzzjoni ta’ l-opra lirika annwali.
Illum il-ġurnata l-opra lirika hija prodott ieħor li qed jiġi esportat minn Għawdex. Minkejja li tinvolvi s-sehem ta’ artisti barranin ta’ fama internazzjonali, ix-xogħol kollu li tirrekjedi l-opra jsir kompletament f’Għawdex. Dan jinkludi l-ħidma ta’ wara l-kwinti, l-organizzazzjoni, l-aspett artistiku, kif ukoll t-taħriġ mużikali u drammatiku ta’ l-atturi, li jkunu lkoll ta’ element lokali.
Minbarra l-kontribuzzjoni għolja fil-qasam kulturali, l-opra lirika llum saret appuntament annwali li żżid l-influss ta’ turiżmu intern u barrani lejn Għawdex għaliex hija mfittxija ferm mill-Maltin u barranin. Iż-żewġ Soċjetajiet jinvolvu l-ħidma ta’ ħafna Għawdxin li jikkontribwixxu b’mod volontarju tul is-sena kollha.
Fil-bidu ta’ l-istaġun teatrali 2005-2006, it-Teatru Astra ppreżenta l-opra La Bohème ta’ Giacomo Puccini bis-sehem tat-tenur Malti Joseph Calleja u s-sopran Tatiana Lisnic, filwaqt li t-Teatru Aurora ppreżenta l-opra Fedora ta’ Umberto Giordano bis-sehem tas-sopran Laura Niculescu u t-tenur Mario Malagnini, fil-partijiet prinċipali.
Filwaqt li ppreżentat ċekk ta’ Lm2,500 lil kull soċjeta’, il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lis-Soċjetà Filarmonika La Stella u lis-Soċjetà Filarmonika Leone tal-kontribut siewi tagħhom fil-qasam kulturali, ekonomiku u soċjali lokali.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950