Jibdew l-ewwel korsijiet b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea f’Għawdex
F’Għawdex ingħata bidu għall-ewwel sett ta’ korsijiet li qed isiru b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea bil-għan li jtejbu l-ħiliet ta’ l-Għawdxin f’diversi oqsma. Dawn il-korsijiet li qed isiru fiċ-Ċentru ta’ l-Universita’ f’Għawdex, qed jingħataw fl-oqsma ta’ l-Agrikoltura, ta’ business studies, e-commerce u informatika, u studji marbuta ma’ l-ippjanar u l-immaniġġjar ta’ l-ambjent. Il-Ministeru għal Għawdex kien applika għal fondi sabiex isiru dawn il-korsijiet, flimkien ma’ diversi proġetti oħra wara li l-Kummissjoni Ewropea kienet għamlet studju li identifika l-bżonnijiet partikolari ta’ Għawdex, qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, li kienet preżenti waqt l-attivita’ li rat il-bidu ta’ dawn il-korsijiet, qalet li bħala Ministru kienet sodisfatta ferm li dawn il-korsijiet ġibdu lejhom numru sostanzjali ta’ Għawdxin li fehmu l-potenzjal ta’ iktar taħriġ u edukazzjoni lill-adulti. Il-Ministru Debono qalet li l-erba’ korsijiet li bdew jingħataw qed jingħataw lill-massimu ta’ studenti possibbli. Hija semmiet ukoll li żewġ korsijiet minn erba’ kellhom jagħmlu proċess ta’ shortlisting wara li n-numru ta’ applikanti li rreġistraw għalihom kien ferm iktar milli mistenni. Fil-fatt, l-applikanti li kkwalifikaw għal dawn il-korsijiet iżda li ma ġewx aċċettati għal din is-sena, se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess opportunita’ meta l-istess korsijiet jerġgħu jiġu ripetuti s-sena d-dieħla.
Lezzjonijiet għal dawn il-korsijiet qed jingħataw kull nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt, sa Ġunju 2006. It-tieni sessjoni ta’ l-istess korsijiet tinbeda f’Ottubru 2006. Jistgħu japplikaw dawk ta’ ‘l fuq minn 16-il sena b’livell ta’ edukazzjoni O’Level jew ekwivalenti. Il-korsijiet qed jiġu offruta mingħajr ħlas.
Il-Ministru Debono qalet li dawn il-korsijiet huma wħud minn diversi korsijiet li se jingħataw f’Għawdex sabiex f’Għawdex stess jiżdiedu l-possibilitajiet edukattivi filwaqt li tingħata opportunita’ lill-Għawdxin biex itejbu l-ħiliet tagħhom marbuta max-xogħol. Il-Ministru Debono qalet li iktar istituzzjonijiet edukattivi f’Għawdex, fosthom iċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri kif ukoll l-Istitut għal Studji Turistiċi ukoll se jkunu qed joffru iktar korsijiet fix-xhur li ġejjin għall-benefiċċju ta’ l-Għawdxin.
Il-korsijiet qed isiru permezz tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea 2004-6, partikolarment taħt il-Fond Soċjali Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950