ĦIDMA BIEX JITTEJJEB L-AMBJENT MADWAR IL-HOUSING BLOCKS ĠODDA FL-IMSIDA
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta flimkien mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u l-Awtorità tad-Djar, bħalissa jinsabu mpenjati f’ħidma biex jittejjeb l-ambjent madwar żewġ binjiet ġodda li l-Awtorita’ tad-Djar għadha kemm lestiet fl-Imsida. Ix-xogħol li qed isir issa huwa l-bini tat-toroq tal-madwar.
B’kollox, dawn iż-żewġ binjiet jinkludu total ta’ 61 appartament li kollha se jinkrew bħala parti mill-programm estensiv ta’ housing soċjali tal-Gvern. Din hija it-tielet fażi minn proġett ta’ riġenerazzjoni urbana tal-inħawi li tinkludi b’kollox ħames fażijiet. Din il-fażi weħidha swiet lill-Awtorita’ tad-Djar in-nefqa ta’ Lm1.3 miljun.
Waqt żjara li għamlu flimkien il-Ministru Jesmond Mugliett u l-Ministru Dolores Cristina fuq il-lant tax-xogħol dal-għodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li dawn ix-xogħlijiet ser iservu biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-okkupanti li dalwaqt mistennija jidħlu f’dawn l-appartamenti ġodda.
“Il-mod kif qed tinbena din ir-ring road u l-isqaq li jaqsam iż-żewġ blokki ser jiżgura li l-okkupanti ta’ dawn il-blokki ma jbatux mill-inkonvenjent li jikkawża l-ilma tal-wied li jgħaddi minn din it-triq,” qal il-Ministru Mugliett.
Ix-xogħol fir-ring road fil-fatt jinvolvi l-bini ta’ retaining wall biex it-triq tkun tista’ togħla aktar mil-livell ta’ Triq il-Wied. Taħta qed jitqiegħed ukoll stormwater culvert biex l-ilma tal-bjut ta’ dawn il-blokki residenzjali jgħaddi direttament għal ġo fih. Tqiegħed ukoll service culvert li minnu ser jgħaddu is-servizzi kollha lejn il-blokki, ‘main’ ġdid tal-ilma kif ukoll ‘main’ ġdid tat-drenaġġ.
“Barra minhekk, ix-xogħol li qed isir fi sqaq, faċċata tal-knisja l-qadima, ser itejjeb l-ambjent urban ta’ dawn l-inħawi billi jipprovdi żona ta’ rikrejazzjoni. Dan peress li s-sqaq ser ikun magħluq għat-traffiku. Bit-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-inkwilini f’din iż-żona ser ikunu qed igawdu minn ambjent urban xieraq,” temm jgħid il-Ministru għall-iżvilupp Urban u Toroq.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina qalet li z-zjara tal-lum tenfasizza l-importanza tal-koordinament bejn ministeri differenti favur kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti. Proġetti kapitali bħal dawn jirrikjedu koordinament mill-qrib bejn diversi dipartimenti u entitajiet pubbliċi, b’tali mod li x-xoghol ta’ wieħed jiddependi fuq l-ieħor.
Il-Gvern hu mpenjat li jkompli jibni oqsma tad-djar għal Maltin u l-Għawdxin b’livelli infrastrutturali għoljin. Hi sostniet li qasam tad-djar ma jitkejjilx biss mill-kwalità tal-appartamenti, iżda wkoll mill-ambjent tal-akkwati. Ix-xogħol li qed isir bħalissa f’dawn l-inħawi hu konferma ta’ dan. Il-Ministru Cristina temmet tirringrazzja lill-ħaddiema kollha nvoluti u awgurat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew fl-aqsar żmien possibli, sabiex ir-residenti jibdew jibbenefikaw minn dan il-proġett malajr kemm jista jkun.
Ix-xogħol kollu għandu valur ta’ madwar Lm300,000 u qed jiġi kordinat minn periti tal-Awtorità dwar it-Trasport, l-Awtorità tad-Djar u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Hu maħsub li x-xogħol kollu jkun lest fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950