Left arrow Go Back

ĦIDMA BIEX JITTEJJEB L-AMBJENT MADWAR IL-HOUSING BLOCKS ĠODDA FL-IMSIDA

pr1862
Date Icon 21/12/2005

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta flimkien mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u l-Awtorità tad-Djar, bħalissa jinsabu mpenjati f’ħidma biex jittejjeb l-ambjent madwar żewġ binjiet ġodda li l-Awtorita’ tad-Djar għadha kemm lestiet fl-Imsida. Ix-xogħol li qed isir issa huwa l-bini tat-toroq tal-madwar. 

B’kollox, dawn iż-żewġ binjiet jinkludu total ta’ 61 appartament li kollha se jinkrew bħala parti mill-programm estensiv ta’ housing soċjali tal-Gvern.  Din hija it-tielet fażi minn proġett ta’ riġenerazzjoni urbana tal-inħawi li tinkludi b’kollox ħames fażijiet.  Din il-fażi weħidha swiet lill-Awtorita’ tad-Djar in-nefqa ta’ Lm1.3 miljun. 

Waqt żjara li għamlu flimkien il-Ministru Jesmond Mugliett u l-Ministru Dolores Cristina fuq il-lant tax-xogħol dal-għodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li dawn ix-xogħlijiet ser iservu biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-okkupanti li dalwaqt mistennija jidħlu f’dawn l-appartamenti ġodda. 

“Il-mod kif qed tinbena din ir-ring road u l-isqaq li jaqsam iż-żewġ blokki ser jiżgura li l-okkupanti ta’ dawn il-blokki ma jbatux mill-inkonvenjent li jikkawża l-ilma tal-wied li jgħaddi minn din it-triq,” qal il-Ministru Mugliett. 

Ix-xogħol fir-ring road fil-fatt jinvolvi l-bini ta’ retaining wall biex it-triq tkun tista’ togħla aktar mil-livell ta’ Triq il-Wied. Taħta qed jitqiegħed ukoll stormwater culvert biex l-ilma tal-bjut ta’ dawn il-blokki residenzjali jgħaddi direttament għal ġo fih. Tqiegħed ukoll service culvert li minnu ser jgħaddu is-servizzi kollha lejn il-blokki, ‘main’ ġdid tal-ilma kif ukoll ‘main’ ġdid tat-drenaġġ.  

“Barra minhekk, ix-xogħol li qed isir fi sqaq, faċċata tal-knisja l-qadima, ser itejjeb l-ambjent urban ta’ dawn l-inħawi billi jipprovdi żona ta’ rikrejazzjoni. Dan peress li s-sqaq ser ikun magħluq għat-traffiku. Bit-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet, l-inkwilini f’din iż-żona ser ikunu qed igawdu minn ambjent urban xieraq,” temm jgħid il-Ministru għall-iżvilupp Urban u Toroq. 

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina qalet li z-zjara  tal-lum tenfasizza l-importanza tal-koordinament bejn ministeri differenti favur kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.  Proġetti kapitali bħal dawn jirrikjedu koordinament mill-qrib bejn diversi dipartimenti u entitajiet pubbliċi, b’tali mod li x-xoghol ta’ wieħed jiddependi fuq l-ieħor.  

Il-Gvern hu mpenjat li jkompli jibni oqsma tad-djar għal Maltin u l-Għawdxin  b’livelli infrastrutturali għoljin.  Hi sostniet li qasam tad-djar ma jitkejjilx biss mill-kwalità tal-appartamenti, iżda wkoll mill-ambjent tal-akkwati.  Ix-xogħol li qed isir bħalissa f’dawn l-inħawi hu konferma ta’ dan.  Il-Ministru Cristina temmet  tirringrazzja lill-ħaddiema kollha nvoluti u awgurat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew fl-aqsar żmien possibli, sabiex ir-residenti jibdew jibbenefikaw minn dan il-proġett malajr kemm jista jkun. 

Ix-xogħol kollu għandu valur ta’ madwar Lm300,000 u qed jiġi kordinat minn periti tal-Awtorità dwar it-Trasport, l-Awtorità tad-Djar u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Hu maħsub li x-xogħol kollu jkun lest fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow