MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI LILL-MALTIN U GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn Malta,
Nixtieq inwasslilkom l-isbaħ xewqat tiegħi u tal-Gvern Malti għal dawn il-ġranet tal-festi tal-Milied u għas-sena l-ġdida. Għalkemm mifrudin bid-distanzi ta’ bejnietna, dawn iż-żminijiet, li għandhom tifsira tant speċjali għalina l-Maltin, għandhom jgħinuna nħossuna aktar qrib xulxin. Żgur li ħafna minnkom f’dawn il-ġranet ikollhom kuntatt speċjali ma’ qrabathom u ħbiebhom li jgħixu hawn Malta.
Kif tafu tajjeb, Malta din is-sena ospitajna l-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Pajjizi tal-Commonwealth, li kienet opportunità oħra fejn aħna l-Maltin urejna lid-dinja dak li verament aħna – poplu kapaċi, poplu ospitabbli li jħaddan il-valuri tal-paċi u li jemmen fis-solidarjetà. Aħna l-Maltin u l-Għawdxin urejna li nemmnu li l-iżvilupp ma jitwettaqx permezz ta’ prepotenza jew firda, iżda permezz ta’ l-għaqda, ħelsien u paċi li tant ngħożżu. J’Alla dawn il-valuri jibqgħu jispiraw lilna l-Maltin, inkunu fejn inkunu.
L-esperjenza pożittiva ta’ din il-laqgħa f’pajjiżna wrietna wkoll li kollaborazzjoni bejn il-kulturi ma tfissirx biss periklu u sfidi għall-identità tagħna, iżda tfisser ukoll ħafna opportunitajiet li jistgħu jissarfu f’riżultati ferm pożittivi. Bħala parti minn dinja li qiegħeda dejjem tiċkien, fejn nazzjonijiet u popli kull ma jmur dejjem iffittxu aktar li jikkollaboraw ma’ xulxin, Malta ssib ruħha f’kuntatt ma’ kulturi barranin f’diversi sitwazzjonijiet, fosthom permezz tal-familja Ewropea, tat-turisti li jżuruna, tas-suq globali u ta’ nies li jfittxu l-kenn f’pajjiżna. Dan il-kuntatt iġib miegħu l-opportunità biex bħala Nazzjon u poplu Malti u Għawdxi, insaħħu l-identità tagħna. Għandna l-opportunità biex insaħħu l-wirt u r-riżorsi tagħna u biex naqsmu l-esperjenzi u l-għerf kif ukoll niżviluppaw u nitgħallmu mill-ohrajn. B’hekk inkunu qed insaħħu l-identità tagħna u nużawha għall-ġid komuni.
Il-Milied huwa wkoll ġrajja ta’ taħbit, ta’ tama u fidi, ta’ familja li fi żmien ta’ diffikultà tfittex il-kenn u meta fil-periklu tfittex ħajja aħjar. Dan iż-żmien jippreżenta lil kull wieħed u waħda minna l-opportunità li niefqu u naħsbu dwar il-kontribut li nistgħu nagħtu, kemm bħala individwi kif ukoll bħala pajjiż, biex intejbu sitwazzjonijiet ta’ min hu għaddej minn żminijiet bħal dawn.
F’dan is-sens ma nistax ma nsemmix l-immigrazzjoni irregolari, li hawn Malta qed nesperjenzaw partikolarment mill-qrib f’dawn l-aħħar snin. Meta pajjiżna kien għaddej minn żminijiet diffiċli, ħafna minnkom sibtu opportunitajiet li tibnu futur sabiħ għalikom u għall-familji tagħkom f’pajjiżi oħra. Din it-tama għal ħajja aħjar twassal lil xi persuni minn pajjiżi fejn hemm il-gwerrer u l-faqar biex jitilqu għal għonq it-triq, fi triq li twassal lil uħud minnhom fostna. Intom li mxejtu lejn pajjiż barrani tafu sew xi sfidi ġġib magħha din is-sitwazzjoni. F’sens ispirat mill-ġrajja tal-Milied, meta l-familja ta’ Betlem intlaqgħet għal xi żmien barra minn pajjiżha, aħna qed nistinkaw biex nagħtu kenn lil dawk li jistħoqqilhom, u naħdmu biex anki huma jsibu futur aħjar f’pajjiżi oħra.
U f’dan iż-żmien tas-sena ma nistax nonqos milli nsemmi li ċ-ċentru ta’ dak kollu li nemmnu fih u li naħdmu għalih isib il-milja tiegħu fil-familji tagħna. Il-Milied huwa żmien li fih il-familji jingħaqdu aktar minn kull żmien ieħor filwaqt li jġeddu l-għożża li għandhom għal xulxin. Huwa b’dan l-għan ewlieni li għandna nħasru ’l quddiem lejn sena oħra ta’ ħidma għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.
Matul din is-sena kelli l-okkażjoni u x-xorti li niltaqa’ m’uħud minnkom meta żort l-iStati Uniti. Esperjenza li laqtitni immens meta rajt il-mod li bih il-komunitajiet Maltin tant jibqgħu maqgħuda, anki jekk integrati tajjeb ħafna u rispettati immens fil-komunità li laqgħathom. L-awgurju tiegħi għalikom ilkoll huwa li tibqgħu tħaddnu il-valuri tar-rispett lejn xulxin, il-valur tal-familja u l-għaqda kif ukoll tal-bżulija u s-solidarjetà, li jagħmlukom Maltin filwaqt li toħolqu opportunitajiet għalikom, għal familji tagħkom u l-pajjiżi li tgħixu fihom. Nistenna bil-ħerqa li jkolli opportunità niltaqa’ m’aktar komunitajiet Maltin barra minn Malta matul is-sena li ġejja.
F’ismi, f’isem il-mara tiegħi Kate u l-familja tagħna u għan-nom tal-Gvern Malti kollu nixtieq lilkom ilkoll Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn xtutna Milied ħieni u nawgurawlkom sena mimlija risq, saħħa u sliem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950