MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH ADAMI, GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U L-GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA
Ħuti Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn pajjiżna,
Naħseb li hija drawwa tajba ħafna, dik li ilha issa li daħlet f’pajjiżna, li l-President ta’ Malta f’dawn iż-żminijiet tal-Milied u ta’ l-Ewwel tas-Sena, jindirizza mhux biss lil Maltin li ngħixu f’pajjiżna, imma anke lilkom, intom li għal tant snin servejtuna bħala Ambaxxaturi tagħna; bħal nies li wrejtu lil kumplament tan-nies li jgħixu fil-pajjiżi fejn qedgħin bħalissa, min huma l-Maltin, x’jiswew il-Maltin, x’isarrfu l-Maltin u ta’ dan kollu naħseb li għandna nirringrazzjawkom.
Huwa żmien meta nagħtu l-awguri lil xulxin, nixtiequ l-Milied it-tajjeb, nixtiequ s-Sena t-Tajba lil xulxin. U għandna bżonn ħafna li nixtiequ dawn ix-xewqat sbieħ biex ngħarrfu kif ngħixu ż-żminijiet tagħna. Kif nilqgħu l-problemi li kull wieħed u waħda minna jiltaqa` magħhom matul is-sena. Is-sena li għaddiet kienet sena, forsi nistgħu nsejħulha kważi eċċezzjonali għal pajjiżna. Per eżempju, qatt ma kien ġara li Malta tilqa’ l-pajjiżi tal-Commonwealth. Kif tafu f’Novembru, kellna f’pajjiżna, tnejn u ħamsin kap ta’ gvern jew kap ta’ stat tal-pajjiżi kollha tal-Commonwealth. Kellna l-Prim Ministru ta’ l-Awstralja, kellna Ministru li rrapreżenta l-Prim Ministru tal-Kanada li ma setgħax jiġi. Kellna diversi pajjiżi kbar u żgħar li jiffurmaw il-Commonwealth.
Kien hawn min ħaseb li Malta hija pajjiż żgħir wisq biex jorganizza laqgħa bħal din. Jiena kelli okkażjoni mmur jiena stess għal tmien laqgħat minn dawn tal-Commonwealth. U hija verament organizzazzjoni qawwija ħafna biex tilqa tant kapijiet ta’ Gvern. F’Malta ilqajniehom u rnexxielna nuru li kapaċi norganizzaw anke laqgħa hekk kbira ta’ tlieta u ħamsin pajjiż f’Malta fl-istess ħin. U ħriġna bl-unuri: ħriġna bl-unuri fl-organizzazzjoni, ħriġna bl-unuri bil-mod kif saru d-diskussjonijiet taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru tagħna li ppresjeda l-laqgħa tal-Commonwealth hawnhekk. Irnexxielna nuru kif kapaċi wkoll bid-diskussjoni, insibu fuq x’hiex naqblu u t-tnejn u ħamsin Kap ta’ Gvern tal-Commonwealth irnexxielhom joħorġu tliet dikjarazzjonijiet importanti, magħrufin waħda bħala d-dokument, ir-Reżoluzzjoni tal-Belt Valletta, ir-Reżoluzzjoni ta’ Malta, ir-Reżoluzzjoni dwar Għawdex. Kien suċċess, u nieħdu pjaċir li rnexxielna nuru min aħna.
L-iktar li wrejna kien min hu l-poplu. Huwa poplu li jaf xi tfisser ospitalita’, kif tilqa’ lil ħaddiehor kif tilqa’ partikolarment lill-barrani li jsib ruħu f’pajjiżek. Jiena ma smajtx ħlief kliem ta’ tifħir ta’ kif l-affarijiet imxew hawn Malta. Dak huwa t-tajjeb li rajna.
Naturalment meta nħarsu lura naraw affarijiet li ġraw kemm f’pajjiżna kemm ukoll barra minn pajjiżna. F’pajjiżna kellna l-problemi kif għandhom il-problemi kollha ta’ l-ekonomija. Sfortunatament numru ta’ ħaddiema, eluf, tilfu l-postijiet tax-xogħol tagħhom. Uħud sabu postijiet tax-xogħol ġodda, oħrajn għadhom jistennew bla xogħol, nittamaw li s-sena d-dieħla ġġib opportunitajiet biex dawk li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom jsibu postijiet ġodda fejn jistgħu jaħdmu.
Traġedji, kellna minnhom ukoll hawn Malta. Naħseb anke intom fl-Awstralja u fil-Kanada smajtu b’dik id-diżgrazzja meta ħames żgħażagħ mill-Qrendi tilfu ħajjithom waqt li kienu sejrin lura lejn djarhom – żgħażagħ mimlijin enerġija. Kien għalija bħala President mument ta’ dieqa kbira illi mmur għal funeral tagħhom. Jekk inħarsu lejn x’ġara f’pajjiżi oħra ma nistgħux ninsew it-Tsunami li qatel tant eluf ta’ nies. Ma ninsewx it-traġedja li kien hemm bit-terrimot fil-Pakistan u għal darb’oħra f’dawk l-okkażjonijiet il-Maltin urew xi tfisser is-solidarjeta’, li aħna jimpurtana minn ħaddieħor.
Kienet sena nerġa’ ngħid, kif jkunu s-snin kollha, b’mumenti ta’ ferħ u mumenti ta’ niket. Kellna mumenti ta’ ferħ meta ġew jżuruna hawn Malta kapijiet ta’ Stat, onorawna bil-preżenza tagħhom. Kellna l-President ta’ Ċipru li ġie Malta fi Frar ta’ din is-sena, kellna l-President ta’ l-Italja, il-President Ciampi, li għamel viżita statali f’Mejju ta’ din is-sena. Imbgħad, kellna r-Reġina – ir-Reġina tar-Renju Unit, ir-Reġina tagħkom l-Awstraljani u tal-Poplu tal-Kanada - u l-Kap tal-Commonwealth, li għal darb’oħra ġiet fostna u nista’ nassigurakom, għax hekk qalet lili, kemm ħadet pjaċir terġa’ tiġi f’dan il-pajjiż fejn hi għexet. L-uniku post fid-dinja barra l-Ingilterra fejn qattet parti minn ħajjietha toqgħod hemm, għal ċertu tul ta’ żmien.
Inħarsu lejn is-sena l-ġdida. Naturalment għad hemm l-isfidi. Għad għandna per eżempju l-problema tal-Palestina li għad m’hiex riżolta għalkemm issa wieħed jista’ jara xaqq ta’ dawl. Għad għandna l-problema ta’ l-Iraq, li għadu poplu jfittex sovranita’ b’mod illi l-istat sovran tagħhom jirrispetta liċ-ċittadini Iraqini kollha. Ma naqtgħux qalbna. Irridu nħarsu ’l quddiem b’fiduċja u b’kuraġġ.
Aħna hawn Malta, naħseb li nista’ ngħid f’isem kulħadd, li għandna kuraġġ li nħarsu lejn is-sena l-ġdida b’tama kbira li nibqgħu mixjin ’il quddiem ilkoll niġbdu ħabel wieħed, lkoll infittxu l-ġid tal-poplu tagħna. U għalhekk jiena nittama illi s-sena dieħla tkun sena mimlija risq u hena.
Nispiċċa billi nawguralkom ilkoll Milied hieni fost il-familji tagħkom u nawguralkom suċċessi fis-sena d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950