Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI JAGHMLU ŻJARA UFFIĊJALI FIL-LOKALITA’ TAS-SIĠĠIEWI

pr1850
Date Icon 18/12/2005

“Is-Siġġiewi mhux biss huwa raħal pittoresk iżda wkoll wieħed li r-residenti tiegħu jħaddnu sens qawwi ta’ identita’” 

Dan qalu l-Eċċellenza Tiegħu, Dott. Edward Fenech Adami meta flimkien mas-sinjura Fenech Adami għamel żjara uffiċjali f’din il-lokalita’. Waqt din iż-żjara, l-President ta’ Malta kien akkumpanjat mis-sindku, is-Sur Robert Musumeci. 

Iż-żjara fis-Siġġiewi bdiet bil-quddiesa tal-Hadd fil-knisja parrokkjali ddedikata lil San Nikola.  

Wara l-quddiesa, l-President u s-Sinjura Fenech Adami żaru lis-Superjura tal-MUSEUM tal-bniet, Evelyn Galea li għandha 84 sena u hi magħrufa sew fis-Siġġiewi. Qabel it-Tieni gwerra Dinjija, Evelyn Galea ġiet tgħix is-Siġġiewi flimkien mal-familja tagħha u mill-ewwel bdiet taħdem biex jitwaqqaf il-MUSEUM tal-Bniet u ta' 27 sena ġiet maħtura Superjura. Hija baqgħet tmexxi l-MUSEUM għal snin twal. Ftit tas-snin ilu, s-Superjura Galea rċeviet l-Onorfiċenza Mertu Siġġiewi mill-Kunsill Lokali, b'rikonoxximent għall-ħidma tagħha fil-komunità. Illum hija tgħix flimkien ma oħtha Ersilia ta` 94 sena u ħuha Edward ta` 87 sena. 

Il-President żar ukoll iż-żewg każini tal-lokal li huma l-Każin Banda San Nikola u s-Siggiewi Festival Brass Band.  Il-President Fenech Adami żar il-Kapella ta’ Santa Marija taċ-Ċwerra, li l-faċċata tagħha ġiet restawrata riċentament wara iktar minn 250 sena li ġiet mibnija mill-patrijiet tad-Dumnikani tal-Birgu, fuq art li ngħatat lilhom mill-Gran Mastru Despuig. 

Il-President żar kapella oħra magħrufa bħala ‘Tal-Providenza’ li tinsab fil-kwiet tal-kampanja, limiti tas-Siġġiewi. Ix-xogħol fuq din il-kappella tlesta fl-1753 u fl-1816 inbena l-‘Portico’ quddiem il-kappella, kemm biex iżejjen u anke bħala support għall-bini tal-knisja li kienet ġarrbet xi ħsarat bis-sajjetti.   

Il-President żar wkoll il-workshop tas-Sur Carmelo Mallia fejn flimkien ma ibnu, jaħdem xogħol ta’ skultura fuq il-ġebel, sena tipika Maltija li hija ferm sinonima mal-lokal anke minħabba l-fatt li ħafna mill-ġebla Maltija tinġieb mill-irdum fil-limiti tas-Siġġiewi. Is-sur Mallia spjega kif isir dan ix-xogħol ta’ l-idejn li jitlob kapaċita’ u preċiżjoni kbira. Żjara oħra kienet dik fil-kappella ta’ San Ġwann fejn hemm wirja tal-presepji organizzata mill-Grupp ta’ l-Armar 6 ta’ Diċembru. 

Waqt programm separat, is-Sinjura Fenech Adami żaret is-sorijiet tal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, kif wkoll lis-Sinjorina Aloysia Pace li taħdem ix-xogħol tal-bizzilla u tal-ganutell. 

Iż-żjara ġiet fit-tmiem tagħha fil-bini tal-Kunsill Lokali, fejn il-President irringrazzja lir-residenti tas-Siġġiewi għall-akkoljenza sabiħa li l-Eċċellenza tiegħu u s-Sinjura Fenech Adami ingħataw waqt din iż-żjara. 

Il-President Fenech Adami qal li kien ta’ pjaċir għalih li jżur is-Siġġiewi, waħda mill-ibliet antiki ta’ pajjiżna bi storja li tmur lura għal eluf ta’ snin. Il-President qal li hekk kif wieħed ikun għaddej mit-toroq dojoq u mserpin tas-Siġġiewi u jiltaqa’ man-nies tal-lokal, jista`jħoss is-sens ta’ ċivilta’ u ta’ identita’.  

“Dan huwa riżultat tal-ħidma tal-Kunsill Lokali li qiegħed jaħdem biex jippromwovi dawn il-valuri”, kompla l-President ta’ Malta. Huwa saħaq fuq kemm hu importanti li nżommu l-kultura tagħna speċjalment fi żmien ta’ taħwid ta’ ideologiji.  Il-President Fenech Adami qal li l-Kunsilli Lokali kienu esperiment li rnexxa u li wera li l-partiti politiċi kapaċi jaħdmu flimkien għal ġid tar-residenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow