Left arrow Mur Lura

Wirja taċ-ċeramika fil-Berġa ta’ l-Italja

pr1849
Date Icon 17/12/2005

Paul Vella Chretien jispeċjalizza f’xogħlijiet ta’ arti fiċ-ċeramika. Fl-1978 rebaħ borża ta’ studju ta’ ħames snin mill-Gvern Taljan biex jissokta bl-istudji tiegħu fl-arti taċ-ċeramika u l-pittura fl-Italja. Hemmhekk hu  kiseb esperjenza vasta fiċ-ċeramika artistika u industrjali  wara li ħadem fl-istudios taċ-ċeramika tal-Prof. D Matteucci u il-Prof. G. Mariani fejn ingħata wkoll l-opportunita’ li jaħdem f’xogħol ta’ teknoloġija għolja u  riċerka  fiċ-ċeramika u pittura.  

F’tarf il-kors Paul Vella Chretien iggradwa B.A.(Hons) fiċ-ċeramika u sentejn wara ħa l-Masters in Fine Arts. Hu għallem l-arti fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni filwaqt li fl-1999 inħatar lecturer taċ-ċeramika fiċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr f’Bighi. 

Paul Vella Chritien esebixxa x-xogħlijiet tiegħu barra minn Malta u tella’ wirjiet f’Londra, l-Italja, il-Ġermanja u l-Awstralja. Fosthom kien hemm numru ta’ wirjiet personali. F’Malta Paul Vella Chritien tella’ sitt wirjiet.  Hu ipproduċa wkoll numru ta’ monumenti pubbliċi: “Curve in Bianco” f’Bologna fl-Italja; “From Generation to Generation” fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School, Naxxar; “Every Day Better” fl-Iskola ta’ Santa Monika l-Gżira u “Verso l-Alto” li kien ikkummissjonat mill-Kunsill Lokali San Ġwann. 

Paul Vella Chritien bħalissa qed juri xogħlijiet tiegħu fil-kuriduri tal-Berġa ta’ l-Italja. Il-wirja ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech li feraħ lil Vella Chritien għax-xogħlijiet tiegħu li qed jagħmlu unur mhux biss lill-artist Malti iżda anke lil pajjiżna. 

“L-artisti Maltin huma l-ambaxxaturi ta’ pajjiżna fl-Ewropa u f’nazzjonijiet aktar ’il bogħod. Paul Vella Chritien, li ġej minn familja ta’ artisti – nannuh kien l-artist famuż Gianni Vella li minnu Paul ħa ħafna – wera x-xogħlijiet tiegħu mhux biss fi bliet Ewropej iżda anke fl-Awstralja. Kull fejn mar qala’ tifħir u dan jagħmilna ilkoll kburin”, qal il-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-artist Malti llum għandu miftuħ quddiemu s-suq intern kbir ta’ l-Unjoni Ewropea, suq ta’ 450 miljun fejn jista’ jimraħ, juri ħilietu u jikkompeti ma’ ħaddieħor. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien qed jagħmel ħiltu kollha biex jgħolli l-livell kulturali ta’ pajjiżna mhux biss billi kull sena qed jivvota aktar flus għall-kultura  iżda anke billi joħloq l-infrastruttura biex l-artisti jkollhom fejn juru x-xogħlijiet tagħhom. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow