Wirja taċ-ċeramika fil-Berġa ta’ l-Italja
Paul Vella Chretien jispeċjalizza f’xogħlijiet ta’ arti fiċ-ċeramika. Fl-1978 rebaħ borża ta’ studju ta’ ħames snin mill-Gvern Taljan biex jissokta bl-istudji tiegħu fl-arti taċ-ċeramika u l-pittura fl-Italja. Hemmhekk hu kiseb esperjenza vasta fiċ-ċeramika artistika u industrjali wara li ħadem fl-istudios taċ-ċeramika tal-Prof. D Matteucci u il-Prof. G. Mariani fejn ingħata wkoll l-opportunita’ li jaħdem f’xogħol ta’ teknoloġija għolja u riċerka fiċ-ċeramika u pittura.
F’tarf il-kors Paul Vella Chretien iggradwa B.A.(Hons) fiċ-ċeramika u sentejn wara ħa l-Masters in Fine Arts. Hu għallem l-arti fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni filwaqt li fl-1999 inħatar lecturer taċ-ċeramika fiċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr f’Bighi.
Paul Vella Chritien esebixxa x-xogħlijiet tiegħu barra minn Malta u tella’ wirjiet f’Londra, l-Italja, il-Ġermanja u l-Awstralja. Fosthom kien hemm numru ta’ wirjiet personali. F’Malta Paul Vella Chritien tella’ sitt wirjiet. Hu ipproduċa wkoll numru ta’ monumenti pubbliċi: “Curve in Bianco” f’Bologna fl-Italja; “From Generation to Generation” fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School, Naxxar; “Every Day Better” fl-Iskola ta’ Santa Monika l-Gżira u “Verso l-Alto” li kien ikkummissjonat mill-Kunsill Lokali San Ġwann.
Paul Vella Chritien bħalissa qed juri xogħlijiet tiegħu fil-kuriduri tal-Berġa ta’ l-Italja. Il-wirja ġiet inawgurata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech li feraħ lil Vella Chritien għax-xogħlijiet tiegħu li qed jagħmlu unur mhux biss lill-artist Malti iżda anke lil pajjiżna.
“L-artisti Maltin huma l-ambaxxaturi ta’ pajjiżna fl-Ewropa u f’nazzjonijiet aktar ’il bogħod. Paul Vella Chritien, li ġej minn familja ta’ artisti – nannuh kien l-artist famuż Gianni Vella li minnu Paul ħa ħafna – wera x-xogħlijiet tiegħu mhux biss fi bliet Ewropej iżda anke fl-Awstralja. Kull fejn mar qala’ tifħir u dan jagħmilna ilkoll kburin”, qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-artist Malti llum għandu miftuħ quddiemu s-suq intern kbir ta’ l-Unjoni Ewropea, suq ta’ 450 miljun fejn jista’ jimraħ, juri ħilietu u jikkompeti ma’ ħaddieħor.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien qed jagħmel ħiltu kollha biex jgħolli l-livell kulturali ta’ pajjiżna mhux biss billi kull sena qed jivvota aktar flus għall-kultura iżda anke billi joħloq l-infrastruttura biex l-artisti jkollhom fejn juru x-xogħlijiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950