Diskors mill-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg fil-ftuħ tat-Tribunal Lokali tat-Tramuntana – SAN PAWL IL-BAĦAR
Sinjuri
Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li ġejt mistieden biex niftaħ dan il-bini li ser jibda jiġi użat bħala t-Tribunal Lokali tat-Tramuntana. Dan il-bini ġdid, attrezzat minn kollox żgur li ser isolvi diversi problemi loġistiċi li kellu t-Tribunal ta’ qabel, li kien magħruf bħala t-Tribunal tal-Mosta.
Is-sistema ta’ l-Infurzar Lokali, li issa ilha magħna madwar sitt snin ġabet magħha rivoluzzjoni ta’ kif isir l-infurzar tal-liġi f’pajjiżna. Illum il-Kunsilli Lokali għandhom il-poter li mhux biss jiżguraw li l-lokal tagħhom ikun miżmum kif jixraq, iżda wkoll li jiżguraw it-tħaris tal-liġi fuq bażi lokali.
Minkejja li s-sistema tattira kull xorta ta’ kritika, kultant ġustifikata u kultant m’hijiex, naħseb li llum ilkoll naqblu li fl-aħħar mill-aħħar din qed tħalli riżultati tajbin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sewqan fit-toroq u ħarsien tar-regolamenti tat-traffiku. L-introduzzjoni tal-gwardjani lokali fit-toroq tagħna ġabet magħha prattiċi ġodda ta’ kif għandu jsir l-infurzar. Għalkemm is-sistema tal-gwardjani m’hix perfetta, ninsab perswaz li f’dawn il-ħames snin li għaddew sar progress kbir fil-mod kif dawn il-gwardjani jġibu ruħhom mal-pubbliku, u kif ukoll biex jikber ir-rispett tal-pubbliku lejhom.
Barra mill-kontribut siewi li qed jagħtu l-gwardjani fil-qasam ta’ l-infurzar tal-liġi, hemm aspett ieħor tax-xogħol tagħhom li għandu impatt indirett fuq ix-xogħol tal-Pulizija. Għalkemm l-infurzar lokali mhuwiex il-kompetenza esklussiva tal-Kunsilli Lokali, ċertament li x-xogħol tal-gwardjani ħa post parti mid-doveri li qabel kienu jagħmluh il-Pulizija.
M’inix qed nirreferi biss għall-infurzar u l-ħrug ta’ avvizi ta’ kontravvenzjoni, li waħedhom diġà jammontaw għal biċċa xogħol sostanzali. Mid-9 ta’ Frar ta’ l-2004, il-gwardjani Lokali bdew jissejħu wkoll fuq kolliżjonijiet tat-traffiku biex jagħmlu l-isketch. Naturalment il-gwardjani jissejħu biss fuq kolliżjonijiet li fihom ma jkun weġġa’ ħadd, għax dik il-funzjoni baqgħet tal-Pulizija.
Minn Frar tas-sena l-oħra sal-lum, il-Gwardjani Lokali ħargu 21,450 sketch ta’ kolliżjonijiet. Is-servizz mogħti mill-gwardjani f’dan il-qasam huwa ta’ livell għoli ħafna kif jixhdu l-bosta kummenti pożittivi ta’ nies li ġew bżonn dan is-servizz. Barra minn hekk dan il-piż kien issollevat minn fuq spallejn il-Pulizija li setgħu jikkonċentraw aktar fuq ix-xogħol proprju tagħhom.
Il-funzjoni tat-Tribunali Lokali li fihom jigu kkontestati l-kontravvenzjonijiet, ukoll jaqdu funzjoni importanti. Qabel ma bdiet is-sistema ta’ l-infurzar lokali, min ried jikkontesta ċitazzjoni kien ikollu jitla’ l-Qorti. Issa dan ix-xogħol qed isir fid-disa’ Tribunali Lokali mqassma f’Malta u Għawdex. Dan kellu vantaġġ doppju. Fl-ewwel lok, ix-xoghol seta’ jitqassam aħjar u jsir b’aktar ħeffa u fit-tieni lok il-piż tax-xogħol tneħħa minn fuq il-Qrati Ċentrali. F’dawn l-aħħar sitt snin saru madwar miljun u tliet mija sittin elf (1,366,459) seduta f’dawn it-tribunali, medja ta’ aktar minn mitejn u sebgħa u għoxrin elf (227,743) seduta fis-sena.
L-istatistika waħedha ma tfisser xejn, iżda jekk wieħed ipoġġiha fil-kuntest ta’ kemm xogħol u ħin gie ffrankat mill-Qorti, wieħed japprezza aktar is-sehem tat-Tribunali biex il-pubbliku jinqeda aħjar u jkollna Qorti iżjed effiċjenti. Illum kull min irid jista’ jibgħat avukat jew persuna oħra tirrappreżentah fit-Tribunal apparti li jista’ jieħu affidavit li jitqies bħala xhieda.
Żvilupp aktar riċenti f’dan il-qasam huwa l-introduzzjoni tal-Gwardjani ta’ l-Ambjent. Dawn huma grupp ta’ gwardjani pajżana li xogħolhom hu li jinfurzaw il-liġi li tirregola r-rimi ta’ skart f’postijiet pubbliċi. B’xorti ħażina, f’pajjiżna għadha teżisti problema ta’ rimi llegali u issa wasal iż-żmien biex min jibqa’ jippersisti li jarmi l-iskart mingħajr ħsieb ta’ xejn, ikollu jikkontribwixxi għall-ispejjeż biex isir it-tindif.
Mill-21 ta’ Ottubru ta’ din is-sena l-Eco Wardens ħargu 1,300 twissija lil min intlemaħ jarmi barra. Jekk min ingħata twissija, jingħata ohra f’xi stadju ulterjuri u jinstab ħati, huwa jkollu jħallas għaż-żewg infrazzjonijiet. Jekk sa sena mit-twissija, l-individwu ma jikkommettix kontravvenzjoni oħra, it-twissija taqa’. Mill-ewwel ta’ Jannar li ġej, iżda, mhux ser jingħataw iżjed twissijiet iżda kontravvenzjonijiet normali. Jien kunfidenti li bil-miżuri li qed nieħdu naslu biex inżidu d-dixxiplina u r-rispett mhux biss lejn l-ambjent ta’ madwarna iżda anke lejna nfusna.
Nifraħ lis-sindku ta’ San Pawl il-Bahar, is-Sur Pawlu Bugeja tax-xogħol li għamel biex iġib fi tmiemu x-xogħol ta’ dan il-proġett. Nirringrazzja wkoll lilkom li tagħmlu parti mis-sistema ta’ l-infurzar, mhux lanqas lill-membri ta’ l-LES Management Committee tax-xogħol li jagħmlu minn wara l-kwinti biex is-sistema timxi mingħajr skossi.
Minn Jannar ser tidħol fis-seħħ il-Liġi li permezz tagħha ser jitwaqqaf Bord li ser jisma u jiddeċiedi lmenti li jsiru mill-pubbliku dwar kontravvenzjonijiet. Jekk il-Bord jiddeċiedi li l-ilment huwa ġustifikat huwa ser ikun jista’ jwaqqaf il-proċeduri li jkunu qed jittieħdu jew inkella jirrevoka deċiżjoni li jkun diġà ħa t-Tribunal Lokali.
Grazzi mill-ġdid u niddikjara dan it-Tribunal miftuħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950