Left arrow Go Back

Diskors mill-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg fil-ftuħ tat-Tribunal Lokali tat-Tramuntana – SAN PAWL IL-BAĦAR

pr1846
Date Icon 16/12/2005

Sinjuri

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li ġejt mistieden biex niftaħ dan il-bini li ser jibda jiġi użat bħala t-Tribunal Lokali tat-Tramuntana.  Dan il-bini ġdid, attrezzat minn kollox żgur li ser isolvi diversi problemi loġistiċi li kellu t-Tribunal ta’ qabel, li kien magħruf bħala t-Tribunal tal-Mosta. 

Is-sistema ta’ l-Infurzar Lokali, li issa ilha magħna madwar sitt snin ġabet magħha rivoluzzjoni ta’ kif isir l-infurzar tal-liġi f’pajjiżna.  Illum il-Kunsilli Lokali għandhom il-poter li mhux biss jiżguraw li l-lokal tagħhom ikun miżmum kif jixraq, iżda wkoll li jiżguraw it-tħaris tal-liġi fuq bażi lokali. 

Minkejja li s-sistema tattira kull xorta ta’ kritika, kultant ġustifikata u kultant m’hijiex, naħseb li llum ilkoll naqblu li fl-aħħar mill-aħħar din qed tħalli riżultati tajbin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sewqan fit-toroq u ħarsien tar-regolamenti tat-traffiku.  L-introduzzjoni tal-gwardjani lokali fit-toroq tagħna ġabet magħha prattiċi ġodda ta’ kif għandu jsir l-infurzar.  Għalkemm is-sistema tal-gwardjani m’hix perfetta, ninsab perswaz li f’dawn il-ħames snin li għaddew sar progress kbir fil-mod kif dawn il-gwardjani jġibu ruħhom mal-pubbliku, u kif ukoll biex jikber ir-rispett tal-pubbliku lejhom. 

Barra mill-kontribut siewi li qed jagħtu l-gwardjani fil-qasam ta’ l-infurzar tal-liġi, hemm aspett ieħor tax-xogħol tagħhom li għandu impatt indirett fuq ix-xogħol tal-Pulizija.  Għalkemm l-infurzar lokali mhuwiex il-kompetenza esklussiva tal-Kunsilli Lokali, ċertament li x-xogħol tal-gwardjani ħa post parti mid-doveri li qabel kienu jagħmluh il-Pulizija. 

M’inix qed nirreferi biss għall-infurzar u l-ħrug ta’ avvizi ta’ kontravvenzjoni, li waħedhom diġà jammontaw għal biċċa xogħol sostanzali.  Mid-9 ta’ Frar ta’ l-2004, il-gwardjani Lokali bdew jissejħu wkoll fuq kolliżjonijiet tat-traffiku biex jagħmlu l-isketch.   Naturalment il-gwardjani jissejħu biss fuq kolliżjonijiet li fihom ma jkun weġġa’ ħadd, għax dik il-funzjoni baqgħet tal-Pulizija.   

Minn Frar tas-sena l-oħra sal-lum, il-Gwardjani Lokali ħargu 21,450 sketch ta’ kolliżjonijiet.  Is-servizz mogħti mill-gwardjani f’dan il-qasam huwa ta’ livell għoli ħafna kif jixhdu l-bosta kummenti pożittivi ta’ nies li ġew bżonn dan is-servizz.  Barra minn hekk dan il-piż kien issollevat minn fuq spallejn il-Pulizija li setgħu jikkonċentraw aktar fuq ix-xogħol proprju tagħhom. 

Il-funzjoni tat-Tribunali Lokali li fihom jigu kkontestati l-kontravvenzjonijiet, ukoll jaqdu funzjoni importanti.  Qabel ma bdiet is-sistema ta’ l-infurzar lokali, min ried jikkontesta ċitazzjoni kien ikollu jitla’ l-Qorti.  Issa dan ix-xogħol qed isir fid-disa’ Tribunali Lokali mqassma f’Malta u Għawdex.  Dan kellu vantaġġ doppju.  Fl-ewwel lok, ix-xoghol seta’ jitqassam aħjar u jsir b’aktar ħeffa u fit-tieni lok il-piż tax-xogħol tneħħa minn fuq il-Qrati Ċentrali.  F’dawn l-aħħar sitt snin saru madwar miljun u tliet mija  sittin elf (1,366,459) seduta f’dawn it-tribunali, medja ta’ aktar minn mitejn u sebgħa u għoxrin elf (227,743) seduta fis-sena.   

L-istatistika waħedha ma tfisser xejn, iżda jekk wieħed ipoġġiha fil-kuntest ta’ kemm xogħol u ħin gie ffrankat mill-Qorti, wieħed japprezza aktar is-sehem tat-Tribunali biex il-pubbliku jinqeda aħjar u jkollna Qorti iżjed effiċjenti. Illum kull min irid jista’ jibgħat avukat jew persuna oħra tirrappreżentah fit-Tribunal apparti li jista’ jieħu affidavit li jitqies bħala xhieda. 

Żvilupp aktar riċenti f’dan il-qasam huwa l-introduzzjoni tal-Gwardjani ta’ l-Ambjent.  Dawn huma grupp ta’ gwardjani pajżana li xogħolhom hu li jinfurzaw il-liġi li tirregola r-rimi ta’ skart f’postijiet pubbliċi.  B’xorti ħażina, f’pajjiżna għadha teżisti problema ta’ rimi llegali u issa wasal iż-żmien biex min jibqa’ jippersisti li jarmi l-iskart mingħajr ħsieb ta’ xejn, ikollu jikkontribwixxi għall-ispejjeż biex isir it-tindif.   

Mill-21 ta’ Ottubru ta’ din is-sena l-Eco Wardens ħargu 1,300 twissija lil min intlemaħ jarmi barra.  Jekk min ingħata twissija, jingħata ohra f’xi stadju ulterjuri u jinstab ħati, huwa jkollu jħallas għaż-żewg infrazzjonijiet.  Jekk sa sena mit-twissija, l-individwu ma jikkommettix kontravvenzjoni oħra, it-twissija taqa’.  Mill-ewwel ta’ Jannar li ġej, iżda, mhux ser jingħataw iżjed twissijiet iżda kontravvenzjonijiet normali.  Jien kunfidenti li bil-miżuri li qed nieħdu naslu biex inżidu d-dixxiplina u r-rispett mhux biss lejn l-ambjent ta’ madwarna iżda anke lejna nfusna. 

Nifraħ lis-sindku ta’ San Pawl il-Bahar, is-Sur Pawlu Bugeja tax-xogħol li għamel biex iġib fi tmiemu x-xogħol ta’ dan il-proġett.  Nirringrazzja wkoll lilkom li tagħmlu parti mis-sistema ta’ l-infurzar, mhux lanqas lill-membri ta’ l-LES Management Committee tax-xogħol li jagħmlu minn wara l-kwinti biex is-sistema timxi mingħajr skossi. 

Minn Jannar ser tidħol fis-seħħ il-Liġi li permezz tagħha ser jitwaqqaf Bord li ser jisma u jiddeċiedi lmenti li jsiru mill-pubbliku dwar kontravvenzjonijiet. Jekk il-Bord jiddeċiedi li l-ilment huwa ġustifikat huwa ser ikun jista’ jwaqqaf il-proċeduri li jkunu qed jittieħdu jew inkella jirrevoka deċiżjoni li jkun diġà ħa t-Tribunal Lokali. 

Grazzi mill-ġdid u niddikjara dan it-Tribunal miftuħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow