IL-PROMOZZJONI TAS-SETTUR FINANZJARJU TA’ PAJJIŻNA
L-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi jirreferi għal ċerti stqarrijiet li saru reċentament fil-media dwar il-ħtieġa ta’ branding għas-settur finanzjarju. Qabel il-budget il-Gvern kien wiegħed lill-operaturi f’dan il-qasam li se jwaqqaf aġenżija speċifica għal dan il-għan.
Il-marketing tas-settur finanzjarju taħt it-tikketta ‘Finance Malta’ diġà qiegħed isir, għalkemm din it-tiketta għada f’fażi ta’ żvilupp. Dan it-tip ta’ marketing qed isir b’mod iffukat (targeted) u huwa relatat mill-qrib mal-istrateġija għall-iżvilupp tal-kompetenża u l-kapaċità tal-ħaddiem Malti f’oqsma partikolari, fejn ikun diffiċli li ħaddieħor jikkompetilna. Din l-istrateġija hija deskritta aħjar fid-dokument ‘Agenda for Maltese Finanċial Serviċes in Europe’ li ġie adottat mill-MFSA wara konsultazzjoni estensiva ma’ l-industrija.
Fost l-iniżjattivi li diġà ttieħdu b’konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tad-diversi assoċjazzjonijiet fis-settur, ġie ukoll żviluppat ‘branding concept’ għal ‘Finance Malta’ li huwa bażat fuq il-kwalitajiet u l-vantaġġi ta’ Malta f’dan is-settur. Dan il-kunċett diġà ntuża b’suċċess mis-settur ta’ l-insurance li ġie megħjun ukoll biex jattendi networking conferences fil-qasam tal-‘captive insurance’, taħt skema apposta li ġiet imwaqqfa sena ilu, fejn assoċjazzjonijiet jew ażjendi li jidentifikaw niċeċ ġodda li jgħinu fl-iżvilupp tas-settur finanzjarju jingħataw appoġġ sħiħ mill-MFSA biex jisfruttawhom. Huwa maħsub li iniżjattivi simili jittieħdu wkoll fis-settur bankarju u fis-settur tas-serviżżi ta’ l-investiment.
Barra minn dan, il-kumpaniji liċenzjati fis-settur finanzjarju ġew involuti mill-qrib f’konferenżi organizzati jew promossi mill-MFSA li servew ta’ ‘showcase’ għal dak li diġà qiegħed jew li jista’ jsir bil-ħila ta’ ħaddiema Maltin.
Fuq inizjattiva tal-MFSA saru ukoll diversi kuntatti ma’ media internazzjonali speċjalizzata fis-servizzi finanzjarji li qegħda tesponi s-suċċess ta’ Malta f’diversi oqsma tas-settur għal udjenża b’potenżjal li tinvesti f’Malta.
Għaldaqstant, għalkemm m’għandha ebda struttura formali, it-tikketta ‘Finance Malta’ diġà qed isservi ta’ pjattaforma għall-diversi inizjattivi li qed jittieħdu biex jippromwovu b’mod sostenibbli lil Malta fil-qasam finanzjarju.
Aktar inizjattivi qed jiġu ppjanati, dejjem fil-kuntest li ‘Finance Malta’ hija tikketta bbażata fuq il-kwalità iktar milli fuq il-kwantità, fis-sens illi permezz ta’ sforżi paralleli fl-iżvilupp tat-taħriġ u tal-kompetenżi professjonali u kummerċjali, kif ukoll fl-iżvilupp tar-regolazzjoni u tas-settur b’mod komprensiv, taħseb biex Malta tilħaq livell ta’ kompetittività sostenibbli f’settur li huwa mill-iktar speċjalizzat.
B’riżultat ta’ din il-ħidma ffukata u mill-qrib bejn l-MFSA, istituzzjonijiet oħra pubbliċi u assoċjazzonijiet fis-settur privat, it-tikketta ‘Finance Malta’ (jew, kif bdiet oriġinarjament, “Financial Services Malta”) tidher li diġà bdiet tikseb ir-riżultati mixtieqa.
Waqt li saru suġġerimenti lill-Gvern biex titwaqqaf aġenżija ġdida biex tippromwovi s-servizzi finanzjarji, f’dan l-istadju l-Gvern irid iqies l-spejjeż amministrattivi addizzjonali li tali struttura tkun tirrikjedi, komparati mal-volum akbar ta’ xogħol li nistgħu nattiraw lejn xtutna b’mod sostenibbli; u jekk huwiex gustifikat li parti mill-budgets li qed jiġu ddedikati (u li jistgħu fil-futur jigu ddedikati għall-iżvilupp tas-settur) jintużaw fit-twaqqif u l-amministrazzjoni ta’ din l-istruttura l-gdida.
Għandu wkoll jitqies jekk it-twaqqif ta’ entità gdida indipendenti jistax, filwaqt li jagħmel iktar aċċenn fuq l-aspett ta’ bejgh (selling u advertising), iwassal ghal distakk ta’ dan it-tip ta’ marketing minn aspetti oħra importanti, bħal m’huma r-riċerka u l-iżvilupp tal-prodott li qed isiru (u li hemm bżonn li jsiru) fi ħdan l-MFSA biex nibqgħu nipprovdu l-aħjar prodott kemm f’sens regolatorju u kemm f’termini ta’ kompetittività. Kwalunkwe distakk ta’ dan it-tip ċertament ikun ta’ detriment għall-miri ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
Filwaqt li l-Gvern lest li jiddiskuti u jevalwa proposti li jsiru mis-settur biex inkomplu nkattru l-interess u l-attività f’dan is-settur, il-Gvern irid ikompli jassigura li fid-dawl ta’ suċċessi ġia miksuba, inkomplu nipproġettaw ruħna u l-prodott li l-ħaddiema tagħna kapaċi joffru, bl-akbar effiċjenża fl-użu tar-riżorsi għad-disposizzjoni tagħna u bl-iktar mod li jirrendi għall-ekonomija u t-tkattir ta’ postijiet ta’ xogħol sostenibbli fit-tul.
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950