IL-GVERN JIPPUBLIKA IR-RAPPORT TA’ L-IMĦALLEF DEPASQUALE DWAR L-INĊIDENTI F’ĦAL SAFI TAT-13 TA’ JANNAR 2005
pr1822
12/12/2005
Il-Gvern qed jippubblika r-Rapport ta’ l-Imħallef Franco Depasquale dwar l-inċidenti li nqalgħu fic-ċentri ta’ detenzjoni ta’ l-immigranti tal-Forzi Armati ġewwa Ħal Safi fit-13 ta’ Jannar, 2005.
| Fir-Rapport | tiegħu bħala Bord ta’ Inkjesta, l-Imħallef Depasquale sema’ aktar min 170 xhud u żamm 72 seduta; instemgħu 39 immigrant, 68 suldati, 42 tobba u staff mediku, u membri ta’ l-NGO’s. |
| Il-Bord | wasal għal dawn il-konklużjonijiet prinċipali: |
| a) | li l-protesta ta’ 13 ta’ Jannar, 2005 l-aktar li saret kien għaliex l-immigranti riedu jinħelsu u jibqgħu jgħixu Malta; ma kienetx marbuta ma’ xi relazzjoni ħażina bejn is-sultdati u detenuti; |
| b) | il-protesta ta’ l-immigranti “ċertament ma kenitx waħda paċifika jew leġittima”; huma kienu f’post fejn ma kellhom ebda dritt ikunu, u aġixxew fil-konfront tas-suldati b’mod abbużiv u irrifjutaw li jobdu l-ordnijiet leġittimi ta’ l-uffiċjali ta’ l-Armata; |
| c) | il-konfront li nqala’ dam biss ftit minuti u beda u spiċċa malajr; |
| d) | l-ordni biex tintuża l-forza ħalli l-immigranti jiddaħħlu lura “kienet ġustifikata fiċ-ċirkostanzi, iżda l-forza li intużat minn diversi suldati kienet esaġerata u mhux proporzjonata għal dawk iċ-ċirkostanzi”. |
| e) | Li fl-esekuzzjoni tal-pjan ordnat mill-Armata biex l-immigranti jiddaħħlu lura fil-bini ta’ detenzjoni saru diversi żbalji, u għalhekk il-pjan ma seħħx kif kien maħsub u kif kellu jsir; b’mod partikolari: |
| (i) | mhux is-suldati kollha kienu preparati għal xogħol bħal dak; |
| (ii) | suldati tal-platoon tax-xellug ta’ fejn ġara l-inċident ma fehmux is-“support role” tagħhom għas-“C Company” li kienu qed jidderiġu l-azzjoni prinċipali; fil-fehma tal-Bord kieku “C Company” tħalliet tkompli bli-“snatching exercise” tal-kapurjuni tal-protesta illeġittima ma kien jinqala’ xejn kbir; |
| (iii) | kien hemm nuqqas ta’ ko-ordinazzjoni bejn suldati differenti fl-esekuzzjoni tal-pjan. |
| Il-Bord | kien kritiku ħafna ta’ suldat partikolari (paġna 86 tar-Rapport) li l-aġir tiegħu mar “kontra l-prinċipji magħrufa minn kulħadd li fil-kontroll ta’ storbjijiet għandha tintuża “forza minima”, u dan minħabba li ta daqqa ta’ lembuba lil immigrant li kien ma’ l-art u kontrollat diġa’ minn suldati oħra. Il-Bord irrakommanda li s-Superjuri jeżaminaw mill-ġdid l-aġir ta’ dan is-suldat”. |
| Il-Bord | jagħmel numru ta’ osservazzjonijiet u suġġerimenti: |
| a) | l-ispejjeż għal kura speċjali li għandu bżonn l-uniku immigrant li kellu konsegwenzi gravi, għandhom jitħallsu mill-Gvern; |
| b) | li l-politika ta’ detenzjoni għandha tinżamm, u l-perjodu eżistenti m’għandux jiqsar għal dawk li m’għandhomx dritt għal protezzjoni f’pajjiżna. Dan minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali u ġeografiċi ta’ Malta; |
| c) | li l-protesta kienet imrewha minn xi nies li kienu jżuruhom u jgħidulhom li f’pajjiżi oħra kienu jinħelsu iktar malajr: f’dan il-kuntest il-kliem li qallhom ir-rappreżentant tal-UNHCR Dr Manca di Nissa, wara l-ġlieda, “ma serva ta’ ebda għajnuna”; |
| d) | li l-immigranti fil-MT Compound għandhom jiġu trasferiti għal blokk ġdid simili għal dak tal-B Block li kienu involuti fil-protesta u l-konflitt “anki jekk jibqgħu jirrifjutaw “. Din ir-rakkommandazzjoni diġa’ ġiet imwettqa; |
| e) | ma hemm xejn ħażin li l-Armata, kif isir f’pajjiżi oħra, tiġi involuta fil-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari, ġaladarba din ħolqot emerġenza; iżda din għandha bżonn iktar reġimenti jew platoons addestrati; |
| f) | il-Gvern għandu jieħu l-passi meħtieġa biex ikun hemm suldati u pulizija li jkunu mħarrġa fil-mestier tal-kontroll ta’ l-immigranti. Il-pass li jitwaqqaf “Detention Service” b’pulizija u Armata taħt kmand wieħed, kienet deċiżjoni tajba f’din id-direzzjoni; |
| g) | bħalma kien hemm diversi nies fl-Ewropa u barra minnha li ħadu interess fil-ġrajjiet sfortunati tat-13 ta’ Jannar, 2005, “wieħed jistenna li dawn is-sentimenti sbieħ jiġu msarrfa f’azzjoni u f’għajnuna konkreta u li din l-għajnuna ma għandhiex tkun biss waħda finanzjarja” (p 97) bħal per eżempju li “dawn l-immigranti għandhom hekk kif mill-baħar jaslu l-art jittieħdu mill-ewwel taħt il-kontroll ta’ awtorita’ Ewropeja u jittieħdu immedjament fil-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa skond id-daqs u l-popolazzjoni ta’ kull pajjiż”; |
| h) | l-immigranti li pprotestaw kellhom xi appoġġ minn barra, u dan kompla saħħan l-imħuh ta’ l-organizzaturi li waqt il-protesta ma ridux jidħlu ġewwa; |
| i) | l-immigranti kollha li pprotestaw kienu dawk li kellhom l-applikazzjoni tagħhom għal status ta’ refuġjat kienet ġiet rifjutata u kienu fil-proċess ta’ ripatrijazzjoni; |
| j) | l-effett tal-media, din id-darba it-televiżjoni, kellu konsegwenzi negattivi fuq il-ħsieb u l-aġir tad-detenuti; “fil-fehma tal-Bord, a differenza ta’ dak li ntqal dwar l-NGO’s ġenwini, ma jikkunsidrax li jkun ta’ ebda ġid jekk l-Awtoritajiet jibdlu l-“policy” tagħhom sabiex ġurnalisti jitħallew jidħlu fil-“compounds” u jiffilmjaw u jitkellmu ma’ l-immigranti.” |
| Il-Gvern | wara li jevalwa r-Rapport kollu sejjer jieħu l-passi meħtieġa sabiex ir-rakkomandazzjonijiet fir-Rapport jitwettqu u jieħu l-passi neċessarji, fejn hemm bżonn, kontra min ġie speċifikament individwat li ma mexiex kif suppost. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950