Left arrow Go Back

Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti

pr1785
Date Icon 06/12/2005
“Fil-ftit xhur kemm ilu mwaqqafil-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti diġà wettaq ħidma li bdiet tħalli l-frott tagħha. Dan juri li t-twaqqif ta’ dan l-organu kien pass importanti ħafna fl-istorja ta’ l-Ilsien Malti u li se jgħin mhux ftit biex is-sisien tiegħu jissaħħu.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea, meta kien qed jindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ġew imnedija diversi inizjattivi li qed jieħu l-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti. Flimkien mal-Ministru Galea indirizzaw il-Konferenza ta’ l-Aħbarijiet il-President tal-Kunsill, Prof. Manwel Mifsud, kif ukoll Dr. Adrian Grima, il-Kap tal-Kumitat tal-Letteratura li għandu l-Kunsill.  Kien preżenti wkoll is-Sur Olvin Vella, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill.
Il-Ministru Galea qal li l-KunsillNazzjonali ta' l-Ilsien Malti (KNM) twaqqaf f'April ta' din is-sena b'riżultat tal-Liġi tal-Malti li kienet għaddiet unanimament mill-Parlament is-sena l-oħra.  Il-missjoni tiegħu hija li jaħdem biex iġib l-ilsien nazzjonali 'l quddiem, billi jara li l-Malti jintuża kif jixraq fl-oqsma kollha tal-ħajja, u jintuża tajjeb.
Il-Kunsill jaħdem permezz ta'Kumitat Eżekuttiv ta' ħdax-il persuna.  Biex jilħaq l-oqsma importanti kollha, il-Kunsill għandu ħames Kumitati Tekniċi li kull wieħed minnhom jieħu ħsieb qasam partikolari u jfassal proġetti ta' fejda għalih.  Il-Kumitati huma: Il-Kumitat tal-Midja, il-Kumitat tal-Letteratura, il-Kumitat tar-Riċerka Lingwistika, il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Malti fl-Informatika u l-Kumitat għat-Terminoloġija u t-Traduzzjoni.
Il-Ministru Galea faħħarl-entużjażmu li bih daħal għall-ħidma tiegħu l-Kunsill. Huwa qal li, minkejja l-isfidi li għandu quddiemu l-Ilsien Malti bħala lsien ta’ wieħed mill-aktar stati żgħar fid-dinja, huwa jħossu konvint li b’ħidma kollettiva nistgħu nassiguraw li l-Malti jkun tassew l-Ilsien tagħna l-Maltin, anki fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa qal li l-isforzi tal-Kunsill għandhom jiġu megħjuna mhux biss minn entitajiet oħra tal-gvern, bħalma huma ngħidu aħna d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, id-Dipartiment tal-Libreriji, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-bqija, imma anki mill-għaqdiet mhux governattivi partikolarment dawk li jaħdmu f’dawn l-oqsma.
Il-Professur Manwel Mifsud qal likemm ilu mwaqqaf il-Kunsill tal-Malti ħabrek kemm felaħ u llum qiegħed jippreżenta lill-pubbliku Malti l-ewwel frott tal-ħidma tiegħu f'għamla ta' proġetti li jolqtu diversi oqsma.  Ewlenin fost dawn huma:

1.   Kors li jwassal għal Ċertifikat tal-Qari tal-Provi, organizzat għall-ħaddiema tad-Dipartimenti tal-Gvern, tal-Banek, tax-Xandir (gazzetti u television), tal-Kunsill Lokali, tal-Parroċċi u kull min jieħu ħsieb xi pubblikazzjoni.  L-iskop tiegħu hu li l-kitba tal-Malti madwarna tagħmel qabża fil-kwalità.  Il-kors huwa organizzat mill-Università ta' Malta bl-appoġġ tal-Kunsill u se jiftaħ fi Frar li ġej u jdum sena.  Il-lezzjonijiet se jsiru wara l-ħin tax-xogħol.  Min jixtieq jikseb tagħrif ieħor jikteb lill-Kunsill jew jidħol fis-sit www.kunsilltalmalti.gov.mt

2.   Id-diskussjonita' temi attwali marbutin ma' l-iżvilupp ta' l-ilsien Malti.  L-ewwel waħda hija pubblikazzjoni dwar l-ismijiet tal-munita Ewropea, li skond il-Kunsill għandhom ikunu ewro, singular u plural, u ċenteżmu, plural ċenteżmi.  Pubblikazzjoni oħra se tkun dwar l-ismijiet uffiċjali ta' l-irħula u l-bliet Maltin, li fil-fehma tal-Kunsill għandhom jinkitbu sħaħ kif jingħadu mill-poplu (jigifieri Ħal Tarxien mhux Tarxien, Tas-Sliema u mhux Sliema).  Hemm ukoll xogħol ieħor imħejji.
3.   L-organizzazzjonital-festival internazzjonali tan-novella. Dwar dan il-festival ħabbar id-dettalji Dr. Adrian Grima li qal li l-festival huwa mifrux fuq tlitt ijiem li matulhom se jipparteċipaw sitt awturi Maltin, tnejn barranin u awtriċi Maltija mill-Awstralja.  L-istejjer ippreżentati huma kollha oriġinali u l-istejjer tal-barranin inqalbu għall-Malti, biex il-qari jsir kollu bil-Malti.  Il-Festival se jsir bejn it-8 u l-10 ta' Diċembru 2005 fil-Kavallier ta' San Ġakbu fis-7.30 pm, u se jkun miftuħ għall-pubbliku (id-dħul huwa b'xejn).  L-għażla tas-sitt awturi Maltin saret minn bord indipendenti maħtur mill-Kunsill tal-Malti.  Barra l-qari tan-novelli li se jsir filgħaxija, filgħodu bosta studenti żgħażagħ minn tliet skejjel sekondarji se jiltaqgħu ma' l-awturi, se ssir sessjoni ta' taħriġ fil-kitba kreattiva bil-Malti, kif ukoll seminar għall-pubbliku dwar x'inhi n-novella.

Dan il-Festival qed jiġi organizzat ukoll biex jesponi l-letteratura Maltija lill-barranin, u għalhekk in-novelli se jkunu ppubblikati f'żewġ kotba, wieħed bil-Malti u l-ieħor bl-Ingliż (għat-tixrid barra minn Malta). Għal programm dettaljat, wieħed jista' jikteb lill-Kunsill jew jidħol fis-sit www.letteraturamaltija.com

4.   Kampanjabiex jiġi mħeġġeġ l-użu tat-tipi (fonts) Maltin fil-kompjuter.  Bosta nies li jużaw il-kompjuter għadhom ma jafux li l-kompjuter tagħhom jista' jkun li diġà għandu t-tipi Maltin installati fih.  Għalhekk ftit ġimgħat oħra l-Kunsill se jqassam fuljett miktub apposta għall-istudenti tas-sekondarji dwar it-tipi Maltin u t-tastiera Maltija.
5.   Il-ġbirtar-riżorsi terminoloġiċi kollha tal-Malti.  Il-Kunsill qed jibni lista ta' esperti fl-oqsma tekniċi biex niġbru t-terminoloġija Maltija u biex jipprovdi servizz lit-tradutturi f'dokumenti tekniċi.  Barra minn hekk qiegħed f'kuntatt mat-tradutturi fl-istituzzjonijiet ta' l-UE.
6.   Kullħmistax, il-Kunsill qed jippubblika kolonna fuq l-ilsien Malti fil-gazzetti li fiha jwieġeb il-mistoqsijiet li jistaqsu ħafna Maltin, li l-Malti jħobbuh u jixtiequ jitgħallmuh aħjar. Ir-reazzjoni għal din il-kolonna fil-gazzetti kienet tajba ħafna u hemm il-ħsieb li fi żmien sentejn jinġabar kollox fi ktieb wieħed.  Din il-kolonna jisimha "Bil-Kelma t-Tajba", għax minn naħa dan l-isem ifisser li se tkun mera ta' l-aħjar użu tal-kelma Maltija. Min-naħa l-oħra l-isem huwa idjoma Maltija li twassal tajjeb l-attitudni tal-Kunsill, li jixtieq jikkonvinċi bil-ħlewwa, mhux bl-impożizzjoni u biċ-ċensura. Il-Kunsill jemmen li din hija t-triq li tixraq lill-pubbliku Malti intelliġenti, li jħobb u jgħożż ilsien art twelidu.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow