Left arrow Mur Lura

Konferenza Stampa mill-Onor. Dr. Carmelo Mifsud Bonnici, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern dwar ir-Riforma tal-Mandati Esekuttivi u Kawtelatorji - Auberge d’Aragon, Pjazza Indipendenza, Valletta

pr1690
Date Icon 18/11/2005

1.         Tul dawn l-aħħar snin is-sistema legali bdiet għaddejja minn ċertu diffikultà fl-eżekuzzjoni ta’ mandati, sija dawk li jiġu preżentati wara sentenza jew titolu esekuttiv, kif ukoll dawk li jinħalfu jew qabel tiġi ippreżentata kawża jew tul proċeduri.  

Irid jingħad li dan is-sens ta’ diffikultà kiber l-iktarfil-mandati esekuttivi.  Dan inġabar u nfirex għal numru ta’ raġunijiet:-
i)minħabba d-dewmien kbir fi proċeduri, speċjalment dawk li huma marbuta mal-qbid, elevazzjoni, kif ukoll mal-bejgħ ta’ oġġetti, sija dawk mobbli, kif ukoll dawk immobbli;
ii)minħabba l-kwantità kbira ta’ trami ta’ proċeduri fil-proċeduri li għalkemm jidhru li ser isolvu l-problema u fir-realtà minflok ikomplu jikkomplikawha iktar;
iii)minħabba l-ispejjeż involuti li jafu jitilgħu huma wkoll, speċjalment fejn jidħlu stimi ta’ proprjetà immobbli kif ukoll ta’ l-oġġetti ta’ valur;
iv)minħabba l-fatt li ħafna jsibu li l-esekuzzjoni mhix it-tmiem ta’ kawża iżda l-bidu ta’ oħra;
v)minħabba l-fatt li ħafna drabi dawn il-fatturi jservu sabiex jingħaqdu u jimblukkaw flok esekuzzjoni ta’ ordni tal-Qorti, wieħed isib li ma seħħ xejn u dik is-sentenza ma tat ebda riżultat.
Ma’dan irid jingħad ukoll li tul is-sena li ġejja, invista ta’ l-emendi li saru fejn illum huwa aktar faċli sabiex tiegħu titolu esekuttiv fuq kambjala u dejn taħt il-ħamest’elef lira (Lm5,000), ser jiżdiedu sew il-mandati.  Irrid infakkar li din is-sena kellna, sa’ l-aħħar ta’ Ottubru, 905 ittra uffiċjali fuq debiti taħt il-Lm5,000; 535 ittra uffiċjali fuq il-kambjala, 297 arbitraġġi u 4,123 kawża ġdida, jiġifieri 5,860 b’kollox.  Dan huwa żieda ta’ 60% meta mqabbel mat-3,522 li daħlu s-sena l-oħra.

2.         F’dan l-abbozz ta’ liġi qegħdin nippruvaw ningħaqdu ma’ l-isforzi li saru minn ta’ qabilna sabiex intejbu dak li għandna ġewwa l-Qorti llum.  Għażilna li, flok nemendaw partijiet biss mill-artikoli li hemm fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, induru kollox.  Dan diġà pprova jiġi mwettaq fl-Att XXXI ta’ l-2002 iżda bid-differenza li hawn qed inressqu proposta sħiħa li tinkludi wkoll artikoli li mhux ser jiġu emendati u dawk li kienu emendati b’dak l-Att iżda ma daħlux fis-seħħ.  Irid jingħad ukoll li f’dik il-liġi innovattiva f’numru ta’ punti nstab li kien hemm xi artikoli li ma setgħux jitħaddmu kif kien previst. Għalhekk, filwaqt li nżammu u qed jerġgħu jiġu riprodotti numru sew minnhom b’numru ta’ limaturi, qed jitressqu wkoll numru ta’ proposti kompletament ġodda.  Naqbdu s-sistema u nippruvaw nagħtu toroq u rimedji ġoda li huma iktar prattiċi u sempliċi għas-soċjetà tagħna fil-ħajja soċjali u ekonomika li għandna.  

3.         Il-ħsieb prinċipali li mexxiena f’dan kollu kien wieħed – li nwieġbu għas-sejħa tal-ġurnata billi nasserixxu u nassiguraw l-awtorità tal-Qorti.  Huwa żball li f’soċjetà demokratika, istituzzjoni bħall-Qorti - li hija t-tielet pilastru - tara l-ordnijiet u s-sentenzi tagħha mhux meħuda bis-serjetà li wieħed jistenna jew addirittura li jiġu njorati kompletament u dan ovvjament għax bil-liġi preżenti u bil-prattika żbaljata li daħlet mas-snin ma jistgħux jiġi esegwiti.  

4.         Ippruvajna għalhekk, mingħajr ma nitilfu l-bilanċ bejn id-drittijiet tal-kreditur u tad-debitur, li wieħed jitħallas u l-ieħor iħallas mingħajr l-ewwel wieħed jieħu inqas milli ħaqqu jew ma jieħu xejn; u tieni, li d-debitur jara ġidu mormi mar-riħ.  Biex dan isir, ħarisna lejn dak li kien qiegħed jiġri u ħriġna bi proposti li naħsbu li jistgħu jwasslu għal esekuzzjoni iktar malajr u li jipproteġu aħjar lid-debitur.  

5.         Rajna wkoll li l-mandati kawtelatorji, li ħadmu bejn wieħed u ieħor tul is-snin, kellhom bżonn huma wkoll tiġdid u żidiet.  Ħadna ħsieb inħarsu sabiex nipproteġu aħjar l-azjendi kummerċjali.  Protezzjoni kontra gambetti ta’ azjendi kummerċjali oħra kif ukoll sabiex il-ġabra sħiħa ta’ makkinarju, liċenzi u l-avvjament jiġu preservati u mhux żmantellati jew aħjar kannabalizzati.  Ippruvajna wkoll insolvu diversi anomaliji li ħarġu maż-żminijiet bħal x’jiġri minn mandat kawtelatorju wara sentenza.  

6.         Għalhekk hawn qed nintroduċu tliet forom ġodda ta’ mandati li qabel ma kinux fil-Kodiċi.  Dawn huma:  

i)mandat ta’ qbid ta’ azjenda kummerċjali;
ii)mandat in proċintu; u
iii)l-mandat ta’ arrest ta’ ajruplani u bċejjeċ tal-baħar.

            Dawn il-mandati sa’ issa ma jiffurawx parti mill-Kodiċi.  Il-mandat ta’ qbid ta’ ażjendi huwa indirizzat sabiex jipproteġi ditti fin-negozju, speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju.  Il-mandat in proċintu huwa wieħed supplimentari intenzjonat sabiex jintuża fejn ma jistgħux jiġu użati l-mandati l-oħra.  Il-mandat ta’ arrest ta’ ajruplani u bċejjeċ tal-baħar għandu l-effett li jaqbad, jissekwestra f’idejn l-awtorità li din tinsab u li jordna li ma tiġix rilaxxata.  

7.         Għalhekk hawn qegħdin inressqu għad-djalogu u d-diskussjoni din il-liġi.  Permezz ta’ dan il-proċess wieħed jistenna li jkun hemm suġġerimenti li jwasslu għal-liġi aħjar, fuq dik li għandna llum.  

8.         Proposti Ġodda

            It-tibdiliet prinċipali li qed jiġu proposti huma s-segwenti:-  

a)Sistema aħjar sabiex wieħed jikkontesta mandat esekuttiv.
Permezz ta’ l-artikolu 281 (qabel l-artikolu 283A) qed jiġustabbiliti numru ta’ termini ġodda li fihom għandhom jiġu deċiżi rikorsi preżentati sabiex jattakkaw il-validità ta’ mandat.  L-ewwel, billi ġie ffissat terminu għall-Qorti in Prim’Istanza sabiex tiddeċidih u t-tieni, sabiex appell minn dik id-deċiżjoni jkollu huwa wkoll żmien fiss sabiex jiġi deċiż.  Ma’ dan daħħalna wkoll id-dritt li terzi persuni interessati jutilizzaw dawn il-proċeduri mingħajr bżonn ta’ ċitazzjonijiet.

            B’dawn l-emendi qegħdin nippruvaw:-  

i)neliminaw l-ewwel, l-inċertezza li taħkem f’dawn il-proċeduri billi fuqhom jiddependi ħafna, u t-tieni, d-dewmien li huwa ta’ ħsara ferm u ferm iktar minn proċeduri legali oħra;
ii)nagħtu dan ir-rimedju mhux biss lill-kreditur u lid-debitur, iżda wkoll lil terzi persuni li jistgħu jiġu affettwati.  Dan jgħodd ħafna f’mandat ta’ qbid fejn l-esekuzzjoni sseħħ fuq oġġetti ta’ terzi li kif inhija s-sistema, dawn iridu jagħmlu kawża normali, mentri b’din il-proposta jagħmlu użu minn din il-proċedura legali veloċi u sempliċi.
b)Tibdil fil-forma li kellna qabel tal-mandat ta’ qbid esekuttiv f’numru ta’ punti:-
i)Qed inneħħu l-obbligu fuq l-uffiċjal esekuttiv tal-qorti li jagħmel stima huwa dak il-ħin li l-affarijiet jiġu maqbuda.  Minflok il-kreditur għandu jindika l-lok fejn għandu jiġi esegwit il-mandat u l-uffiċjal esekuttiv tal-qorti jaqbad kull ma jsib fil-post.  Din il-proposta taħrab mill-problemi li għandna llum fl-esekuzzjoni fejn hija d-diskrezzjoni tal-marixxall, li ma huwiex stimatur, li fuqha jiddependi kollox.  Il-fatt li jinqabad kull ma hemm f’kamra jew f’dar jibdel ix-xenarju kollu.
ii)Qed indaħħlu żewġ sistemi separati ta’ kif jiġi esegwit il-mandat ta’ qbid:-
a)Hemm l-ewwel mandat li permezz tiegħu jinqabdu l-oġġetti, iżda ma jiġux elevati.  Hawn l-uffiċjal esekuttiv tal-qorti, kif jesegwih, imur lura l-Qorti flimkien mal-parti sabiex jiffissa l-jum tas-subbasta.  B’dan qed neliminaw id-dewmien tal-primo ricorso u qed nagħtu l-possibiltà li jsir bil-qbid mingħajr l-elevazzjoni għax mhux f’kull każ ikun hemm bżonn.  B’din il-proposta qed neliminaw id-dewmien u l-inċertezza li jgħaddu bejn l-esekuzzjoni tal-mandat u l-bejgħ.  Mentri b’dan il-mod il-jum qed jiġi ffissat appena jkun hemm l-esekuzzjoni.  Dan inaqqas fil-problemi li għandna ta’ mandati fil-limbu u oħrajn fil-purgatorju jistennew l-appuntar tagħhom.  Mhux biss dan, iżda b’din il-proċedura l-kreditur ser ikun jaf meta jrid jeleva, kemm ser idumu l-oġġetti għand il-kunsinnatarju uffiċjali kif ukoll li jkollu moħħu mistrieħ li dawk elevati mhux ser idubu jew jogħsfru.
b)It-tieni forma ta’ dan il-mandat jistabbilixxi l-kontra, u cioè, li qabel l-esekuzzjoni jkun hemm diġà l-jum tal-bejgħ in subbasta ffissat.  Wara ssir l-esekuzzjoni fejn l-oġġetti jiġu maqbuda u elevati mill-bidu nett.  B’din il-miżura qed jiġi assigurat mekkaniżmu aħjar fejn il-kunsinnatarju uffiċjali jibda jeleva l-oġġetti maqbuda fil-bidu nett.  Hawn, billi diġà jkun jaf meta ser isir il-bejgħ, jaf ukoll l-oġġetti kemm ser idumu jistennew maħżuna qabel il-bejgħ.
iii)Qed nintroduċu l-kunċett tal-kunsinnatarju uffiċjali
Hawn ma aħniex qed insegwu l-prattika l-antika li f’kull każhemm bżonn in-nomina ta’ kunsinnatarju.  Il-prattika kienet li f’każijiet rari kien jinħatar xi ħadd, il-bqija le.  Fl-emendi qed jiġi stabbilit li kif issir l-elevazzjoni ta’ l-oġġetti jiġi maħtur kunsinnatarju uffiċjali.  Dan jagħmel iktar sens għax il-kunsinnatarju huwa neċessarju għall-garanzija tal-kustodja ta’ l-oġġetti pendenti l-bejgħ.
iv)Estensjoni ta’ l-oġġetti li jistgħu jiġu maqbuda
Qed jiġi propost ukoll li ’l hekk imsejħa“resincorporalis”, jiġifieri ishma, liċenzji, poloz ta’ assigurazzjoni u titoli ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jkunu suġġetti ta’ mandat ta’ qbid.  Dan għandu l-ewwel, jiċċara numru ta’ diffikultajiet li nqalgħu tul is-snin fuq x’jista’ jkun suġġett għall-qbid, kif ukoll b’liema proċedura dan jista’ jsir, u t-tieni, qed jiġu estiżi iktar drittijiet li jistgħu jkunu soġġetti għall-bejgħ.
v)Qed jiġu eliminati frott fis-siġar kif ukoll dak miżrugħ
F’dan l-abbozz qiegħed jiġi riaffermat il-prinċipjustabbilit bl-Att XXXI ta’ l-2003 li frott fuq is-siġar u ħaxix miżrugħ ma jistax jinqabad jew jiġi elevat.  Din hija miżura favur il-bdiewa u prattika billi rari ħafna tiġi eżerċitata fiż-żminijiet ta’ llum.
vi)Qed jiġi stabbilit li l-uffiċjal esekuttiv tal-qorti ma jistax jirċievi ħlas in parti.
Sfortunatament, parti mill-problema fit-tħaddim tal-mandat ta’qbid kienet marbuta mal-prattika żbaljata li l-marixxall seta’ jirċievi ħlas bin-nifs.  Dan, flok ħajjar lid-debitur iħallas, wassal sabiex jiżdiedu id-dewmien u l-kumplikazzjonijiet.  Għalhekk hawn qed jiġi propost li din tinqata’ darba għal dejjem, jiġifieri jew jingħata l-ħlas kollu jew inkella ikun hemm il-kontinwazzjoni tal-proċeduri u mhux sospensjoni fil-limbu legali.
vii)Qed tiġi eliminata s-sistema tar-rikonjizzjoni

            Parti oħra mill-problema fil-mandati kienet marbuta mar-rikonjizzjoni.  Meta jkun sar mandat ta’ qbid kontra persuna u wara jidħol ieħor il-marixxall, flok jerġa’ jmur, kien jerġa’ “jaqbad” fuq il-karta dak li kien inqabad qabel minn marixxall ieħor.  Din qegħda issa titneħħa, l-ewwel għax hija prattika ħażina u tagħti lok għall-abbuż, u t-tieni għax issa qed nibdlu s-sistema u għalhekk mhux ser ikun hemm mandati ta’ qbid li ġew esegwiti u li għadhom qed jistennew il-primo ricorso jew il-jum tal-bejgħ in subbasta.  

ċ)Biddilna wkoll numru ta’ kunċetti fil-mandat ta’ qbid ta’ l-immobbli.
Hawn segwejna dak li sar fl-Att XXXI ta’ l-2003 billi erġajnastabbilejna l-kunċett ta’ mandat ta’ qbid separat għall-immobbli b’numru ta’ vantaġġi ġodda :-
i)Fir-rikors irid ikun hemm dikjarazzjoni iktar ċara ta’ l-immobbli, l-jum u l-lok, u l-ħin tal-bejgħ jiġi stabbilit mill-bidu u jiġi nfurmat ir-Reġistru Ċentrali.
ii)L-esperti (ħafna drabi periti arkitetti) ma jibqgħux jitħallsu abbażi tat-Tariffa K iżda b’waħda separata.  Sfortunatament hawn kellna ħafna problemi u b’dan il-mod qed inħarsu lejn inqas piżijiet fuq id-debitur li huwa l-persuna li finalment qed iħallas il-kont.  Barra minn dan, qed jiġi stabbilit li n-nomina ssir fuq bażi ta’ rota, jiġifieri kull min ikun fl-elenku jitqabbad u jkun hemm nomini ugwali u mhux l-iżbilanċi ta’ llum.
d)Daħħalna l-Mandat ta’ Qbid ta’ Azjendi Kummerċjali
Tul dawn is-snin is-sistema legali tagħna, apparti mid-dewmientagħha, ma kellhiex soluzzjonijiet tajba għal persuni li għandhom jieħdu minn azjenda kummerċjali jew fejn hemm ġlied intern.  Ħafna drabi, soċjetajiet kummerċjali bil-kapital finanzjarju u uman tagħhom, spiċċaw fix-xejn.  L-ewwel, għax l-assi tkissru, nbiegħu biċċa biċċa u ntilef il-valur ta’ l-intrapriża fit-total sħiħ tagħha.  It-tieni, għax il-mandat ta’ sekwestru sewa sabiex jagħlaq il-kontijiet bankarji.  Għalhekk waqfet il-ħidma ta’ kuljum b’mod u manjiera li ħafna drabi soċjetà mblukkat oħra inqas b’saħħitha.
Għalhekk qiegħed jiġi introdott dan il-mandat li l-għan tiegħuhuwa, l-ewwel li jippreserva l-assjem sħiħ ta’ l-assi, inklużi l-liċenzji u l-avvjament sabiex l-azjenda tinbiegħ bħala ħaġa sħiħa u mhux imqatta’ biċċiet, u t-tieni, li jippreserva u jżomm għaddejja l-azjenda tul kawża bejn il-partijiet.  Tibqa’ għaddejja l-azjenda billi jiġi nominat persuna li tamministra u tmexxiha sakemm jew tinqata’ l-kawża jew isir il-bejgħ finali ta’ kollox.  Hawn hawn vantaġġi ġodda billi preżentement ma jistax jinħareġ mandat li filwaqt li jippreserva jżomm il-kummerċ għaddej fil-ħidma normali tiegħu.  Ir-rimedji preżenti huma kollha marbuta u bbażati  fuq l-elevazzjoni ta’ l-assi inkella fuq it-twaqqif totali ta’ dawk finanzjarji.  Anke jekk xi drabi kien hawn min ipprova jagħmel użu mis-sekwestratarju ġudizzjarju, l-esperjenza uriet li dan m’huwiex adegwat sabiex iwieġeb għall-esiġenzi ta’ llum u f’ħafna mumenti s-sekwestratarju sab ruħu marbut, ma jistax jiċċaqlaq u l-azjenda titbiel.
e)Vantaġġi ġodda fl-Irkant
Sfortunatament ħafna drabi proprjetà immobiljari u ta’ valurma ssibx prezz fis-subbasta u tinbiegħ bix-xejn għal numru ta’ raġunijiet li b’dan l-abbozz qed nippruvaw neliminaw sabiex jinqatel l-abbuż u l-piż fuq id-debitur jonqos kemm jista’ jkun bis-segwenti:-
i)Il-bejgħ in subbasta jsir biss minn irkantatur pubbliku u, f’każijiet eċċezzjonali marbuta ma’ oġġetti li ser jispiċċaw, mir-reġistratur.  Hawn għandna naraw trasparenza ikbar u valur ikbar fir-rikavat tal-prezz tal-bejgħ.
ii)Il-proprjetà, hija x’inhija, ma tistax tinbiegħ b’inqas minn 60% tal-valur tagħha.  Din ukoll għandha taqta’ barra l-abbuż li għandna llum fejn proprjetà tinbiegħ bix-xejn u d-debitur, flok jingħatalu l-kreditu kollu, jiġi li jitlef proprjetà bi ftit u jibqa’ jrid iħallas il-bilanċ.  L-esperjenza uriet li ħafna drabi d-debituri kienu l-iktar li batew.
iii)It-tneħħija tal-kwindena
Sfortunatament il-kwindena, flok qegħda sservi sabiex iżżidil-valur ta’ post, qegħda tnaqqas għax ma tħajjarx persuni jiġu joffru meta jafu li hemm ħaddieħor li jista’ jerġa’ jidħol fin-nofs.  Il-proċedura preżenti tant hija pedantika u kkomplikata li, ħlief għal min ikun għamel professjoni minn dawn it-tipi ta’ bejgħ, ftit tiġbed xerrejja.  It-tneħħija tagħha, marbuta mal-fatt li l-valur irid ikun bilfors ta’ 60%, huma garanzija li d-debitur mhux ser jara l-proprjetà tiegħu mormija, anzi iktar valorizzata billi min joffri jaf li din ser jeħodha fl-aħħar nett tal-proċess u mhux hemm xi kapitolu ieħor x’jinfetaħ.
iv)L-iżgumbrament
Waħdamir-raġunijiet li żżomm terzi milli joffru fis-subbasta, kif ukoll tad-debitur li jħallas, huma bbażati fuq l-għarfien li wara l-liberazzjoni ta’ fond mhux ser ikun hemm ukoll l-iżgumbrament ta’ persuna li tokkupa l-post mingħajr titolu.    Il-prattika llum hija li wara l-liberazzjoni trid terġa tiġi ppreżentata kawża ad hoc għall-iżgumbrament.  Dan huwa ta’ piż kbir.  Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-liberazzjoni tfisser titolu esekuttiv li fuqu jista’ jinħareġ mandat ta’ żgumbrament, sakemm ma hemmx terzi li qed jokkupaw il-post b’titolu validu fil-liġi.  Hemm dan ma huwiex applikabbli, però min ser jixtri jkun jaf bih billi jkun hemm id-deskrizzjoni fir-rapport ta’ l-espert.
v)Pubbliċità
Daħħalna wkoll kunċett aħjar tal-pubbliċità tal-bejgħbilli qed nippermettu li kull min għandu interess jista’ jirreklama dan il-bejgħ fil-gazzetti jew mezzi oħra tax-xandir.  Illum il-ġurnata, l-avviż ftit ikunu jafu bih, jidher b’tipi żgħar u għalhekk limitat għal ftit persuni.  B’dan il-mod wieħed jipprevedi li aktar xerrejja jattendu għall-bejgħ.
vi)Bdil fl-animo compensandi
Parti oħra mill-problemi passati fil-bejgħ in subbasta twieldumill-komplikazzjonijiet ta’ persuni li jridu joffru animo compensandi.  Is-sistema preżenti tipprevedi li l-ewwel, wieħed jiġi approvat mill-qorti u wara jkun jista’ joffri.  Dan iġib ħafna inċertezza u anke posponimenti ta’ subbasti sakemm it-talbiet jiġu milqugħa jew miċħuda.  Hawn qed jiġi propost li s-sistema tinbidel u tibda billi wieħed jirreġistra fil-bidu li ser joffri animo compensandi u jkun wara l-bejgħ li l-qorti tara jekk setax jew le.  B’din il-miżura wieħed jiffranka ħafna ħin lill-qorti kif ukoll komplikazzjonijiet inutili meta min ikun talab ma jkunx il-persuna li kellu l-ogħla offerta u fl-istess ħin iġib sempliċità kbira.
vii)Bdil fil-konkors tal-kredituri
Problema oħra marbuta mar-rikavat tal-bejgħ huwa dak lijitwieled wara li tiġi preżentata ċ-ċedola ta’ depożitu.  Sfortunatament meta jsir dan u l-qorti ssib li hemm ħafna persuni li għandhom pretensjoni fuq ir-rikavat, id-direzzjoni tkun sabiex il-partijiet jiftħu l-proċeduri tal-konkors tal-kredituri.  Dan ifisser dewmien, komplikazzjonijiet u spejjeż żejda.  Hawn qed jiġi propost li l-istess qorti ffaċċjata b’dawn it-talbiet tittrasforma ruħha f’waħda li tara l-konkors tal-kredituri u tibda dawn il-proċeduri hija stess minnufih ai termini ta’ l-artikolu 416 et sequitur.
f)Bidliet fil-Mandat ta’ Sekwestru

            Fil-mandat ta’ sekwestru qed jiġu introdotti tliet miżuri.  

i)Qed jiġi propost li meta l-banek ikunu notifikati b’mandat, dawn għandhom fi żmien ħmistax-il jum, jiddepożitaw.  Għalhekk, is-sistema antikwata li terġa’ tibgħat ittra uffiċjali wara, qed jiġi propost li tinqata’ kompletament.  Din għandha tħaffef ferm il-proċeduri u fl-istess ħin tnaqqas l-ispejjeż żejda li qed jidħlu għalihom il-kredituri.
ii)Qed jiġi propost ukoll li mandat ta’ sekwestru ma joperax fil-konfront ta’ self fuq id-djar (house loans).  Din qed issir għax ħafna drabi kull ma jiġri hawn huwa twaqqif inutili fil-kostruzzjoni.  Min għandu jieħu fuq dar ta’ koppja li ser tiżżewweġ għandu jippreżenta mandat ta’ inibizzjoni għax kull ħlas li jsir mis-self fuq id-dar (house loan) qiegħed iżid fil-valur tal-post u għalhekk ma jagħmel ebda sens li tippermetti t-twaqqif tat-tħaddim ta’ din il-faċilità
iii)Qed jiġi propost ukoll li faċilitajiet mogħtija fid-dinja bankarja magħrufa aħjar bħala “overdraft facilities” ta’ azjendi kummerċjali huma wkoll eżenti mill-mandat ta’ sekwestru.  L-esperjenza tul dawn is-snin hija li b’din l-għodda tieqaf ir-rota ta’ l-azjenda u għalhekk kollox imur il-baħar.  Sfortunatament hija arma kontra l-intrapriżi żgħar u medji minn min għandu iktar riżorsi minnhom.  L-introduzzjoni tal-mandat ta’ azjenda għandu jkun strument effiċjenti u effikaċi sabiex wieħed jagħti rimedju tajjeb u bis-sens ferm iktar milli huwa s-sempliċi twaqqif komplet.
g)Introduzzjoni tal-mandat in proċintu
Tul is-snin kien hemm ħafna sentenzi mogħtija li wara ma setgħuxjiġu esegwiti billi ma kien hemm ebda mandat esekuttiv li seta’ jiġi utilizzat.  Hawn qed nistabilixxu għalhekk poter ġenerali li jippermetti lill-Qorti sabiex toħroġ mandat li permezz tiegħu jistgħu jiġu esegwiti dejjem meta l-Qorti tkun sodisfatta li l-kreditur ma għandux ebda mezz ta’ esekuzzjoni oħra.
Permezz ta’ din il-proposta qegħdin nerġgħu nagħtu rimedjiġodda li jagħmlu sens li permezz tagħhom l-ordnijiet tal-Qorti jiġu esegwiti.
ħ)Mandati Kawtelatorji – jiġu trasformati f’esekuttivi
Problema li jiltaqgħu magħha ħafna drabi kredituri titwieledmeta s-sentenza tiġi deċiża, però għadha mhux esegwita.  Hemm sitwazzjonijiet fejn jerġgħu jinħarġu mandati esekuttivi ġodda u oħrajn fejn ma jistgħux.  L-agħar sitwazzjoni titwieled fil-mandat ta’ inibizzjoni kawtelatorju fejn la darba tiġi deċiża l-kawża jispiċċa fil-validità u għalhekk id-debitur jista’ jbiegħ u jaħrab id-debitu.   Hawn, għalhekk, qiegħed jiġi propost li mandat kawtelatorju jiġi trasformat fit-tmien il-kawża f’wieħed esekuttiv, permezz ta’ proċedura apposta u dan, ovvjament, dejjem jekk il-kreditur ikun rebaħ il-kawża.  Għalhekk qiegħed jingħad li l-mandati ta’ qbid, mandat ta’ qbid ta’ azjenda u mandat ta’ sekwestru jiġġeddu billi tiġi ppreżentata nota u fl-oħrajn jiġi ppreżentat rikors għall-mandat in proċintu.
i)Mandat ta’ arrest ta’ ajruplani u bċejjeċ tal-baħar
Qed jiġi propost li jiġi introdott il-kunċett ta’ arrest ta’dawn l-oġġetti.  Fl-emendi sottomessi mill-Att XXXI ta’ l-2002, deher għall-ewwel darba l-mandat ta’ qbid ta’ dawn.  Dak kien vantaġġ però f’dawn is-sitwazzjonijiet hemm iktar minn sempliċi mandat ta’ qbid.  Il-liġi Maltija hija dgħajfa fil-konfront ta’ oħrajn u dan huwa kontro-indikat meta tikkonsidra li aħna għandna numru kbir ta’ bastimenti reġistrati magħna.
Għalhekk qiegħed jiġi mqiegħed għall-konsiderazzjoni mandatta’ arrest li jkollu l-effett li jaqbad l-ajruplan jew il-biċċa tal-baħar ta’ ’l fuq minn għaxar metri mingħand id-debitur, kif ukoll li jissekwestra l-istess għand l-awtorità li f’idejha jinsab jew tinstab, ukoll li jordna li l-istess awtorità ma tirrilaxxax l-ajruplan jew il-biċċa tal-baħar jew li tippermetti lid-debitur eżekutant milli b’xi mod jiżvesti lilu nnifsu mill-istess fi sħiħ jew in parti jew li jagħti jew iċedi xi drittijiet fuq l-istess.
Il-mandat huwa esegwit għall-effetti kollha tal-liġi man-notifikata’ l-uffiċjal esekuttiv ta’ l-awtorità li f’idejha jkun jinsab l-ajruplan jew tinsab il-biċċa tal-baħar.
Dan għandu jkun vantaġġ għax permezz tiegħu hemm kontrollaktar prattiku u in konformità ma’ kif jaħdem dan il-mandat fis-settur marittimu.
B’dawnid-diversi emendi wieħed jittama li ġewwa l-Qrati tagħna jkun hemm sistemi iktar loġiċi, sempliċi u li jiswew inqas sabiex il-kredituri jitħallsu ta’ dak li ħaqqhom.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  €1.16 million to strengthen the resilience of coastal wetlands

PR261949en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali

PR261949

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow