Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT

pr1673
Date Icon 16/11/2005

Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino jippreżenta d-diskors tal-budget

“Il-programm ta’ ħidma wiesa’ tagħna jikkontrasta ferm mal-baħħ ta’ l-Oppożizzjoni. Qed jirnexxielna nisfruttaw ħiliet il-poplu sabiex nagħmlu bidla kuljum f’pajjiżna, anke jekk għandna sfidi u sitwazzjonjiet diffiċli. Filwaqt li aħna qed neqilbu l-isfidi f’opportunitajiet, il-Partit Laburista għadu qed jaħrab mir-realtà ta’ llum. Għadu qed jgħix il-passat.”   

Dan qalu l-Ministru George Pullicino fl-għeluq tad-diskussjoni ta’ l-estimi tal-Ministeru għal-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fil-Parlament bħala parti mid-dibattitu tal-Budget.  

Il-Perit Pullicino tkellem dwar diversi temi li jaqgħu taħt ir-responsabbilità Ministerjali tiegħu fejn mhux biss elenka l-ħidma mwettqa f’din l-aħħar sena, tkellem dwar id-direzzjoni li qed jieħu l-Gvern f’dawn l-oqsma, u kif ukoll xejjen il-kritika ta’ l-Oppożizzjoni. Huwa wera li l-Gvern bil-fatti qed juri li l-Ambjent huwa wieħed mill-kolonni li fuqhom hija mibnija l-politika tiegħu.  

Il-Ministru qal li l-Partit Laburista jinsab f’faqar ta’ ideat, u qal li dan jixhdu wkoll id-dokument dwar il-politika ambjentali li nieda l-Partit Laburista xi ġimgħat ilu. “Dan id-dokument mhu xejn ħlief eżerċizzju kosmetiku li jipprova jaqta’ l-għatx bil-perżut. Dan għax ħlief diskors fieraħ ma ssibx!” Hu sostna li f’dan id-dokument m’hemm l-ebda indikazzjoni konkreta ta’ x’mizuri fi ħsiebu jdaħħal jekk il-Partit Laburista qatt ikun fil-Gvern.  

Il-Ministru Pullicino qal li min-naħa l-oħra, in-nefqa kapitali għall-ambjent u l-immaniġġjar ta’ l-iskart għas-sena d-dieħla se titla minn Lm11.6 miljuni għal Lm15.9 miljuni, qabża ta’ 37%. “Din in-nefqa se tippermetti li jkomplu għaddejjin l-inizjattivi u t-twettiq ta’ proġetti u bini ta’ faċilitajiet u infrastruttura.”  

“Il-Gvern se jkompli fejn ħalla s-sena l-oħra, fejn ħabbarna inċentivi aktar favorevoli fuq xiri ta’ prodotti li ma jħallux impatt fuq l-ambjent, anzi li jwasslu biex nimmassimizzaw l-enerġija. Fost dawn hemm inċentivi għal sistemi li jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx, u l-promozzjoni ta’ trasport nadif inkluż il-biodiesel u ta’ sistemi bħal Park & Ride.”  

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Pullicino qal li l-faqar ta’ l-Opposizzjoni fuq l-ambjent deher ukoll fid-diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-budget fejn wera bl-aktar mod ċar li lanqas biss jaf x’inhu għaddej madwaru.   

Il-Ministru tenna li jekk hemm settur fejn tidher ċara d-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ċertament huwa l-qasam ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart.  Fuq naħa nsibu l-għaqal u l-impenn tal-gvern u fuq in-naħa l-oħra nsibu l-inkompetenza u t-tbażwir, fosthom il-pożizzjoni addottata mill-MLP dwar l-impjant ta’ Sant’Antnin.  Huwa esprima d-diżappunt tiegħu li fuq din il-kwistjoni l-Partit Laburista u l-Alternattiva Demokratika spiċċaw jikkompetu ma’ xulxin  f’logħba ta’ l-opportuniżmu politiku.  

Il-Perit Pullicino qal li ta’ min jinnota l-pożizzjoni ta’ l-Oppożizzjoni li ilha xhur sħaħ trewwaħ il-kontroversja dwar dan l-iżvilupp u issa l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħareġ jgħid li jemmen li l-Impjant “jista’ jkun modernizzat u li dan ma jitkabbarx”.  

Dwar l-Eko-Kontribuzzjoni, il-Ministru qal li l-għan tal-Gvern meta introduċa l-Eko Kontribuzzjoni kien li jkabbar l-għarfien favur l-użu ta’ materjal li joħloq l-anqas impatt fuq l-ambjent u fl-istess waqt jippromwovi alternattivi li jirrispettaw aktar l-ambjent. Huwa ħabbar li meta tqabbel l-ammont ta’ basktijiet tal-plastik użati fl-ewwel 9 xhur ta’ l-2004 ma’ dawk użati fl-ewwel disa xhur ta’ din is-sena ssib li kien hemm tnaqqis ta’ 22.5 Miljun basket tal-plastik.  

Il-Ministru rrefera wkoll għal diversi proġetti oħra bħal Eko-Skola, ĠimgħAmbjent u Eko-Fest li lkoll jippromwovu l-istrateġija ambjentali tal-Gvern, msejsa fuq numru ta’ inizjattivi, fost l-oħrajn dik li jedukaw għat-trawwim ta’ kultura li tirrispetta l-ambjent.  

Il-Perit Pullicino tkellem ukoll dwar l-infurzar ambjentali fosthom il-Littering Regulations fejn inħarġu 750 twissija fuq perjodu ta’ 24 ġurnata. Hu semma wkoll il-ħsieb li se jsiru regolamenti ġodda għal postijiet ta’ kostruzzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent minn attivitajiet tal-bini.  

Dwar is-setturi tal-Biedja u Sajd, il-Ministru qal li b’mod ġenerali, matul l-2005 kompliet it-tendenza u x-xejriet li jikkonfermaw kemm is-settur agrikolu kompla jistabilizza ruħu u jaddatta tajjeb għas-sħubija fl-UE wara l-ewwel xhur ta’ ftit instabbilità li kienet prevista.  

“Iċ-ċifri maħruġa mill-NSO jikkonfermaw kemm dawn is-sussidji qed jilħqu l-għan tagħom u meta tqabbel id-dħul tal-bdiewa issa mal-perjodu ta’ qabel is-sħubija issib li dan id-dħul effettivament żdied u mhux naqas. Minkejja dan, għadek issib dawk li huma biss interessati li jiżirgħu l-biża’ u jpinġu kollox iswed.  Dan jinkludi talbiet regolari għat-tħaddim tal-klawsola ta’ salvagwardja, liema talbiet mhumiex ġustifikati mill-istatistika li tirriżulta.”  

Il-Ministru ppubblika din it-tabella li turi ċifri tal-valur tal-prodott mibjugħ mill-Pitkalija, l-ammont ta’ sussidji u l-volum ta’ bejgħ għall-ewwel sitt xhur tas-sena għas-snin 2003, 2004 u 2005. “Dan juri li meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fis-snin li għaddew, id-dħul tal-bdiewa żdied b’aktar minn 4%.  Dawn il-figuri juru wkoll li s-suq qed jilqa’ tajjeb għall-effetti tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.  

2003

2004

2005

Volum (kg)

19,446,377

19,658,744

20,719,533

Valur (Lm)

4,080,899

3,731,841

3,964,689

Sussidji (Lm)

112,770

286,868

407,286

Dħul totali (Lm)

4,193,669

4,018,709

4,371,975

Il-Ministru żied jgħid li l-fatt li l-Kap tal-Opposizzjoni "ħabbar" illi l-produzzjoni tal-frott u ħaxix f'Malta naqset fuq is-sena li ghaddiet bi 2.8%, huwa prova kemm ma hemmx kriżi fis-settur.   

Li ma qalux il-membri ta’ l-Oppożizzjoni huwa li matul is-sena 2005 se jkunu tqassmu ma’ l-Lm10 miljuni bħala għajnuna lill-bdiewa u raħħala. Ċifri bħall dawn jixhdu kemm kellu raġun il-PN jaħdem bla heda biex idaħħal lill-pajjizna fl-Unjoni Ewropea.   

B’referenza għal tender fuq kampanja biex titqajjem kuxjenza pubblika fuq l-Agrikoltura ffinanzjata mill-UE, il-Ministru rriafferma li hu ma ndaħal xejn fil-proċess ta’ l-għażla u li tant m’għandux x’jaħbi li ddikjara li hu m’għandux oġġezzjoni li l-Onorevoli Farrugia jkollu aċċess.  

Il-Ministru Pullicino temm jgħid li “Pajjiżna irid mexxejja li kapaċi jieħdu deċiżjonijiet iebsa iżda bżonnjużi. Pajjiżna jeħtieġ klassi politika li timxi fuq prinċipji sodi. Pajjiżna jrid Gvern b’direzzjoni ċara li kapaci jisfrutta l-ħiliet tal-poplu sabiex kulħadd jimxi ‘l quddiem. Dak li qed nagħmlu u dak li se nkomplu nagħmlu!”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  €1.16 million to strengthen the resilience of coastal wetlands

PR261949en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  €1.16 miljun biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi mistagħdra kostali

PR261949

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow