IFFIRMAT IL-FTEHIM KOLLETTIV TAL-ĦADDIEMA TAĊ-ĊIVIL
Dalgħodu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie ffirmat il-ftehim Kollettiv tal-ħaddiema taċ-Ċivil bejn il-Gvern u r-rappreżentanti ta` l-istess Ħaddiema. Għan-naħa tal-Gvern kien hemm il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, Dr. Godwin Grima, Kap taċ-Ċivil, Paul Zahra, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, kif ukoll Joe Izzo Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Unions rappreżentati kienu l-GWU, il-UHM, l-MUT, l-MUPP, l-MUMN.
Il-punti prinċipali ta` dan il-ftehim kienu dawn :
1. F’dak li jirrigwarda s-salarji, hemm żewġ punti:
| a) | Il-ftehim huwa għal 6 snin. Din hija innovazzjoni assoluta. B’hekk hemm ċertu stabbilità. Dawk il-klawsoli li ma għandhomx impatt finanzjarju jkopru l-2005-2007. Għalhekk minn naha hemm stabbilità fir-rigward tal-finanzi u aktar flessibilità fl-oqsma l-oħra; |
| b) | Tul dawn is-snin ser tiġi restawrata l-konċertina. |
2. Twaqqaf għall-ewwel darba proċess konċiljatorju. F’każ ta’ diżgwid industrijali, apparti l-proċessi kollha skond il-liġi, il-Gvern u l-Unions issa ftehemu li jitressaq il-każ quddiem Bord li ser ikun jikkonsisti f’Ċhairman u żewġ membri, li t-tlieta li huma jkunu appuntati mill-Gvern pero` wara konsultazzjoni mal-unions. Dan il-proċess huwa sinjali qawwi li l-Gvern u l-unions jridu li jfittxu kull mezz biex jirriżolvu d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.
3. Il-parental leave issa jista’ jittieħed sakemm it-tfal jkollhom 12-il sena, qabża kbira għax illum l-età kienet ta’ 8 snin. Apparti hekk il-leave jista’ jinqasam fi blokki ta’ 3 xhur. Huwa mistenni li ’l quddiem il-Gvern iħabbar aktar inizjattivi bħala parti mill-politika tiegħu li jgħin lill-ħaddiema tiegħu jilħqu bilanċ bejn xogħol u familja. Fil-fatt il-Gvern, permezz ta’ l-MFSS qed jevalwa dokument ippreparat mill-MEU, u ikkummissjonat mill-istess MFSS li jittratta dwar Family-Friendly measures. Dan id-dokument digà ġie diskuss ma’ numru ta’ stakeholders u bħalissa qed jiġi evalwat internament.
4. Ghalkemm m’hemmx il-ħsieb li n-nofs ta’ nhari jinqatgħu “across the board”, il-Gvern u l-unions qablu li l-Gvern jista’ jdaħħal work schedules ġodda, ovvjament wara diskussjonijiet mal-Unions. Pero` huwa rikonoxxut li, almenu f’ċertu setturi, wasal iż-żmien li jkun hemm bdil fil-ħinijiet tax-xogħol.
5. Qasam iehor li wieħed għandu jirreleva huwa l-fatt li fejn jiġu identifikati każijiet ta’ underemployment, allura l-Gvern, bħala employer, wara konsultazzjonijiet mal-Unions, ikollu d-dritt jagħmel retraining u redeployment ta’ dawn l-impjegati kemm fil-public service veru u proprju, kif ukoll fis-settur pubbliku. Tajjeb jiġi nnutat li mal-ftehim kollettiv hemm appendiċi li fih 12-il punt li għandhom iservu bħala bażi għall-introduzzjoni ta` aktar Public Private Partnerships.
6. Dwar metodi elettroniċi ta’ registrar ta’ attendenzi, audit trails u komputazzjoni ta’ salarji, issa hemm time-frames speċifiċi miftehma fil-ftehim kollettiv.
7. Il-leave tal-ħaddiema issa ser jiġi komputat f’siegħat aktar milli f’ġranet. Dan waqt li ma jnaqqas xejn mill-benefiċċji li jgawdu l-ħaddiema, jagħti vantaġġ kemm lill-istess ħaddiema kif ukoll lill-management. Per eżempju, issa ħaddiem li jaħdem ġurnata ta’ anqas minn 8 siegħat, allura jekk jieħu l-leave ma titnaqqaslux ġuranta leave, imma biss in-numru ta’ siegħat li jkun ħa. Mill-banda l-oħra, fejn si tratta ta’ ħaddiema fuq shift, allura din il-formola, li hija bbażata fuq dik bażika applikabbli fil-liġi Maltija, tirrendi l-komputazzjoni tal-leave aktar trasparenti.
8. Il-ftehim hu ghal perijodu ta` 6 snin. U tajjeb jiġi nnnotat li għall-ewwel sentejn ftit ser ikun hemm ċaqliq fis-salarji. Mill-banda l-oħra, il-Gvern qed juri fiduċja fil-ħaddiema tiegħu u kif digà ntqal, tul il-perijodu tal-ftehim ser jkun hemm żidiet sostanzjali bl-iskop ukoll li tiġi restawrata l-konċertina – din kienet talba li l-unions ilhom jagħmlu għal diversi snin u issa, grazzi għall-koperazzjoni ta’ kulħadd, jidher ċar li jista’ jintlaħaq dan il-għan.
Stqarrijiet Oħra:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947