DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI, FL-OKKAŻJONI TAL-FORUM EWROPEW DWAR IT-TURIŻMU – VALLETTA – IL-ĦAMIS, 20 TA’ OTTUBRU 2005
pr1521
20/10/2005
| Sur | Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Ministri, Eċċellenzi, Mistednin Distinti, Sinjuri, |
| Huwa | ta’ pjaċir kbir għalija li qed ninawgura r-Raba’ Forum Ewropew dwar it-Turiżmu u nagħti merħba lill-bosta delegati distinti li hawn fostna llum. Malta hija kburija li qed tospita dan l-avveniment wara li l-Presidenza Ingliża u l-Kummissjoni ta’ l-UE aċċettaw in-nomina tagħna biex nospitaw dan l-avveniment f’pajjiżna. |
| Il-laqgħa | l-aktar importanti li ssir fl-Ewropa dwar it-turiżmu qed issir din is-sena fl-iċken stat ta’ l-Unjoni Ewropea – fi gżira li tinsab fil-qalba tal-Mediterran, f’pajjiż fejn jiltaqgħu u jitħalltu l-kulturi, f’pajjiż li jiddependi bil-bosta fuq it-turiżmu meta mqabbel ma’ stati oħra li bħalna huma membri. Biżżejjed ngħid li aħna niġbdu lejn pajjiżna kull sena tlett turisti għal kull ċittadin Malti. |
| Tabilħaqq, | it-turiżmu huwa wieħed mit-tliet pilastri prinċipali ta’ l-ekonomija ta’ Malta. It-turiżmu hija industrija li sabet l-għeruq tagħha f’pajjiżna f’dawn l-aħħar tletin sena. Hija l-industrija li għenet lill-pajjiżna fl-ewwel passi indipendenti tiegħu. Hija l-industrija li provdiet għall-iżvilupp ta’ infrastruttura moderna, b’investiment kemm mill-gvern kif ukoll mill-privat. Hija l-industrija li l-aktar li qed niddependu fuqha sabiex nilħqu l-miri ta’ żvilupp għall-ġejjieni. |
| Il-viżjoni tiegħi għal | pajjiżi hija waħda ta’ pajjiż modern li jista’ jiftaħar b’livell għoli ħafna ta’ għixien, soċjeta` msejsa fuq valuri politiċi, soċjali u ekonomiċi sodi. Hija viżjoni ta’ pajjiż li huwa intraprendenti u li kapaċi jikseb tkabbir qawwi fl-ekonomija. Hija viżjoni ta’ pajjiż li huwa rrispettat fl-arena reġjonali u internazzjonali. Il-fatt li aħna membri fl-Unjoni Ewropea għandu jgħinna niksbu din il-viżjoni. L-Unjoni Ewropea hija l-katalist li se jkompli jixxprunana fil-ħidma tagħna, ħidma li m’għandhiex għajnuna mill-kontro-kurrenti ekonomici internazzjonali li bħalissa qegħdin nesperjenzaw. |
| Qed | naħdmu flimkien ma’ l-24 l-oħra msieħba biex niżguraw li l-Ewropa tkompli tirriforma ruħha ekonomikament biex taffronta l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Il-problemi li l-ekonomiji ta’ l-Ewropa qed iħabbtu wiċċhom magħhom huma sinifikanti, anke fl-industrija tat-turiżmu. Aħna qed naffrontaw kompetizzjoni dejjem iżjed ħarxa mhux biss mill-ekonomiji tradizzjonali bħalma huma l-Istati Uniti u l-Ġappun imma wkoll dawk l-ekonomiji emerġenti li qed jinbtu b’ħeffa kbira bħalma ma huma ċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja. |
| Dan | iġibni għall-Aġenda ta’ Lisbona li hija fundamentali għall-kompetittivita` fil-ġejjieni ta’l-UE u l-kapaċita` li għandha biex toħloq il-ġid, tipprovdi impjiegi u ttejjeb il-mudelli soċjali u ambjentali tagħna. Il-Gvern tiegħi huwa marbut bis-sħiħ b’din l-Aġenda. Twaqqaf Kumitat tal-Kabinett ippresedut mill-Ministru Malti responsabbli għall-Kompetittivita` u l-Komunikazzjoni bil-għan li jsuq ’il quddiem l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta u dan ingħata r-responsabbilta` biex joffri koordinazzjoni kkonċentrata u koerenti fir-rigward tal-proċessi kollha li jwasslu għall-Istrateġija ta’ Lisbona, inkluż it-tfassil tal-Programm għal Riforma Nazzjonali ta’ Malta. |
| Aktar | tard dalgħodu, waqt il-Forum, għandu jkun hemm laqgħa informali tal-Ministri tat-Turiżmu mal-Kummissarju Verheugen. Jiena naf li ż-żewġ oqsma li se jiġu diskussi f’din il-laqgħa jittrattaw il-politika li qed tiġi proposta mill-UE fir-rigward tat-turiżmu u l-aspetti tat-turiżmu li huma relatati mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Din hija indikazzjoni ċara tar-rieda politka li teżisti bejn il-Gvernijiet ta’ l-UE abbinata max-xogħol vitali tal-Kummissjoni ta’ l-UE biex tagħti iżjed prijorita` lit-turiżmu fl-aġenda ta’l-UE. |
| It-turiżmu | huwa qasam li qiegħed fil-qalba tal-proċess ta’ Lisbona. Huwa ta’ importanza vitali għat-tkabbir, għall-impjiegi, għat-teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Huwa wieħed mis-setturi ekonomiċi bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u għan-nisa. Huwa attivita` li tinvolvi faxxa wiesgħa ta’ attivitajiet b’xogħol intensiv, li tipprovdi impjiegi għal firxa wiesgħa ta’ abbiltajiet kemm fejn għandu x’jaqsam it-tip ta’ impjieg kif ukoll il-livell ta’ speċjalizzazzjoni. Ma tkunx ħaġa loġika, għaqlija u bis-sens kieku xi stat membru kellu jinjora l-potenzjal tat-turiżmu bħala industrija li tista’ tgħin fl-espansjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-UE u tilħaq l-għanijiet mixtieqa ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona. |
| It-tliet | suġġetti li ntgħażlu għall-Forum Ewropew rigward it-Turiżmu għal din is-sena jkopru oqsma li huma bażiċi biex l-industrija tat-turiżmu tirnexxi u huma għal darba oħra marbuta bis-sħiħ ma’ l-Istrateġija ta’ Lisbona. |
| Is-servizzi | tat-turiżmu u ta’ l-ivvjaġġar jikkontribwixxu direttament b’rata ta’ erba’ fil-mija għall-Prodott Gross Domestiku ta’ l-UE u minnhom jiddependu aktar minn seba’ miljun impjieg fl-UE. Id-dħul ta’ Stati Membri ġodda b’potenzjal turistiku kbir se jżid u jsaħħaħ l-importanza ekonomika tas-settur u l-importanza tiegħu fit-tkabbir Ewropew. Huwa importanti li wieħed jisħaq li biex din l-industrija ta’ qligħ kbir tkompli tirnexxi fl-UE u biex l-Istati Membri l-ġodda jilħqu dawn il-miri, għandu jinħoloq ambjent kummerċjali adattat – ambjent li jsostni lill-intrapriżi, jiżgura flessibilita` u swieq tax-xogħol li jadattaw ruħhom, jinkoraġġixxi l-investiment u jkollu anqas burokrazija. Dawn huma miri li għandhom jiġu mmaniġġati sew fuq livell nazzjonali u jiġu dejjem iżjed inkoraġġiti mill-Kummissjoni ta’ l-UE. Il-Gvern tiegħi ħa dawn l-affarijiet bis-serjeta` fid-Dokument ta’ Qabel il-Budget għall-2006. |
| Qasam | ieħor li jeħtieġ attenzjoni partikolari huwa dak marbut mal-leġislazzjoni proposta fil-qasam tat-turiżmu kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Il-leġislazzjoni proposta għandha tinkoraġġixxi l-kompetittivita` u għandha tkun faċli għall-SME’s (interapriżi ta’ daqs żgħir u medju). Dan jista’ jitkejjel billi wieħed isaqsi din id-domanda – din il-leġislazzjoni sa tagħmel in-negozji nazzjonali u dawk Ewropej, inklużi dawk zgħar u ta’ daqs medju, aktar jew anqas kompetittivi meta mqabbla ma’ sħabhom barra l-UE? Jiena fiduċjuż li l-linji gwida għall-politka ta’ l-UE għat-turiżmu li qed jiġu proposti, li se jiġu inawgurati llum mill-Kummissjoni matul dan il-Forum, se jkunu jogħġbu lin-negozji, mhux se jkunu mtaqqla żżejjed b’leġislazzjoni u jkunu ta’ natura kumplimentari biex jgħinu dejjem iżjed l-industrija Ewropea tat-turiżmu tkun kompetittiva u sostenibbli. |
| Il-Forum | Ewropew tat-Turiżmu huwa avveniment li qed jaqbad ir-rankatura. Huwa l-laqgħa l-aktar importanti tat-turiżmu li fiha l-Gvernijiet Nazzjonali, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha u dawk kollha involuti fit-turiżmu jiltaqgħu u jiddiskutu materji kruċjali marbuta mal-futur ta’ l-industrija Ewropea tat-turiżmu. Nawguralkom ħidma fejjieda fil-jumejn li gejjin. |
| Nixtieq | nagħlaq billi nagħmel paragun bejn wieħed mill-għanijiet dikjarati tal-Gvern tiegħi għall-ħames snin li ġejjin u l-ħidma li għandna quddiemna lkoll fit-tentattiv tagħna biex it-turiżmu fl-Ewropa nagħmluh industrja dejjem aktar dinamika u kompetittiva. Dan il-għan huwa li noħolqu nazzjon li tfittex il-perfezzjoni, nazzjon li ma tkunx sodisfatta b’xi ħaġa li tkun inferjuri għal dak li suppost tkun. Li tfittex il-perfezzjoni tfisser li tgħolli l-istandards ’il fuq minn dawk tal-kompetituri tiegħek u li kontinwament tistinka biex tilħaq livelli dejjem ogħla. Jiena nawgura li lkoll flimkien naħdmu biex niksbu dawn il-livelli fl-industrija Ewropea tat-turiżmu li aħna tant ngħożżu. |
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947