Titjib fil-livell edukattiv huwa titjib fl-abilta` imprenditorjali taghna
“Irridu naraw f’pajjiżna aktar persuni li jkomplu l-istudji tagħhom. Dan, fl-isforz biex pajjiżna jkun kompetittiv ma’ pajjiżi oħra. Hekk jirnexxielu jkollu ekonomija deskritta bħala “knowledge-based economy”, jiġifieri ekonomija li hija magħmula minn operaturi li kapaċi jisfruttaw aħjar l-informazzjoni u t-teknoloġija f’kull qasam tan-negozju u tax-xogħol. Meta jkollna l-istudenti tagħna jħabirku u mgħejjuna biex jiżviluppaw aktar il-ħiliet tagħhom, permezz ta’ kontinwazzjoni ta’ l-istudji tagħhom fl-iskejjel sekondarji, post-sekondarji kif ukoll fl-universita`, f’pajjiżna nkunu qegħdin inkabbru l-kapaċita` kompetittiva ta’ l-attivita` kummerċjali tagħna.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt żjara li ghamel fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-Kullegg ta’ l-MCAST.
Skond statistika li tat informazzjoni rigward il-background edukattiv ta’ sidien ta’ negozji self-employed, u persuni oħra li jaħdmu għal rashom, li f’Settembru 2003 kienu jlaħħqu 21,300, huwa nteressanti li wieħed jinnota li 4,952, jiġifieri 23.2% tas-self employed kollha, kienu temmew biss l-iskola primarja. 11,585 persuna oħra, 54.4% mit-total, daħlu fin-negozju wara li temmew l-iskola sekondarja. Mill-21,300 self-employed, kienu 2,693 persuna, jiġifieri 12.6% li temmew l-iskola post-sekondarja. In-numru ta’ dawk il-persuni li llum huma self-employed u li spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja huwa ta’ 2,070 jew ahjar 9.7%.
“Din l-informazzjoni, minkejja li titratta s-sitwazzjoni kif kienet f’Settembru 2003, għadha indikazzjoni ċara ta’ x’inhi l-abilta` edukattiva tas-self employed tagħna.
“L-isfida tagħna, bħala Gvern, u bħala ekonomija, hija li naraw li jonqos in-numru ta’ dawk li jidħlu fid-dinja tan-negozju u l-kummerċ wara li jkunu attendew biss l-iskola primarja u jiżdied in-numru ta’ dawk li jidħlu fid-dinja tal-kummerċ wara li jkunu komplew l-istudji tagħhom sa livell terzjarju.
“Aktar ma jkollna f’pajjiżna persuni li jidħlu għall-esperjenza tal-kummerċ u n-negozju wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom f’kulleġġi speċjalizzati, bħalma huma l-MCAST u l-Universita`, aktar inkunu kapaċi noħolqu diversifikazzjoni fil-kummerċ eżistenti, u għaldaqstant nkunu qegħdin inkabbru l-attivita` kummerċjali fuq dak li nkunu qegħdin nagħmlu fil-preżent.”
Fil-laqgħa li kellu ma’ l-istudenti, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, qal li huwa l-impenn tas-Segretarjat tiegħu li jara li jwassal dan il-messaġġ lill-istudenti fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji sabiex dawn l-istudenti jagħmlu ħilithom kollha biex ikomplu jiżviluppaw l-abbilita` edukattiva tagħhom għaliex fuq il-kapaċitajiet tagħhom ser ikun mibni s-suċċess ta’ l-attivita` kummerċjali ta’ pajjiżhom. Din il-laqgħa hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat li s-Segretarju Parlamentari qiegħed jagħmel f’diversi kulleġġi ta’ l-MCAST u skejjel oħra. L-Onor. Edwin Vassallo wiegħed ukoll li “ser nara li nkun qrib l-istudenti fil-kulleġġi ta’ l-MCAST li qegħdin fl-aħħar sena tagħhom, biex dawn tingħatalhom l-informazzjoni neċessarja rigward xi jkunu jeħtieġu kemm-il darba jkunu jridu jibdew l-esperjenza tax-xogħol tagħhom fis-settur kummerċjali bħala sidien tan-negozji tagħhom.”
LIVELL | Nu. | % |
Primarju | 4,952 | 23.3 |
Sekondarju | 11,585 | 54.4 |
Post-Sekondarju | 2,693 | 12.6 |
Terzjarju | 2,070 | 9.7 |
Total | 21,300 | 100.0 |
Table 1 . Sors NSO 2003
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947