Diskors mis-S.T. l-Prim Imħallef Onor. Vincent DeGaetano fl-okkażjoni tal-bidu tas-Sena Forensi 2005/6 – Qorti Kriminali, l-Belt Valletta
pr1414
03/10/2005
| Eċċellenza, Onorevoli Segretarju | Parlamentari, Kollegi Imħallfin u Maġistrati, Prim Imħallfin Emeriti u Prim Imħallfin mill-pajjiżi tal-Commonwealth, Sur President tal-Kamra, Sur Deputat Avukat Ġenerali, Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali, Sinjuri: |
| Bħal fil-bidu ta’ kull Sena Forensi, saret illum | tradizzjoni li niskambjaw ftit ħsibijiet dwar dak li jkun għaddej fl-edifizzju tal-Qorti u dwar l-andament ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja in ġenerali. Din l-okkażjoni tal-lum hija opportunita` biex inti, Sur President tal-Kamra, tfisser il-fehmiet tiegħek dwar xi affarijiet li tkun għażilt li titkellem dwarhom – u, bħas-soltu inti u jien skambjajna minn qabel in-notamenti lil xulxin – filwaqt li jien ukoll infisser xi ħsibijiet tiegħi dwar xi aspetti li forsi jkunu jirrikjedu attenzjoni partikolari. |
| Meta kont qed nerġa’ nara | d-diskorsi tiegħi tas-snin preċedenti, innotajt li dawn kważi kollha kienu jibdew b’elenku ta’ problemi, ħafna minnhom endemiċi, fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u l-aktar li normalment jissemmew huma affarijiet li jolqtu direttament lill-ġudikanti – bħan-nuqqas ta’ membri tal-judiciary team ta’ kull ġudikant, nuqqas ta’ Assistenti Ġudizzjarji kif ukoll in-nuqqas ta’ Ġudikanti in ġenerali biex ilaħħqu b’mod effiċjenti – u nenfasizza il-kelma “effiċjenti” – mal-volum ta’ xogħol speċjalment fil-Qrati tal-Maġistrati fil-ġurisdizzjoni kriminali tagħhom. Din is-sena iddeċidejt li nibda billi nsemmi xi aspetti pożittivi li seħħew matul is-sena li għaddiet. |
| L-ewwel li nixtieq ninnota huwa | l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ kważi l-ġudikanti kollha għax-xogħol tagħhom. Minkejja l-volum ta’ xogħol, l-aktar fil-Prim Awla, fil-Qorti tal-Familja, fil-Qorti ta’ l-Appell u fil-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, il-kawżi baqgħu jiġu deċiżi b’ritmu sostenut. Fil-Qorti ta’ l-Appell Ċivili, Sede Superjuri, is-sistema illum indrat li wara li appell jiġi appuntat, anke jekk idum biex jiġi appuntat, dan jinstema’ f’seduta waħda (eċċezzjonalment tnejn), u l-appell jibqa’ għas-sentenza. Veru li mhux dejjem il-Qorti setgħet tlaħħaq ma’ l-iskadenzi kollha għall-għoti tad-diversi sentenzi – u dan hu aktar hekk fl-Ewwel Sezzjoni ta’ din il-Qorti, fejn jien u ż-żewġ imħallfin f’din is-Sezzjoni, noqogħdu wkoll f’diversi Qrati oħra. F’dan ir-rigward it-Tieni Sezzjoni għandha rekord aktar tajjeb mill-Ewwel Sezzjoni. Pero` xorta nista’ ngħid li anke fl-Ewwel Sezzjoni r-ritmu huwa sostenut, u ċertament f’dawn l-aħħar snin irnexxilna f’din il-Qorti nevitaw is-sitwazzjoni, li kienet tweġġagħni ħafna meta kont avukat, fejn il-partijiet fl-appell, u anke l-avukati, ikollhom jidhru diversi drabi quddiem il-Qorti u daqqa għal raġuni u daqqa għal raġuni oħra, ma jsir xejn. Illum jekk il-Qorti ma tkunx tista’ tlaħħaq mat-target date għas-sentenza, jinħareġ avviż jumejn jew tlett ijiem qabel biex hekk anke jiġi evitat li l-partijiet u l-avukati joqgħodu jiġu għal xejn il-Qorti. Fil-Qorti ta’ l-Appell Ċivili, Sede Inferjuri, imbagħad, nista’ ngħid li l-prestazzjoni kienet aħjar, għal dak li jirrigwarda l-għoti tas-sentenzi fid-data li tkun ġiet stabbilita, minn dik ta’ l-istess Qorti fil-kompetenza superjuri tagħha. |
| Wieħed, pero`, ma jridx jinsa li | meta għandek Qorti Kolleġjali, is-sentenza mhux biss trid tinkiteb minn wieħed mill-Imħallfin komponenti dik il-qorti, iżda, u aktar importanti, irid ikun hemm diskussjoni, anke jekk biss preliminari, bejn l-imħallfin qabel ma din tibda tinkiteb, u jrid ikun hemm il-qbil taż-żewġ imħallfin l-oħra wara li din tinkiteb; u anke fejn ikun hemm qbil f’dak li hu l-eżitu finali ta’ sentenza, dawn is-sentenzi spiss ikunu suġġetti għal diversi diskussjonijiet dwar tibdiliet fil-kontenut tagħhom li kull wieħed miż-żewġ Imħallfin l-oħra għandu d-dritt li jissuġġerixxi qabel ma s-sentenza tiġi pubblikata – wara kollox dan huwa l-iskop kollu li jkun hemm Qorti Kolleġjali. |
| Fil-Qorti Kostituzzjonali, | imbagħad, is-sitwazzjoni nikkunsidraha bħala li hija stabbli: fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u l-ġimgħa l-oħra ġew deċiżi minn din il-Qorti 32 kawża, waħda marret deżerta u ħamsa marru sine die, u bħalissa hemm 34 kawża pendenti li pero` 17 minnhom huma differiti għas-sentenza (kważi kollha skedati għax-xahrejn li ġejjin). Is-17 l-oħra huma kollha appuntati għat-trattazzjoni, u dawn l-appelli daħlu jew fil-feriat jew ftit qabel il-feriat u kellhom jiġu spazjati, bi qbil mal-partijiet, proprju biex kemm jista’ jkun ma jinħoloqx bottle neck f’din il-Qorti. |
| Kwantu għall-Qorti Kriminali, hemm | bħalissa pendenti 31 kawża – mhux kollha neċessarjament biex jinstemgħu minn ġurija għax f’xi wħud minnhom l-akkużati eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu ġudikati mill-Imħallef mingħajr ġurija. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix l-isforzi u l-impenn ta’ l-Imħallef ordinarjament sedenti f’din il-Qorti mhux biss biex jiskeda l-ġurijiet għas-smiegħ bl-aktar mod effiċjenti, iżda wkoll biex jiskedhom b’tali mod li jiġu ffrankati spejjeż inutili in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri billi, per eżempju, fejn jista’ jkun jiġi evitat li ġuri jidħol fit-tieni ġimgħa tiegħu b’mod li l-ġurati jinżammu sekwestrati matul tmiem -il ġimgħa. Forsi b’dan l-impenn tiegħu huwa ma tantx irrenda ruħu popolari ma’ l-avukati u ma xi wħud mill-impjegati tal-Qorti, iżda jiena pubblikament nixtieq inroddlu ħajr għax wara kollox huwa d-dover ta’ kull ġudikant li ma jinkorrix fi spejjeż inutili għall-erarju pubbliku. |
| Fil-Qorti ta’ l-Appell Kriminali | s-sitwazzjoni hija stabbli u taħt kontroll. Fil-kompetenza inferjuri tagħha – fejn allura x-xogħol jinqasam bejn tliet imħallfin, li, pero`, ilkoll joqogħdu fi qrati oħra wkoll – hemm bħalissa 169 appell pendenti. Mill-bidu ta’ din is-sena sal-lum daħlu 259 appell u ġew deċiżi 237. Fil-Qorti ta’ l-Appell Kriminali Superjuri hemm bħalissa 25 appell pendenti, bi ftit anqas min-nofshom jinsabu differiti għas-sentenza. Ħamsa u għoxrin jista’ jidher numru żgħir, kważi redikolu, ikkomparat man-numru ta’ kawżi fi Qrati oħra, iżda kif żgur li tapprezzaw, dawn l-appelli, speċjalment meta l-appell ikun mis-sejbien ta’ ħtija u allura fuq il-fatti, jirrikjedi li l-Qorti terġa’ teżamina bl-attenzjoni meħtieġa l-provi kollha, u dawn fil-maġġoranza tal-każijiet ikunu ferm voluminużi. |
| Spiss smajna kritika li hemm | problema fil-Prim Awla – u mal-Prim Awla jiena ninkludi l-Qorti ta’ Għawdex fil-kompetenza Superjuri tagħha – minħabba backlog u minħabba tqassim ħażin tal-kawżi. Nerġa’ ntenni li l-problema vera f’din il-Qorti – li hija, wara kollox, forsi l-aktar qorti importanti għax hija l-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Ordinarja – ma hijiex dik ta’ tqassim tax-xogħol (għalkemm xi aġġustamenti marġinali f’dan ir-rigward jistgħu jsiru) iżda li qabel ma jiġi eliminat il-backlog -- (cioe` dawk il-kawżi li ilhom aktar minn tliet snin pendenti – u li ħafna minnhom jinsabu quddiem l-imħallef attwali mhux għax bdew quddiemu iżda għax ġejjin bħala wirt ta’ xi imħallef li llum huwa irtirat) – qabel ma jiġi eliminat dan il-backlog wieħed ma jistax jibda jaddotta metodi ġodda ta’ proċedura intiżi biex jimminimizzaw iż-żmien bejn il-preżentata taċ-ċitazzjoni jew tar-rikors u l-eżitu tal-kawża fi prim istanza. |
| Kif tajjeb osservajt inti, Sur | President, il-Kamra u l-Ġudikatura bħalissa qed nesploraw il-possibilita` ta’ sistema kemm jista’ jkun aktar uniformi kif din il-Qorti tipproċedi, u mhux kif qed jiġri bħalissa, li l-proċedura f’kawża partikolari tiddependi skond quddiem liema Imħallef iċ-ċitazzjoni f’dik il-kawża tmur. Nittama, in fatti, li sa tmiem din is-sena kalendarja l-Bord tar-Regoli mwaqqaf taħt il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ikun leħaq fassal u ssottometta regoli għall-approvazzjoni ta’ l-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta li joħolqu aktar uniformita` f’dak li huwa smiegħ qabel is-seduti u smiegħ waqt is-seduti jew, kif aktar komunement nafuhom fil-verżjoni Ingliża, il-pre-trial hearings u t-trial hearings. |
| Wieħed ukoll m’għandux jinsa – u | dana diġa` semmejtu inti, sur President – li matul is-sena li għaddiet Imħallef ġie trasferit mill-Prim Awla għall-Qorti tal-Familja minħabba n-numru ta’ kawżi u, aktar, in-numru ta’ rikorsi li qed jidħlu f’dik il-Qorti, b’mod għalhekk li issa l-Prim Awla għandha biss seba’ imħallfin. Fl-istess waqt, għalkemm ir-rata li biha l-Prima Awla qed tiddisponi mill-kawżi baqgħet waħda sostenuta u anzi żdiedet marġinalment, meta mqabbla mas-sena l-oħra, ma jistax ma jiġix innutat li din is-sena biss in-numri ta’ kawżi ġodda f’din il-Qorti żdiedu – filwaqt li sa l-20 ta’ Settembru tas-sena l-oħra kienu daħlu 703 kawża ġdida, din is-sena sa l-istess data kienu diġa` daħlu 883 – ċifri, dawn, li ma tantx jindikaw li t-tariffi qed ikollhom xi effett drastiku għal dik li hi riduzzjoni fin-numru ta’ kawżi, għall-anqas f’din il-Qorti. Inoltre minn Awissu ta’ din is-sena, il-kawżi kollha ta’ żgumbrament ser jibdew jinstemgħu mill-Prim Awla indipendentement mill-valur in kontestazzjoni. Ser nibqgħu ngħidu, għalhekk, li ma hemmx bżonn ta’ żieda fin-numru ta’ ġudikanti? |
| Naturalment wieħed jista’ jkompli, | kif donnha kienet it-tendenza sa issa, li noqogħdu noħolqu tribunali u istituzzjonijiet biex xi kawżi jigu straditi għal ġo fihom. Dan, fil-fehma tiegħi, joħloq il-perikolu serju, li inti aċċennajt indirettament għalih, li tinbena sistema ta’ ġustizzja parallela għal dik tal-Qrati Ordinarji, sistema li għalkemm, jekk wieħed jillimita ruħu għaċ-ċifri, tkun turi kemm inqatgħu kawżi, ma tkunx tagħti lill-partijiet dawk il-garanziji kollha li Maġistrati u Imħallfin biss, maħtura skond il-Kostituzzjoni, jistgħu jagħtuhom. Biex ma niġix fra intiż, m’inix qed ngħid li ma għandux ikun hemm forom ta’ alternative dispute resolution, jew li ma hemmx lok għall-medjazzjoni jew għall-arbitraġġ – diġa` kelli l-okkażjoni, f’diskorsi preċedenti, li nfisser kemm dawn huma importanti u kemm jistgħu, jekk utilizzati sew, bi prudenza u bil-għaqal, u jekk ikollhom l-infrastuttura meħtieġa, inaqqsu mill-kawżi kontestati li jispiċċaw quddiem il-Qrati tagħna. Jien konvint, pero`, li kieku flok niffokaw kważi esklussivament fuq li noħolqu strutturi u tribunali oħra – li wara kollox jiswew il-belli liri wkoll – nagħmlu dak li kont issuġġerejt sentejn ilu u cioe` li ninvestu b’mod kuraġġuz u radikali fl-istrutturi tal-Qrati Ordinarji, il-“klijent” jista’ jkollu dejjem servizz aktar effiċjenti mingħajr pero` ma nnaqqsu xejn mill-garanziji ta’ imparzjalita`, indipendenza u professjonalita` li l-istess klijent huwa wkoll intitolat għalihom. |
| Wara kollox hija ħaġa faċli li | wieħed joħloq struttura ġdida u jgħid kemm din – li allura tkun qed tibda mingħajr il-mazzra ta’ backlog – qed taqta’ kawżi f’temp rekord ta’ tliet xhur, xahrejn jew anke anqas, u jqabbilha mal-Qrati Ordinarji li ħafna minnhom iridu jkaxkru warajhom backlog li ħafna drabi jkun maħluq minn ċirkostanzi li l-ġudikant ma jkollux, u qatt ma kellu, kontroll fuqhom. Fejn hemm xi ġudikanti li, għal raġuni jew oħra, għalkemm qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom, mhux qed ilaħħqu max-xogħol, dawn għandhom bżonn ta’ għajnuna u mhux, kif donnu ġie suġġerit aktar kmieni din is-sena fil-White Paper dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li noqogħdu nippuntaw subgħajna lejhom biex inġibuhom għall-attenzjoni ta’ kulħadd, bħallikieku qed jonqsu deliberatament jew minħabba negliġenza jew traskuraġni fix-xogħol. |
| F’pajjiżi oħra – nieħu l-eżempju | ta’ l-Olanda – jeżistu “response teams” ta’ ġudikanti li, meta xi qorti, għal raġuni valida, ma tkunx tista’ tlaħħaq max-xogħol tagħha, jintervjenu biex jassistu lil dik il-Qorti għal perjodu determinat biex it-termini jiġu rispettati u ma jinħoloqx backlog. Ġieli niltaqa’ ma’ nies li jgħiduli li huma konvinti li dak il-ġudikant jew dak il-ġudikant l-ieħor jistgħu, kieku jridu, jiddeċiedu l-kawżi tagħhom b’aktar speditezza. Jekk dawn huma daqshekk konvinti li s-soluzzjoni hija daqstant faċli, nissuġġerixxi li joffru li jservu, imqar fuq bażi part-time, bħala Assistenzi Ġudizzjarji imbagħad naraw kemm, bil-kontribuzzjoni tagħhom, il-kawżi jkunu jistgħu jinqatgħu aktar malajr. Wara kollox m’għandnix ninsew li Malta għandha waħda mill-aktar rati baxxi f’dik li hija l-proporzjon (ratio) bejn il-ġudikanti u l-popolazzjoni. Minn ċifri li ksibt minn diversi ambaxxati f’Malta kif ukoll mill-President tal-Qorti Suprema ta’ Ċipru, jirriżulta, per eżempju, li fil-Ġermanja hemm Imħallef (u qed nuża t-terminu “imħallef” biex ninkludi Maġistrati wkoll, u dejjem b’referenza għal persuni li għandhom kariga full time biex jiddeċiedu l-kawżi bil-garanziji kostituzzjonali kollha) għal kull 4,000 persuna; fl-Awstrija, Imħallef għal kull 4,800 persuna; fl-Italja, Imħallef għal kull 9,000 persuna; Spanja, Imħallef għal kull 10,100 persuna. |
| F’Malta l-proporzjon hija ta’ Imħallef | għal kull 12,200. Biex wieħed iqabbel ma’ pajjiż, relattivament żgħir bħalna, gżira bħalna, u li bħalna jaspira li dejjem itejjeb il-kummerċ u l-investiment barrani u li allura jkun effiċjenti anke fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja – qed nirreferi għal Ċipru, fejn hemm total ta’ 96 Imħallef, u s’intendi, b’esklużjoni tal-parti taħt okkupazzjoni Torka – il-proporzjon hi ta’ Imħallef għal kull 7,500 persuna. Sempliċi kalkolu matematiku jurina li biex ikollna almenu l-proporzjon ossia ratio li hemm f’Ċipru, irid ikollna bejn 52 u 53 Imħallef. Pero` hemm minn hu kuntent jibqa’ jikkontendi li t-33 Imħallef u Maġistrat f’Malta – ovvjament qed neskludi hawnhekk lill-Imħallef Agius u lill-Maġistrat Peralta li t-tnejn iservu barra minn Malta – huwa numru adegwat għas-sitwazzjoni lokali. Ma’ min jibqa’ jinsisti fuq dan l-argument ibbażat fuq il-kunċett arbitrarju tal-“full complement”, jiena m’inix bi ħsiebni li noqgħod nargumenta aktar u naħli ż-żmien. |
| Biex nirritorna għad-diversi qrati, | il-Qorti tal-Maġistrati fil-kompetenza ċivili tagħha wkoll kellha din is-sena prestazzjoni tajba, għalkemm jiena konvint li bi ftit sforz din il-prestazzjoni tista’ tkun ferm aħjar. Il-kawżi f’din il-Qorti jiġu fil-maġġoranza tagħhom appuntati kollha bil-ħin, u l-iter tal-kawża skedat b’mod li l-partijiet ikun jafu bil-quddiem bejn wieħed u ieħor meta ser jingħalaq is-smiegħ tal-provi. Hija pjuttost fil-kompetenza kriminali tagħha li din il-Qorti għandha bżonn li tiġi eżaminata aktar mill-qrib. |
| Hawnhekk ukoll huwa doveruż li | nibda billi nirrimarka li l-volum ta’ xogħol f’din il-Qorti huwa tali li ġudikant, anke jekk iżomm seduti mit-Tnejn sal-Ġimgħa (kif ħafna mill-Maġistrati jagħmlu), dan sempliċement ma jistax jagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-kawżi għall-finijiet ta’ case management tajjeb. B’konsegwenza ta’ dan qed naraw ċerti kawżi kriminali li suppost li huma “sommarji” idumu x-xhur jekk mhux is-snin. In-nuqqasijiet ta’ l-uffiċjali tal-pulizija li jipprosegwixxu dawn il-kawżi, u n-nuqqas ta’ ko-ordinament bejnhom u bejn l-impjegati tal-Qorti, ċertament jikkontribwixxi wkoll għal dan id-dewmien. Hekk, per eżempju, meta l-Qorti tordna li xhud jew l-imputat jinġieb il-Qorti taħt arrest u l-Pulizija ripetutament tonqos milli teżegwixxi dan l-ordni, mhux biss ikun qed jintefa’ dell ikrah fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għax din tiġi tidher impotenti, iżda kwalsiasi tentattiv serju ta’ management ta’ kawża jew addirittura ta’ seduta sħiħa jiġi vanifikat. Hemm bżonn in partikolari li jkun hemm aktar ko-ordinament bejn il-Qorti, l-uffiċjali tal-Pulizija u l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali – uffiċċju li napprezza li għandu nuqqas kbir ta’ staff – f’dawk li huma kumpilazzjonijiet: huwa inaċċettabbli li kumpilazzjoni ddum tkarkar ix-xhur sakemm timmatura fis-sens li jinġabru l-provi kollha. |
| Forsi wasal iż-żmien li wieħed | jeżamina sew, u jekk hemm bżonn jirrevedi kompletament, il-proċedura tal-kumpilazzjoni, fejn, kif inhi llum, xi mindaqqiet il-provi li jkunu nstemgħu fil-kors ta’ l-inkjesta dwar l-in genere jerġgħu jinstemgħu għat-tieni darba fil-kumpilazzjoni, biex imbagħad wara għat-tielet darba jinstemgħu fil-ġuri quddiem il-Qorti Kriminali. Proprju minħabba x-xogħol strettament ġudizzjarju li kull Maġistrat għandu, ix-xogħol kważi-ġudizzjarju konness ma’ l-inkjesti dwar l-in genere, qiegħed, f’ħafna każijiet, isir sempliċi formalita`, bl-użu dejjem jiżdied ta’ esperti jew periti li, fil-fehma tiegħi, spiss qed jiġu nominati jekk mhux kontra d-disposizzjoni espressa tal-liġi, għall-anqas praeter legem. Din hija sitwazzjoni li qed toħloq ukoll pressjoni enormi fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Qorti, sitwazzjoni li għandha tiġi indirizzata llum qabel għada. Il-perċezzjoni pubblika hi li l-Qorti tixrob biss il-flus u ma tiġġenera xejn. Din hi perċezzjoni żbaljata. |
| Bis-saħħa ta’ l-isforzi li saru | min-naħa ta’ l-Amministrazzjoni tal-Qorti u bil-kooperazzjoni ta’ ħafna ġudikanti biex il-ġbir tal-multi jiġi regolarizzat u jinġabru ħafna mill-arretrati dovuti, is-sena l-oħra id-Dipartiment tal-Qorti ġġenera bħala revenue (f’multi u drittijiet) ftit anqas minn 2,500,000 lira. Fl-istess sena, pero`, naraw li 272,662 lira marru fi spejjeż peritali – kważi ħdax fil-mija tad-dħul – u mill-ewwel ta’ din is-sena sa l-aħħar ta’ Awissu tas-sena li qegħdin fiha diġa` ntefqu f’dawn l-ispejjeż peritali fil-kamp penali 266,418-il lira. Fil-fehma tiegħi dawn huma ċifri inaċċettabbli. Jiena konvint li qed ikun hemm ħafna każijiet fejn esperti qed jiġu mqabbda mingħajr ma jkun hemm verament ħtieġa għalihom, filwaqt li esperti oħrajn qed jiġu nominati mingħajr ma l-ġudikant jiddefinilhom b’mod ċar il-parametri ta’ l-inkarigu tagħhom, b’mod li dawn qed jispiċċaw jagħmlu aktar minn dak li hemm bżonn, u ovvjament jitħallsu tiegħu. Dawn l-ispejjeż huma aktar inaċċettabbli fil-fehma tiegħi meta wieħed jikkonsidra li d-Dipartiment tal-Qorti ma jidhirx li għandu vot allokat biex iħallas għas-servizzi ta’ l-Aġenzija Appoġġ fil-Qorti tal-Familja u f’dawk il-qrati l-oħra fejn is-servizzi ta’ din l-aġenzija jistgħu jkunu meħtieġa minn żmien għal żmien. Hemm bżonn li anke fil-kawżi hekk imsejħa “tad-distrett” dawn jibdew jiġu spazjati bil-ħin, u mhux kollha jibqgħu jiġu appuntati għad-disgħa bir-riżultat li l-partijiet u x-xhieda kollha involuti jispiċċaw jinballaw il-kuriduri ta’ l-edifizzju tal-Qorti mid-disgħa ‘l quddiem biex ħafna minnhom ma jissejħux qabel l-għaxra u nofs, il-ħdax jew anke wara. Anqas ma jiena sodisfatt – u hawnhekk naf li s-sinjuri Maġistrati ma jaqblux miegħi fuq dan il-punt – bil-mod kif qed jinħadem ir-roster ta’ l-għassa, bil-Maġistrat jinbidel kull erbgħa u għoxrin siegħa. |
| Dan jista’ jġib sitwazzjoni – u | jien konvint li dan qed jiġri – li Spettur jew Supretendent jista’ joqgħod jagħżel quddiem min imur għall-finijiet ta’ affarijiet li ma jkunux daqstant urġenti li jkunu jirrikjedu azzjoni immedjata, bħal, per eżempju l-ħruġ ta’ ċerti mandati ta’ perkwiżizzjoni. Naħseb ukoll li wasal iż-żmien li meta jsir rapport jew denunzja għall-finijiet ta’ inkjesta dwar l-in genere mhux minn uffiċjal tal-Pulizija Eżekuttiva iżda minn xi ħadd ieħor, għandu jkun hemm sistema fejn dak ir-rapport jew dik id-denunzja ma jeħux konjizzjoni tagħha l-Maġistrat ta’ l-Għassa, iżda tingħata lil Maġistrat ieħor proprju biex jiġi evitat li dak li jkun ikun jista’ jagħżel hu l-Maġistrat għall-finijiet ta’ dak ir-rapport jew ta’ dik id-denunzja. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-Qorti tal-Maġistrati fil-kompetenza kriminali tagħha, jidher li ftit li xejn sar progress matul is-sena li għaddiet biex tiġi eliminata l-malprassi li xhud, flok ma jigi kontro-eżaminat minnufih wara li jkun iddepona, dan il-kontro-eżami jiġi differit għal udjenza oħra, bil-konsegwenti kumplikazzjonijiet, inkonvenjnet u dewmien. |
| U dan iġibni għall-Qorti | tal-Familja. F’din il-Qorti – illum b’żewġ imħallfin – il-karatteristika prinċipali hija kif minn kawża waħda jinbtu numru esaġerat ta’ rikorsi li l-parti l-kbira tagħhom ikunu jirrikjedu attenzjoni daqs, jekk mhux aktar, mill-meritu tal-kawża stess. Jiena diġa` pubblikament esprimejt il-fehma tiegħi li ż-żewġ Imħallfin f’din il-Qorti qed jiġu mistennija jagħmlu l-mirakli. Ippermettuli l-ewwel nett nagħti ftit ċifri li ġew provduti lili mir-Reġistratur responsabbli minn din il-Qorti. Is-sena l-oħra f’din il-Qorti ġew preżentati 1031 ittra lir-Reġistratur biex jinbeda l-proċess ta’ medjazzjoni qabel ma wieħed jipproċedi fil-kontenzjuż. |
| Dawn, s’intendi, ma kinux | neċessarjament proċeduri li eventwalment iwasslu għal kawża ta’ separazzjoni, iżda jkunu jinvolvu anke kwistjonijiet ta’ sempliċi kustodja u manteniment, jew ta’ bdil ta’ arranġamenti eżistenti ta’ kustodja u manteniment. Minn dawn l-1031 ittra, f’104 każi minnhom intlaħaq ftehim bonarju (li in segwitu ġie approvat mill-Qorti). Is-sena l-oħra f’37 każ biss kien hemm rikonċiljazzjoni – rata pjuttost inkwetanti, għax baxxa, ta’ 3.5%. Sal-15 ta’ Settembru ta’ din is-sena (2005), kienu daħlu 592 minn dawn l-ittri, kien hemm 149 każ li spiċċa bi ftehim bonarju, u jidher li r-rata ta’ rikonċiljazzjoni żdiedet għax minnhom kien hemm 78 każ ta’ rikonċiljazzjoni – rata, għall-anqas sa issa, ta’ 13%. L-ewwel mistoqsija li wieħed irid jagħmel hija, il-proċedura tal-medjazzjoni f’din il-Qorti qed tilħaq l-iskop tagħha? Sfortunatament wieħed ma jistax iqabbel dawn iċ-ċifri ma’ ċifri taħt is-sistema l-antika tas-Sekond Awla għas-sempliċi raġuni li statistika li wieħed jista’ joqgħod fuqha tas-Sekond Awla ma teżistix. |
| Ma hemmx dubju li l-proċedura ta’ | medjazzjoni f’din il-Qorti għandha rwol importanti, pero` issa li għandna l-esperjenza ta’ ftit aktar minn sena u nofs, wieħed irid jibda jara jekk hemmx lok għal tibdiliet fit-terms of reference li għandhom ikollhom il-medjaturi f’din il-Qorti. Kif tajjeb osservajt inti, sur President, dawn il-medjaturi għandu jkollhom Kodiċi ta’ Etika – hija sitwazzjoni ftit anomala li filwaqt li operaturi oħra fil-qasam tal-ġustizzja – avukati, prokuraturi legali, imħallfin u maġistrati – għandhom kodiċi simili biex jiggwidhom, dawn il-medjaturi (mhux biss fil-Qorti tal-Familja iżda anke b’mod ġenerali) għad ma għandhomx tali kodiċi (u bl-istess mod ma għandhomx il-Ġudikaturi fit-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar u l-Kummissarji tal-Ġustizzja). |
| Wieħed għandu jikkunsidra wkoll | serjament x’rwol jista’ jkollha l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fir-rigward tal-medjaturi. Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċifri li għadni kif semmejt wieħed ma jridx jinsa li mhux neċessarjament l-ittri kollha li ma jispiċċawx bi ftehim bonarju jew b’rikonċiljazzjoni jispiċċaw f’kawża fil-kontenzjuż – f’numru ta’ każijiet, għalkemm il-Qorti tawtorizza li jinbdew il-proċeduri fil-kontenzjuż, dawn, għal raġuni jew oħra, jibqgħu ma jinbdewx. Pero` aktar inkwetanti fil-fehma tiegħi mir-rata baxxa sa issa ta’ rikonċiljazzjoni quddiem il-medjaturi, huwa n-numru ta’ rikorsi f’din il-Qorti. Is-sena l-oħra, daħlu 1733 rikors li minnhom 344 kienu rikorsi waqt il-proċess tal-medjazzjoni filwaqt li 1230 minnhom kienu rikorsi fil-kors ta’ ċitazzjonijiet pendenti. Din is-sena, sal-15 ta’ Settembru, kienu daħlu 1385 rikors, li minnhom 351 kienu rikorsi waqt il-proċess ta’ medjazzjoni u 916 rikorsi fil-kors ta’ ċitazzjonijiet pendenti. |
| Il-konklużjoni hija ovvja: | l-Imħallef jew Imħallfin f’din il-Qorti flok ma jiddedikaw il-parti l-kbira tal-ħin tagħhom biex jisimgħu l-kawżi ta’ separazzjoni jew ta’ annullament (u dawk, relattivament anqas fin-numru, li jkunu dwar manteniment biss jew dwar kustodja biss) qed ikollhom neċessarjament jiddedikaw il-parti l-kbira tal-ħin tagħhom jikkunsidraw, jisimgħu u jiddeċiedu dawn ir-rikorsi, li xi wħud minnhom, kif diġa` għidt, ikunu delikati daqs, jekk mhux aktar minn, il-meritu tal-kawża. Il-problema f’din il-Qorti hi li aktar ma ddum il-kawża ta’ separazzjoni biex tinqata` definittivament, aktar il-partijiet jieħdu attitudini ta’ konfront fir-rigward ta’ xulxin, u tali attitudini tiġġenera aktar problemi li jkunu jirrikjedu l-intervent tal-Qorti. Ir-regoli ta’ proċedura ta’ din il-Qorti ċertament ma jgħinux biex il-kawża ta’ separazzjoni tiġi terminata fi żmien qasir – diġa` kelli l-okkażjoni bħal-lum sena nosserva li ma tantx jagħmel sens li kawża ta’ separazzjoni tinstema’ prattikament bl-affidavit u bil-ġbir tal-provi quddiem Assistent Ġudizzjarju, bis-smiegħ quddiem l-Imħallef limitat għat-trattazzjoni ta’ l-Avukati, u dan għas-sempliċi raġuni li b’tali proċedura min mill-partijiet irid itawwal il-proċeduri qed ikollu xalata. Jien diġa` kelli okkażjoni nagħmel is-suġġerimenti tiegħi lilek, Onorevoli Segretarju Parlamentari, dwar tibdiliet li jidhirli li huma meħtieġa fir-regolamenti viġenti, kif ukoll is-suġġeriment dwar il-possibilita` li wieħed jissepara il-lat purament personali ta’ kawża ta’ separazzjoni – jiġifieri d-dikjarazzjoni tas-separazzjoni, bid-determinazzjoni tal-ħtija u l-konsegwenzi l-oħra inkluża t-terminazzjoni tal-komunjoni ta’ l-akkwisti, il-kura u l-kustodja tal-minuri, id-determinazzjoni tal-manteniment u min għandu jibqa’ jirrisjedi fid-dar matrimonjali – mill-aspett aktar partimonjali ta’ l-istess kawża, u cioe` il-likwidazzjoni tal-komunjoni u aspetti oħra patrimonjali. |
| Bħal-lum sena kont fissirt | il-preokkupazzjoni tiegħi dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-funzjonijiet u s-setgħat tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti, u kif b’dawn ir-regolamenti jista’ jkun hemm indħil mill-Eżekuttiv fix-xogħol tal-Ġudikatura. Matul is-sena li għaddiet kelli l-okkażjoni li niltaqa’ miegħek, Onorevoli Segretarju Parlamentari, u qbilna fil-prinċipju dwar ċerti emendi li huma indikati biex jiġi assigurat li tali indħil ma jkunx jista’ jseħħ, ikun min ikun id-Direttur Ġenerali jew il-Ministru tiegħu. Pero`, apparti dan, huwa pjaċir tiegħi nirreġistra pubblikament li f’dawn l-aħħar xhur ir-relazzjonijiet bejn l-Amministrazzjoni tal-Qorti, immexxija mis-sur Vanni Galea, u l-Ġudikatura tjiebu konsiderevolment, u ma nistax ma nattribwix dan għal fatt li s-Sur Galea ġab miegħu attitudini kompletament ġdida għal dak li huwa l-mod kif l-Amministrazzjoni għandha tirrelata mal-Ġudikatura. |
| Naf li s-Sur Galea u l-assistenti | prinċipali tiegħu, minkejja n-nuqqas ta’ impjegati li għad hawn fil-Qorti – ħaġa li naf li inti, Onor. Segretarju Parlamentari, m’għandekx kontroll fuqha – jagħmlu minn kollox biex jippruvaw jipprovdu dak li hu meħtieġ lill-Ġudikanti biex iwettqu x-xogħol tagħhom li jagħmlu ġustizzja bejn il-partijiet jew bejn l-Istat u l-akkużat; u l-ftehim informali li ntlaħaq bejnietna, u li nittama li ma jdumx ma jsib postu fir-regolamenti, hu li l-Amministrazzjoni ma tieħu ebda deċiżjoni li b’xi mod tkun tirrigwarda, anke jekk b’mod indirett, l-operat tal-Ġudikatura mingħajr ma jkun hemm għall-anqas il-qbil tal-Prim Imħallef. |
| Matul is-sena li għaddiet kompliet | ukoll il-ħidma tal-Judicial Studies Committee bil-għan li l-ġudikanti jkomplu jaġġornaw ruħhom u jkunu esposti għal idejat u kuntatti ma’ ġudikanti anke barra minn Malta. Kemm permezz ta’ kuntatti li għamel il-President tal-JSC, l-Imħallef Joseph David Camilleri, kif ukoll permezz ta’ kuntatti li rnexxieli nistabilixxi jien, kważi l-Imħallfin u l-Maġistrati kollha s-sena li għaddiet attendew xi seminarju jew konferenza barra minn Malta konnessa max-xogħol tagħhom. Ħafna minn dawn il-konferenzi u seminarji kienu finanzjati, kompletament jew in parti, minn barra minn Malta – fejn ma kienx hemm tali finanzjament, il-parteċipazzjoni tal-ġudikant kienet possibbli grazzi għad-deċiżjoni meħuda mill-Ministru s-sena l-oħra li jkun hemm vot żgħir, amministrat minni, kemm għal dak li hu safar kif ukoll vot, ftit iżgħar, għall-JSC u amministrat mill-istess kumitat. |
| Nittama li għas-sena d-dieħla dawn | il-voti jekk ma jiżdidux għall-anqas ma jonqsux. Il-JSC organizzat ukoll diversi attivitajiet f’Malta, fosthom il-konferenza f’Ottubru li għadda dwar il-Ligi ta’ l-Unjoni Ewropea bil-għajnuna tal-Kummissarjat Għoli Ingliż f’Malta u tal-Lord Slynn of Hedley European Law Foundation, u bil-kollaborazzjoni tal-Kamra ta’ l-Avukati. Fl-14 u l-15 ta’ Jannar ta’ din is-sena ġie organizzat workshop ta’ jumejn, ukoll bl-għajnuna tal-Kummissarjat Għoli Ingliż, dwar l-ex tempore judgments, li kien immexxi mill-Imħallef William Rose. |
| Fid-19 ta’ April ġie organizzat | seminarju fl-okkażjoni taż-żjara f’Malta ta’ aktar minn sittin research assistants addetti mal-Qorti Federali Kostituzzjonali tal-Ġermanja, fuq it-tema ta’ riformi għal ġustizzja aħjar u eħfef. U f’Lulju ġie organizzat seminarju ieħor ta’ jumejn, bil-għajnuna tal-European Commission’s Technical Assistance Information Exchange Instrument dwar diversi aspetti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea. Ninsab infurmat mill-Imħallef Camilleri li fis-sena forensi li ġejja il-JSC ser tkun involuta fl-implimentazzjoni ta’ hekk imsejjaħ Twinning Light Contract bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Gvern Federali tal-Ġermanja, rappreżentat mill-German Foundation for International Legal Co-Operation, li wieħed mill-iskopijiet tiegħu hu li jsaħħaħ il-JSC fir-rwol tagħha li tipprovdi għal aktar taħriġ u aġġornament għall-ġudikanti kif ukoll għal aktar ko-operazzjoni internazzjonali. |
| It-tama tiegħi – u jien konvint li | f’dan ir-rigward jissieħbu miegħi l-Imħallfin u l-Maġistrati kollha – hi li għas-sena d-dieħla nkomplu naħdmu flimkien magħkom, sinjuri avukati u prokuraturi legali, u miegħek, Onorevoli Segretarju Parlamentari sabiex, minkejja d-diffikultajiet kollha, u anke minkejja n-nuqqas ta’ qbil li jista’ jiġi reġistrat bejnietna fuq xi ħaġa jew oħra, nippruvaw nipprovdu servizz dejjem aħjar minn kull aspett mingħajr, pero`, ma nagħmlu kompromessi f’dak li huwa fondamentali għall-integrita` u l-indipendenza tal-Ġudikatura mwaqqfa skond il-Kostituzzjoni. |
Grazzi.
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947