Left arrow Mur Lura

ERBA’ OFFERTI MINN INVESTITURI INTERESSATI FIT-TĦADDIM TAL-PARK AND RIDE

pr1348
Date Icon 22/09/2005
L-Awtoritàdwar it-Trasport ta’ Malta irċeviet erba’ offerti mingħand investituri privati interessati li joperaw il-Park and Ride għall-Belt Valletta u l-Floriana sal-ħin li għalaq iż-żmien għat-tfiegħ tat-tenders għal dan il-proġett.
Il-Gvernhuwa sodisfatt li din is-sejħa iġġenerat interess sostanzjali minn investituri lokali, speċjalement meta jitqies li dan il-proġett kien il-mira ta’ kritika li ħafna drabi kienet ibbażata fuq ineżattezzi jew saħansitra idejat għall-kollox żbaljati.
F’danl-istadju ta’ min jikkoreġi stqarrijiet maħruġa fl-aħħar jiem mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Union Ħaddiema Magħqudin, li fihom jidher li kien hemm konfużjoni dwar x’inhuma l-Proġett tal-Park and Ride u l-Iskema ta’ Aċċess Kontrollat Aħjar għall-Belt Valletta.
Il-Proġetttal-Park and Ride, jiġifieri l-ftuħ ta’ post għall-parkeġġ ġdid għal 950 vettura fil-Blata l-Bajda li jkun moqdi minn sistema ta’ trasport frekwenti lejn il-Belt Valletta u l-Floriana, kien propost b’mod konkret għall-ewwel darba fis-sena 1994 fl-“iStudju dwar Trasport għall-Belt u l-Floriana”. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fi Frar ta’ din is-sena bil-bini tal-ewwel minn tliet junctions li hemm bżonn biex jiffaċilitaw id-dħul u l-ħruġ tal-vetturi minn Crown Works u Horn Works, li huwa s-sit fejn ser isir il-parkeġġ. Ix-xogħol fuq il-bini taż-żewġ junctions l-oħra fil-Blata l-Bajda beda riesaq lejn tmiemu. Ta’ min isemmi li dawn ix-xogħolijiet saru b’kollaborazzjoni mal-Environment Landscapes Consortium li ħa ħsieb li jitħares il-landscaping li hemm fiż-żona.
Min-naħa l-oħra, l-Iskema ta’ Aċċess Kontrollat Aħjar għall-Belt Valletta hija proposta fid-dokument konsultattiv “Valletta uFloriana – Strateġija biex tiżdied l-aċċessibilità” ippubblikat mill-Kumitat tal-Kabinett dwar Proġetti Nazzjonali. Il-konsultazzjoni pubblika dwar dan id-dokument għadha għaddejja u d-dħul fis-seħħ tagħha huwa għal kollox indipendenti mit-tlestija tal-proġett tal-Park and Ride.
L-iskoptal-Proġett tal-Park and Ride mhux li ma jħallix il-karozzi jidħlu fil-Floriana jew fil-Belt Valletta, iżda li joffri alternattiva valida għal min irid jidħol il-Belt biex b’hekk anqas vetturi jidħlu l-Belt. Il-Proġett ser iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja għal min jidħol jew jgħix fil-Belt Valletta bit-tneħħija ta’ 950 post ta’ parkeġġ mit-toroq li eventwalment twassal għal żieda fiż-żoni pedonali. Il-proġett ukoll għandu jwassal għal titjib fl-ambjent ġenerali u l-apparenza tal-Belt Valletta, biex din tirrifletti l-istatus tagħha bħala Wirt Dinji. Il-proġett mhux ser iwassal għal tnaqqis fil-postijiet ta’ parkeġġ fil-Floriana.
L-investiturili jintgħażlu biex joperaw il-Park and Ride ser ikunu wkoll responsabbli mit-tħaddim ta’ sistema ta’ shuttle buses elettriċigħall-Belt u l-Floriana, liema shuttle buses ser ikunu qed jaħdmu bi frekwenza ta’ darba kull erba’ minuti waqt ir-rush hour ta’ filgħodu u filgħaxija. Dawn ix-shuttles ser ikunu jistgħu iniżżlu l-passiġġieri fil-Furjana fi triqithom mis-sit tal-parkeġġ lejn il-Belt u jiġbru l-passiġġieri mill-Floriana matul il-vjaġġ tar-ritorn. In-nol biex wieħed juża l-Park and Ride ser ikun jinkludi kemm il-parkeġġ tal-vettura kif ukoll l-użu tax-shuttle buses mis-sewwieq u sa erba’ passiġġieri.
Il-Gvernma jistax jifhem x’loġika wżat l-Oppożizzjoni meta ħarġet bil-kritika tagħha li dan il-proġett ser iwassal għal konġestjoni tat-traffiku madwar il-Belt Valletta meta din taf li l-għan ewlieni tal-Park and Ride huwa propju li jnaqqas il-volum tat-traffiku minn Bieb il-Bombi ‘l ġewwa. Il-junctions fil-Blata l-Bajda li ser ikunu qed jitlestew f’dawn il-jiem ser joffru aċċess dirett lejn is-sit tal-Park and Ride mingħajr ma jtellfu l-bqija tat-traffiku peress li dawn ix-xogħolijiet kienu jinvolvu wkoll t-twessiegħ ta’ Triq Nazzjonali b’lane oħra.
It-trafficlights li ser jirregolaw it-traffiku lejn il-Park and Ride ser jaqilbu biss meta jkun hemm traffiku li jrid jaqsam il-karreġġjata ta’ Triq Nazzjonali fid-direzzjoni tal-Marsa biex jidħol fi Crown Works u Horn Works. Barra minn hekk, l-Oppożizzjoni taf sew li din il-karreġġjata ma tarax volum qawwi ta’ traffiku waqt ir-rush hour ta’ filgħodu. Min-naħa l-oħra din il-junction mhux ser tkun qed tintuża wisq waqt ir-rush hour ta’ filgħaxija peress li vetturi li jkunu jridu jidħlu fil-Park and Ride f’dak il-ħin ikunu ftit.
Il-Parkand Ride mhux xi kunċett uniku għal Malta. Sistemi bħal dawn jitħaddmu fi bliet madwar id-dinja kollha. Ir-reżistenza ta’ l-Oppożizzjoni għal dan il-proġett, flimkien man-nuqqas tagħha li ssemmi sistemi alternattivi validi għal kif jista’ jittejjeb it-traffiku li jidħol lejn il-Belt Valletta, jirriflettu l-faqar fl-idejat fil-qasam tat-trasport kollu. L-uniku parir li tat-Oppożizzjoni kien li jittejjeb it-trasport pubbliku, xi ħaġa li l-Gvern qed jindirizza propju bħalissa fin-negozjati mal-Assoċazzjoni dwar it-Trasport Pubbliku, fuq kif għandhom jiġu implimentati ir-rakkomandazzjonijiet li għamlu l-esperti Ingliżi Halcrow International fir-rapport tagħhom. Dawn in-negozjati għandhom jintemmu sal-aħħar ta’ Novembru.
Intantil-proċess tal-għażla tal-operatur tal-Park and Ride ser ikompli bl-evalwazzjoni tat-tenders. L-għażla issir sittin jum wara l-għeluq tas-sejħa għall-offerti filwaqt li l-proċess jiġi fi tmiemu fil-bidu ta’ Diċembru bl-iffirmar tal-kuntratt. L-operatur imbgħad ikun jista’ jibda jwettaq x-xogħolijiet li hemm bżonn fil-bidu tas-sena l-ġdida biex il-Park andRide jibda’ jitħaddem sa’ l-aħħar ta’ Mejju 2006.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow