Il-Gvern iżid il-vot ta’ l-Orkestra Nazzjonali
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech nieda l-programm ta’ l-Orkestra Nazzjonali għall-istaġun 2005/2006, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li ngħatat fil-kwartieri ta’ l-Orkestra Nazzjonali fi Triq Zekka, l-belt Valletta. Dawn il-kwartieri gew imsebbħa dan l-aħħar.
Matul l-istaġun 2005/2006, l-Orkestra Nazzjonali se torganizza, jew ser tieħu sehem, f’sensiela ta’ attivitajiet li jressquha aktar qrib tal-poplu.
- Nhar is-Sibt 16 ta’ Settembru, b’ripetizzjoni is-Sibt 17 ta’ Settembru, se jittella’ l-kunċert ‘A Night with Lloyd Webber’ li kien kommissjonat mill-Malta Trade Fairs Corporation bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-50 anniversarju tal-Korporazzjoni tal-Fieri. Il-kunċert ser jittella’ fiċ-Ċentru tal-Mediterran tal-Konferenzi u fih ser jipparteċipa Julian Lloyd Weber. Il-kunċert hu taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Joseph Vella.
- Il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru se jittella’ l-ewwel min serje ta’ kunċerti mill-Orkestra Nazzjonali flimkien mat-Teatru Manoel. F’dan il-kunċert se jipparteċipa d-Direttur ta’ l-Orkestra Paolo Ponziano Ciardi u se jkunu preżenti is-Sopran Gillian Zammit u l-Baritonu Massimiliano Valleggi.
- Nhar is-Sibt 8 ta’ Ottubru l-Orkestra Nazzjonali se terġa’ tagħti kunċert ‘Pop’ fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Il-kunċert ġie koordinat minn Sigmund Mifsud u fost il-kantanti se jkun hemm Ira Losco.
- Il-Ħamis 27 u s-Sibt 29 ta’ Ottubru l-Orkestra Nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Mro Joseph Vella ser tipparteċipa fil-Festival ta’ l-Opra fit-Teatru Astra f’Għawdex li jġib fit-tmiem il-Festival Mediterranea bl-Opra ta’ Giacomo Puccini La Boheme.
- It-Tlieta 8 ta’ Novembru fit-Teatru Manoel se tittella’ produzzjoni oħra bi sħab mat-Teatru Manoel b’kunċert orkestrali taħt id-direzzjoni ta’ Michael Laus.
- Il-Ġimgħa u s-Sibt 18 u 19 ta’ Novembru se jingħata l-aħħar tribut fl-okkażżjoni tal-50 anniversarju tal-Malta Trade Fair Corporation meta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann l-Orkestra Nazzjonali tesegwixxi ir-requiem ta’ Andrew Lloyd Webber bil-parteċipazzjoni tas-Sopran Miriam Cauchi u t-Tenur Joseph Aquilina. L-Orkestra tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph Vella.
- It-Tlieta 6 ta’ Diċembru, fuq inizjattiva ta’ Profs Michael Laus, l-Orkestra Nazzjonali ser ittella’, fit-Teatru Manoel, Kunċert għal-Karita’ b’għajnuna għad-Dar tal-Providenza.
- Fit-13 ta’ Diċembru l-Orkestra Nazzjonali tagħti programm fil-Concerto Series tagħha li se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michae Laus b’siltiet ta’ Haydn, Schubert, Beethoven, Tchaikovsky u Respighi.
- Fl-14 ta’ Frar 2006, jittella’ kunċert ieħor fil-Concerto Series. Dan se jkun b’kollaborazzjoni ta’ l-Istituto Italiano di Cultura (Malta) u jkun tribut lil Wolfgang Amadeus Mozart bl-artisti mistiedna ċ-ċelebri flawtista Andra Griminelli u l-arpista Carolione Calleja.
- Attivita’ importanti għall-Orkestra Nazzjonali hu l-appoġġ li tagħti għall-BOV Opera Festival li din is-sena se jittella bejn il-15 u t-23 ta’ Marzu, 2006 fit-Teatru Manoel bl-opri Rigoletto ta’ Giuseppi Verdi u l-Barbiere di Siviglia ta’ Gaocchino Rossini taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Michael Laus.
- Fl-1 ta’ April 2006 Mro Brian Schembri jidderieġi l-Orkestra Nazzjonali fi Grand Concert fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
- 25 ta’ ApriL, 2006 jiġi fi tmiemu l-istaġun tal-Concerto Series ta’ l-Orkestra Nazzjonali b’kunċert li fih jieħu sehem il-pjanista ċelebri Roberto Cominati bill-kolaborazzjoni ta’ l-Istituto di Cultura (Malta).
L-Orkestra Nazzjonali tagħti l-kontribut taghħa wkoll fil-Festi Nazzjonali, bħal Kunċerti ta’ l-Epifanija u l-Kunċert ta’ l-Indipendenza, u tipparteċipa f’Kunċerti tal-Komunita’ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li għall-Gvern, l-Orkestra Nazzjonali kienet komponent importanti fl-infrastruttura kulturali. “Il-vot ta’ l-Orkestra Nazzjonali din is-sena tela’ minn Lm235,000 għal Lm290,000 – żieda ta’ Lm55,000 jew ta’ 23 fil-mija. Dan, waħdu juri biċ-ċar kemm l-iżvilupp ta’ l-Orkestra Nazzjonali hu f’qalb il-Gvern,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ta’ sodisfazzjon għalih isegwi l-ħidma li qed titwettaq mill-Orkestra Nazzjonali. It-twaqqif ta’ Orkestra Nazzjonali għaż-Żgħażagħ Maltin kien pass fid-direzzjoni t-tajba, għaliex illum għandna mużiċisti żgħażagħ li qed jitħarrġu biex ikunu jistgħu anke jimlew postijiet vakanti fl-Orkestra Nazzjonali.
Hu qal li din l-orkestra taż-żgħażagħ bdiet is-sena l-oħra bi 30 mużiċist; u issa telgħet għal 56 mużiċist. Hu qal li mużiċisti żgħażagħ qed ikunu mħajjra jdoqqu t-tieni strument. Dan kien essenzjali jekk dawn iż-żgħażagħ kienu qed jaspiraw li l-orkestra tkun il-karriera tagħhom.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li mill-programm vast li għandha l-Orkestra Nazzjonali għal din l-istaġun, toħroġ id-dedikazzjoni ta’ dawk kollha li jaħdmu biex din l-orkestra timxi ’l quddiem u tkun aktar qrib lejn il-poplu. Hu qal li l-idea li Orkestra Nazzjonali ‘tmur Pop’ – proġett li beda s-sena l-oħra u kien suċċess, u li se jiġi ripetut din is-sena – wasslet biex ħafna żgħażagħ ipparteċipaw f’kunċerti orkestrali b’differenza. Il-kunċerti komunitarji li saru fil-pjazez is-sajf li għadda, wkoll ressqu l-Orkestra Nazzjonali qrib il-poplu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali kien ħaqqa kull inkoraġġiment u li l-Gvern ma kienx se jonqos li jagħmel dan, għaliex kien jemmen li l-kultura kienet tiddistingwina minn popli oħra u kienet tagħtina l-identita’ li wasslitna biex inkunu stat Sovran.
Stqarrijiet Oħra:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947