L-ISKOLA L-ĠDIDA F’ĦAL KIRKOP: KULLEĠĠ SAN BENEDITTU- Sekondarja Subien / ST. BENEDICT COLLEGE - Boys Secondary
pr1286
07/09/2005
| L-isem | ta’ l-iskola sekondarja ġdida li għadha kif inbniet hu KULLEĠĠ SAN BENEDITTU – Sekondarja Subien ( ST. BENEDICT COLLEGE – Boys Secondary) bl-indirizz f’Ħal Kirkop. Din l-iskola ser tieħu ħsieb il-livell sekondarju mill-Form 1 sal-Form 5 għas-subien tal-Junior Lyceum u tas-Sekondarja. L-istudenti ġejjin minn tmien t’irħula madwar Ħal Kirkop u huma: B’Buġia, Għaxaq, Gudja, Kirkop, Mqabba, Qrendi, Safi u Żurrieq. |
| L-ewwel | Kap tal-“Kulleġġ San Benedittu – Sekondarja Subien” hu Joseph Micallef, li studja l-edukazzjoni kif ukoll il-management ta’ l-iskejjel fl-Universita` u hu għalliem b’esperjenza tajba ta’ Kap Assistent fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Flimkien ma’ żewg Assistenti Kapijiet, Ray Muscat u Rita Azzopardi, huwa ser imexxi tim ġdid ta’ għalliema u ħaddiema biex jgħinu lill-istudenti kollha ta’ dan il-Kulleġġ jiksbu l-aħjar edukazzjoni possibbli. |
| Dan | ħabbru l-Ministru Louis Galea meta ltaqa` mal-ġenituri ta` l-ewwel studenti ta’ dan il-Kulleġġ. Fl-ewwel sena l-Kulleġġ ser jieħu l-istudenti kollha tal-Form 1 li ġejjin mill-primarji msemmija u l-istudenti tal-Form 2 u 3 li kienu qed jattendu l-iskola sekondarja fiż-Żurrieq. Il-Ministru Galea qal li beda l-ippjanar biex l-ispazju vakat fl-iskola sekondarja taż-Żurrieq jibda jiġi modernizzat bl-iskop li meta jkun lest jieħu t-tfal tal-primarja taż-Żurrieq u jibda l-immodernizzar tal-parti l-oħra ta’ l-iskola. B’hekk fi żmien qasir iż-Żurrieq ikollu skola primarja u kindergarten ta’ l-ogħla kwalità ċertifikati bħala Skejjel ta’ Għada (Tomorrow’s Schools). |
| Il-ġenituri | ġew indirizzati wkoll mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr Cecilia Borg u mill-Kap il-ġdid is-Sur Joseph Micallef. |
| Il-Ministru | Galea fisser lill-ġenituri li l-Kulleġġ San Benedittu jinkludi fih it-tmien skejjel primarji u l-iskola sekondarja tas-subien. Fil-futur ser tigi nkluża l-iskola sekondarja tal-bniet. Il-Kulleġġ San Benedittu ser ikun wieħed mill-erba` proġetti pilota fir-riformi edukattivi li ħabbar il-Gvern. “Fi ftit ġimgħat jintgħażel il-Koordinatur tal-Kulleġġ biex tibda issir il-ħidma flimkien bejn il-livell sekondarju l-livell primarju. Il-Kulleġġ ser ikollu disgħa laboratorji tax-xjenza, sebgħa workshops tat-teknoloġija, u sitt laboratorji tal-kompjuter. Il-Kulleġġ ikollu wkoll il-librerija tiegħu u diversi kmamar għal tagħlim u taħriġ fil-krafts, arti espressiva, drama, u mużika. Il-Kulleġġ ser ikollu faċilitajiet għal sport differenti li huma maħsubin jintużaw mill-istudenti sew waqt il-ħin ta’ l-iskola kif ukoll wara.” Il-Ministru Galea appella lill-ġenituri biex jaħtfu din l-opportunita` kbira għal uliedhom u jikkoperaw mal-Kulleġġ biex fi sħubija uliedhom jiksbu l-edukazzjoni meħtieġa. Huwa fakkar li l-Gvern ser ikun investa tliet miljun lira mit-taxxi tal-poplu u l-poplu jistenna li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema iżidu l-valur ta’ dan l-investiment. |
| Il-Kap | tal-Kulleġġ Joseph Micallef tkellem mal-ġenituri dwar kif il-Kulleġġ ser jintroduċi sistemi ġodda ta’ tagħlim u kif ser jibda proċess biex jintlaħqu l-bżonnijiet differenti ta’ l-istudenti. Il-Kap qal li flimkien ma’ l-għalliema u l-istaff tal-Kulleġġ ser tinħadem time-table fuq sillabu li ser ikun differenzjat skond il-ħiliet u x-xeħtiet ta’ l-istudenti. Iżda ser issir ħidma speċjali biex l-istudenti kollha jkollhom bażi tajba ta’ kitba u qari fil-Malti u fl-Ingliż, fis-somom, fil-kompjuter u fl-iżvilupp personali. Huwa fisser ukoll li d-dixxiplina ser tiġi applikata fuq kulħadd b’ġustizzja u sodizza. “Filwaqt li ser nagħmlu minn kollox biex uliedkom jieħdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, m’aħna ser inħallu lil ħadd minnhom ifixkel dan id-dritt lil sħabu. Il-Kulleġġ diġà adotta r-regoli tad-dixxiplina li ser nibgħatulkom id-dar. Kunu afu li jekk student ma jikkoperax ser jitkeċċa mill-Kulleġġ.” |
| Il-Ministru | Galea għalaq billi sostna li kull student fil-Kulleġġi l-ġodda se jħoss b’mod konkret it-titjib fis-sistema edukattiva u l-iskop ewlieni dejjem għandu jibqa’ li noffru edukazzjoni ta’ kwalità li tgħin lil kull tifel u tifla jiżviluppa l-ħiliet tagħhom kemm possibli, biex jikbru f’ċittadini li jħossuhom sodisfatti bihom infushom u ta’ ġid għal pajjiżna. “Irridu li uliedna jirnexxu lkoll” temm Louis Galea. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946