Left arrow Go Back

L-ISKOLA L-ĠDIDA F’ĦAL KIRKOP: KULLEĠĠ SAN BENEDITTU- Sekondarja Subien  /  ST. BENEDICT COLLEGE - Boys Secondary

pr1286
Date Icon 07/09/2005
L-isemta’ l-iskola sekondarja ġdida li għadha kif inbniet hu KULLEĠĠ SAN BENEDITTU – Sekondarja Subien ( ST. BENEDICT COLLEGE – Boys Secondary) bl-indirizz f’Ħal Kirkop.  Din l-iskola ser tieħu ħsieb il-livell sekondarju mill-Form 1 sal-Form 5 għas-subien tal-Junior Lyceum u tas-Sekondarja.  L-istudenti ġejjin minn tmien t’irħula madwar Ħal Kirkop u huma: B’Buġia, Għaxaq, Gudja, Kirkop, Mqabba, Qrendi, Safi u Żurrieq.
L-ewwelKap tal-“Kulleġġ San Benedittu – Sekondarja Subien” hu Joseph Micallef, li studja l-edukazzjoni kif ukoll il-management ta’ l-iskejjel fl-Universita` u hu għalliem b’esperjenza tajba ta’ Kap Assistent fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  Flimkien ma’ żewg Assistenti Kapijiet, Ray Muscat u Rita Azzopardi, huwa ser imexxi tim ġdid ta’ għalliema u ħaddiema biex jgħinu lill-istudenti kollha ta’ dan il-Kulleġġ jiksbu l-aħjar edukazzjoni possibbli.
Danħabbru l-Ministru Louis Galea meta ltaqa` mal-ġenituri ta` l-ewwel studenti ta’ dan il-Kulleġġ.  Fl-ewwel sena l-Kulleġġ ser jieħu l-istudenti kollha tal-Form 1 li ġejjin mill-primarji msemmija u l-istudenti tal-Form 2 u 3 li kienu qed jattendu l-iskola sekondarja fiż-Żurrieq.  Il-Ministru Galea qal li beda l-ippjanar biex l-ispazju vakat fl-iskola sekondarja taż-Żurrieq jibda jiġi modernizzat bl-iskop li meta jkun lest jieħu t-tfal tal-primarja taż-Żurrieq u jibda l-immodernizzar tal-parti l-oħra ta’ l-iskola.  B’hekk fi żmien qasir iż-Żurrieq ikollu skola primarja u kindergarten ta’ l-ogħla kwalità ċertifikati bħala Skejjel ta’ Għada (Tomorrow’s Schools).
Il-ġenituriġew indirizzati wkoll mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr Cecilia Borg u mill-Kap il-ġdid is-Sur Joseph Micallef.
Il-MinistruGalea fisser lill-ġenituri li l-Kulleġġ San Benedittu jinkludi fih it-tmien skejjel primarji u l-iskola sekondarja tas-subien. Fil-futur ser tigi nkluża l-iskola sekondarja tal-bniet. Il-Kulleġġ San Benedittu ser ikun wieħed mill-erba` proġetti pilota fir-riformi edukattivi li ħabbar il-Gvern.  “Fi ftit ġimgħat jintgħażel il-Koordinatur tal-Kulleġġ biex tibda issir il-ħidma flimkien bejn il-livell sekondarju l-livell primarju.  Il-Kulleġġ ser ikollu disgħa laboratorji tax-xjenza, sebgħa workshops tat-teknoloġija, u sitt laboratorji tal-kompjuter.  Il-Kulleġġ ikollu wkoll il-librerija tiegħu u diversi kmamar għal tagħlim u taħriġ fil-krafts, arti espressiva, drama, u mużika.  Il-Kulleġġ ser ikollu faċilitajiet għal sport differenti li huma maħsubin jintużaw mill-istudenti sew waqt il-ħin ta’ l-iskola kif ukoll wara.”  Il-Ministru Galea appella lill-ġenituri biex jaħtfu din l-opportunita` kbira għal uliedhom u jikkoperaw mal-Kulleġġ biex fi sħubija uliedhom jiksbu l-edukazzjoni meħtieġa. Huwa fakkar li l-Gvern ser ikun investa tliet miljun lira mit-taxxi tal-poplu u l-poplu jistenna li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema iżidu l-valur ta’ dan l-investiment.
Il-Kaptal-Kulleġġ Joseph Micallef tkellem mal-ġenituri dwar kif il-Kulleġġ ser jintroduċi sistemi ġodda ta’ tagħlim u kif ser jibda proċess biex jintlaħqu l-bżonnijiet differenti ta’ l-istudenti. Il-Kap qal li flimkien ma’ l-għalliema u l-istaff tal-Kulleġġ ser tinħadem time-table fuq sillabu li ser ikun differenzjat skond il-ħiliet u x-xeħtiet ta’ l-istudenti.  Iżda ser issir ħidma speċjali biex l-istudenti kollha jkollhom bażi tajba ta’ kitba u qari fil-Malti u fl-Ingliż, fis-somom, fil-kompjuter u fl-iżvilupp personali.  Huwa fisser ukoll li d-dixxiplina ser tiġi applikata fuq kulħadd b’ġustizzja u sodizza.  “Filwaqt li ser nagħmlu minn kollox biex uliedkom jieħdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, m’aħna ser inħallu lil ħadd minnhom ifixkel dan id-dritt lil sħabu.  Il-Kulleġġ diġà adotta r-regoli tad-dixxiplina li ser nibgħatulkom id-dar. Kunu afu li jekk student ma jikkoperax ser jitkeċċa mill-Kulleġġ.”
Il-MinistruGalea għalaq billi sostna li kull student fil-Kulleġġi l-ġodda se jħoss b’mod konkret it-titjib fis-sistema edukattiva u l-iskop ewlieni dejjem għandu jibqa’ li noffru edukazzjoni ta’ kwalità li tgħin lil kull tifel u tifla jiżviluppa l-ħiliet tagħhom kemm possibli, biex jikbru f’ċittadini li jħossuhom sodisfatti bihom infushom u ta’ ġid għal pajjiżna. “Irridu li uliedna jirnexxu lkoll” temm Louis Galea.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Aktar mediċini mill-Formularju tal-Gvern se jkunu jistgħu jiġu mibdija jew imġedda mit-tobba privati tal-familja

PR261948

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

More Press Releases Right arrow