Left arrow Mur Lura

DISKORS MINN DR. GODWIN GRIMA, SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TA’ PROĠETT BI SĦAB BEJN ID-DIPARTIMENT TA’ L-INFORMAZZJONI U L-ARKIVJI NAZZJONALI TA’ MALTA GĦAL KONSERVAZZJONI DIĠITALI TA’ FILMATI STORIĊI – DOI, VALLETTA

pr1280
Date Icon 06/09/2005
Nibda biex nifraħ lid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoniu lill-Arkivji Nazzjonali għal din l-inizjattiva li qed jieħdu flimkien.   Fl-istess ħin, nawgura li l-proġett li qiegħed jitnieda jirnexxi, ħalli dan il-wirt li għadna kif rajna silta żgħira minnu, jiġi kkonservat għalina u għal ta’ warajna. Aħna għandna obbligu sagrosant li d-dokumenti li ġew fdati f’idejna inħarsuhom għaliex huma wirt nazzjonali.
Ippermettuli pero’ nikkumenta fuq aspettpartikolari ta’ din l-inizjattiva.  It-tnedija ta’ dan il-proġett hi frott ta’ kooperazzjoni bejn żewġ dipartimenti.  Tradizzjonalment, kienet teżiżti mentalità, li maż-żminijiet bdiet tinbidel, li kull dipartiment jaħdem għal rasu.  Każi aktar estremi minn hekk kienu meta anke sezzjonijiet u fergħat fi ħdan l-istess dipartiment kienu jaħdmu b’dan il-mod.  Meta mhux ukoll kont issib individwi li bħal speċi kienu jindukraw t-teritorju tagħhom, jostru informazzjoni dwar ix-xogħol tagħhom u jżommuha għalihom biss.
Qed jispiċċa ż-żmien metad-dipartimenti jaħdmu għal rashom bil-konsegwenza ta’ ħafna ħela ta’ riżorsi u duplikazzjoni ta’ xogħol.   Pero’ għad baqa’ ħafna u ħafna xi jsir.  Għad hemm lok għal aktar kooperazzjoni bejn id-dipartimenti, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-information sharing, għoti ta’ servizzi, u ukoll, (idea oħra din li għad irridu naħdmu ħafna aktar fuqha), task sharing.   Sta’ għal kull dipartiment li jesplora kif, bi sforz komun ma’ dipartimenti oħra, jista’ jilħaq għanijiet li waħdu ma jkunx possibbli li jottjeni.  Min għandu f’idejh xi tip ta’ tmexxija jrid ikun aktar inventiv fuq dan il-livell.

Dan iwassalni għal punt ieħor dwar kif nixtieq nara s-Servizz Pubbliku.   Irridu nħarsu ’l quddiem billi nespandu, naġġustaw u naġġornaw il-ħidma tagħna skond iż-żminijiet tal-lum.   Ma rridux nibżgħu nbiddlu fejn hemm bżonn; ma rridux nibżgħu li ninqatgħu minn prattiċi li m’għadhomx japplikaw għal żmienna.  Ma għandnix inbiddlu biex inkunu biddilna.  Imma fl-istess waqt irridu nirreaġixxu għal ħtiġijiet leġittimi tal-klijenti tagħna, u nkunu sensittivi għal kritika kostruttiva li ssir minn naħa tal-media.  Nirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom il-media f’dan il-kuntest.  Intenni li rridu nkunu sensittivi għal kritika ġustifikata anke fejn aħna effiċjenti għax jekk din l-effiċjenza mhix twassal biex inkunu effettivi, allura jkun ifisser illi l-isforzi li qed nagħmlu xorta ma jkunux qed jilħqu l-għan tagħhom.  

Fattur ieħor li nara f’dan il-proġettimniedi llum hu d-disponibiltà ta’ dawn iż-żewġ dipartimenti li jidħlu fi sħab mal-privat.   Din il-prattika bdiet tidħol f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin u diġà kellha miżura ta’ suċċess.   Is-Servizz Pubbliku m’għandu għalfejn jiddejjaq xejn li jidħol fi sħab mal-privat fejn dan ikun ta’ benefiċċju għall-pubbliku.  Ma nistgħux nibqgħu qisu li f’pajjiżna hawn żewġ tipi differenti ta’ xogħol, jiġifieri li s-Servizz Pubbliku jaħdem mod, u l-privat jaħdem mod ieħor.   Ir-realtà hi li t-tnejn għandhom x’jitgħallmu minn xulxin.  It-tnejn għandhom x’joffru lil xulxin.  U f’ ċertu oqsma s-sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat tista’ tkun l-aħjar triq.
Is-ServizzPubbliku għandu ħafna tajjeb grazzi għal dawk li ġew qabilna u grazzi għall-isforzi ġenwini tal-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema.  Iżda fuq kollox dan is-Servizz għandu jibqa’ korp dinamiku.  Matul l-aħħar snin, b’mod konsistenti ġew implimentati diversi riformi.  Mhux il-lok li nsemmihom imma żgur hu, li hemm bażi tajba fuqhiex wieħed jista’ jkompli jibni.
Hu f’dan il-kuntest li jiena nawgura mhuxbiss lil dawn iż-żewġ dipartimenti li llum qegħdin jieħdu din l-inizjattiva, imma lid-dipartimenti kollha, biex iħarsu ’l quddiem b’sens ta’ kuraġġ  u determinazzjoni.  Dan  jippermittilna nilqgħu l-isfidi l-ġodda li bilfors irridu niffaċċjaw jekk irridu niggarantixxu futur dejjem aħjar għall-pajjiżna.  Is-Servizz Pubbliku kien, għadu u jrid jibqa’ l-pedament li fuqu jiddependi l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow