Anzjani u Tfal Għal Xulxin
pr1262
02/09/2005
| Għall-ewwel | darba din is-sena b’rabta mas-sena Ewropea taċ-Ċittadinanza Permezz ta’ l-Edukazzjoni waqt il-programm ta’ Skolasajf, twettaq proġett bejn uffiċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u mid-Dipartiment għall-Kura ta’ l-Anzjani u s-Servizz fil-Komunita’, kif ukoll mill-kunsilli lokali taċ-ċentri li ħadu sehem, fejn tfal miċ-ċentri ta’ skolasajf jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ Anzjani fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule. |
| Dan | il-proġett ġie msemmi Anzjani u Tfal għall-Xulxin u kellu l-iskop li jibni pont bejn tfal u anzjani biex dawn jifhmu aktar lil xulxin. F’dan il-programm ipparteċipaw iċ-ċentri ta’ Skolasajf ta’ Birkirkara, Tarxien/Santa Luċija, Lija Floriana u Żurrieq. It-tfal ta’ dawn iċ-ċentri għamlu żjarat regolari fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule fejn qasmu esperjenzi fuq suġġetti varji: iż-żmien ’l imgħoddi, esperjenzi ta’ żmien il-gwerra, ikel u tisjir tradizzjonali, logħob tipiku Malti u esperjenzi tal-passat, kollha suġġetti li dwarhom l-anzjani kellhom ħafna x’jirrakkuntaw lit-tfal. It-tfal flimkien ma’ l-anzjani tellgħu wkoll wirja ta’ xogħol kreattiv li sar tul dawn iż-żjarat. |
| Bħala | parti mill-Fieramaratona li ssir fl-aħħar ta’ kull sajf u fejn it-tfal ikollhom l-opportunità juru x’għamlu u tgħallmu tul il-programm, saret attività fir-residenza ta’ San Vinċenz bil-parteċipazzjoni tat-tfal u ta’ l-anzjani. L-attivita’ kienet tinkludi, reċti, żfin, kant u qari flimkien. |
| Il-Ministru | ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li t-tfal għandhom rwol importanti bħala ċittadini u l-impenn tagħhom fis-soċjeta’ m’għandhux jitqies anqas minn ta’ ħaddieħor. Bl-istess mod ir-rwol ta’ l-anzjani wkoll hu essenzjali u kull persuna għandha tingħata kull opportunita’ biex tkompli tiżviluppa u fl-istess ħin tgħin lil ħaddieħor. Hu tenna li l-anzjani u t-tfal Maltin għalkemm jistgħu jidhru li huma żewġ ġenerazzjonijiet ’il bogħod ħafna minn xulxin, hemm ħafna li jistgħu joffru lil xulxin jekk jaħdmu flimkien. |
| F’kelmtejn | li għamlet l-Onor D’Amato rringrazzjat lil kull min għen biex issir din l-attivita’, u b’mod specjali lill-protagonisti, lit-tfal u lill-anzjani. Hija qalet li “l-iskop ta’ dan il-programm kien li jqarreb it-tfal u l-anzjani dejjem aktar lejn xulxin. U ninsab ferm kuntenta li fis-seba’ gimgħat li għaddew irnexxielna noħolqu relazzjoni bejniethom, rnexxielna noħoloq djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet differenti.” L-Onor D’Amato żiedet tgħid li bħalissa qed isir xogħol fuq proġett ta’ skala akbar li jġib l-isem ta’ Adopt a Ward u se jibda matul is-sena skolastika. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946