Left arrow Go Back

Identifikati sitt zoni turistiċi ta’ priorita’

pr1205
Date Icon 18/08/2005

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien identifika sitt zoni turistiċi li kienu se jingħataw priorita’ f’xogħol ta’ tisbiħ. Il-Ministru  kien qed isegwi parti mill-kampanja Clean Up the Seas f’tas-Sliema.  

Dr. Zammit Dimech qal li dawn is-sitt zoni kienu:  

      ·        il-belt Valletta u z-zona tal-Port il-Kbir;
·        Tas-Sliema, San Ġiljan u Paceville;
·        Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, Golden Bay u l-Marfa;
·        l-Imdina, ir-Rabat, Ħad-Dingli, Ta’ Qali u l-Buskett;
·        Għawdex; u
·        l-ibħra kostali.  

Huqal li fid-dokument ta’ qabel il-budget “Biex int tgħix aħjar” il-Gvern qed isostni li dawn iz-zoni se jirċievu priorita’ f’xogħol ta’ tisbiħ “bl-iskop li tkun indirizzata l-perċezzjoni li Malta għandha faċilitajiet ta’ 5 stilel, iżda ambjent ta’ 2 stilel ”.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li fil-qasam turistiku l-enfasi qawwija se tkun fuq il-prodott. Hu qal li l-proġett li tlesta riċentement fil-bajja ta’ San Ġorġ għandu jitqies bħala mudell għal bnadi oħra. Hu qal li matul is-sena li ġejja l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta se jwettqu proġett ieħor simili għal xtajta f’Buġibba. Hu qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkollna bajja oħra b’faċilitajiet turistiċi u b’immaniġġjar tajjeb skond kriterji tal-‘Bandiera l-Blu’.
Il-MinistruFrancis Zammit Dimech qal li l-ħarsien tal-kosta kien jirrikjedi tindif sew tax-xtut, kif ukoll ta’ l-ibħra u l-promenades. Hu qal li dan qed jitwettaq minn diversi taqsimiet fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jew permezz ta’ ftehim milħuq ma’ Ministeri oħra jew ma’ Kunsilli Lokali.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li l-Oil Pollution Response Unit, li kienet qed torganizza dawn il-Clean Up the Seas Campaigns bl-iskop li l-poplu jsir aktar konxju mill-ibħra madwarna u jgħin biex jinżammu ndaf, kienet tieħu ħsieb tnaddaf wiċċ il-baħar minn skart li jintrema u minn żjut li jistgħu jniġġsu l-bajjiet.
FrancisZammit Dimech qal li min-naħa l-oħra t-Taqsima tat-Tindif tax-Xtajtiet kienet tnaddaf kuljum 40 xtajta f’Malta minn kull tip ta’ skart. Kienet tnaddaf ukoll 1,200 bin li hemm fuq ix-xtut kif ukoll tieħu ħsieb il-manutenzjoni u ż-żebgħa ta’ railings u slielem. Din it-Taqsima s-sena li għaddiet neħħiet 4,500 trakk ta’ alka u skart ieħor mill-bajjiet. Fl-ewwel ħames xhur tas-sena diġa’ neħħiet 2,353 trakk ta’ alka u skart.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu qed tgħin b’nefqa ta’ Lm35,000 fil-ħasil ta’ promenades fil-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa; f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra; f’Paceville; f’Tas-Sliema u l-Gżira; f’Marsaskala u f’Birżebbuġa. Hu qal li permezz ta’ ftehim ieħor mal-Kunsilli lokali ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Victoria u Żebbuġ Għawdex l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu qed tgħin uħud minn dawn il-Kunsilli biex jnaddfu l-lokalitajiet tagħhom darbtejn kuljum mill-Ħamis sal-Ħadd filwaqt li Kunsill ieħor għenitu fi programm ta’ ġbir ta’ skart. Hu qal li dan il-programm jiswa lill-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu Lm41,000.
Il-MinistruFrancis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jagħmel ħiltu biex jagħti dehra ġdida lil pajjżina u biex ikompli jgħolli l-prodott ta’ pajjiżna. Hu qal li f’din il-ħidma l-Gvern kien jeħtieġ il-għajnuna ta’ kulħadd, tal-poplu kollu. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella lill-poplu kollu biex igħin fil-ħidma li qed issir biex pajjiżna jinżamm aktar nadif u hekk inkunu qed nikkontribwixxu biex ilkoll ngħixu aħjar u biex pajjiżna ikun ukoll aħjar għat-turisti li jżuruna.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow