Left arrow Go Back

Qasam marbut ma’ attivitajiet ta’ ‘marketing’

pr1198
Date Icon 17/08/2005
Metakien qed jitkellem mal-ġurnalisti dwar attivitajiet ta’ marketing fil-qasam turistiku, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li wieħed mill-miri li ffissa l-Gvern fil-budget għas-settur turistiku hu “li nużaw aħjar ir-riżorsi finanzjarji tagħna u l-isforzi tal-marketing tagħna biex niġbdu aktar turisti f’dawn l-oqsma: turiżmu kulturali; turiżmu sportiv; turiżmu marbut mat-tagħlim tal-lingwi; turiżmu marbut mal-konferenzi; Għawdex bħala destinazzjoni turistika; niċeċ oħra bħalma huma cruise and stay, saħħa u rtirar, short breaks, agro-turiżmu, gastronomija, ġrajjiet li jkunu qed iseħħu f’pajjiżna u yachting.”
FrancisZammit Dimech qal li fid-dokument ta’ qabel il-budget intitolat “Biex tgħix aħjar” il-Gvern qed jisħaq li “biex jibqa’ kompetittiv illum, is-settur turistiku għandu bżonn:

o    Enfasi qawwija fuq il-prodott. Fl-aħħar mill-aħħar nistgħu biss inkunu kompetittivi billi niżguraw li pajjiżna ma jibdewx jiddejjqu minnu u jibqa’ mimli ħajja u in voga daqs qabel. Dan ifisser li għandhom jiġu żviluppati faċilitajiet turistiċi ġodda bħalma huma bajjiet immaniġġjati tajjeb li jitfasslu skond il-kriterju tal-‘bandiera l-blu’. F’dan is-sens il-proġett li tlesta reċentament fil-Bajja ta’ San Ġorġ għandu jitqies bħala mudell li għandu jintuża għal bnadi oħra;  

o    Kwalità għolja, li tfisser ukoll li min jiġi f’kuntatt mal-viżitaturi tagħna jagħmlu b’mod korrett u xieraq. Se noqgħodu attenti li x-xufiera tat-taxi u l-karozzini, min jaħdem fis-settur tat-trasport, l-impjegati fl-industrja ta’ l-ospitalità, u l-oħrajn kollha li jmissu mal-viżitaturi tagħna jipprovdu servizz ta’ kwalità, bi prezz xieraq;  

o    Miżuri partikolari li jiżguraw ambjent nadif u b’saħħtu;  

o    Avvenimenti regolari li jippromwovu lil Malta bħala esperjenza ta’ min tgħaddi minnha, iktar milli sempliċiment destinazzjoni oħra.”  

Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li biex nilħqu dan irid ikollna sistema effiċjenti ta’ promozzjoni u marketing. Hu qal li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta trid iżżomm kontinwament taħt għajnejha din il-kampanja ta’ promozzjoni biex tirrevediha skond l-bżonn. Hu qal li dan sar b’suċċess fir-Renju Unit aktar kmieni din is-sena meta ċ-Chairman ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta u d-Direttur Marketing tagħha marru fir-Renju Unit fejn għamlu laqgħat individwali ma’ l-operaturi kollha tat-turiżmu fl-Ingilterra. Bħala riżultat, fl-ewwel sitt xhur tas-sena n-numru ta’ turisti mir-Renju Unit żdied b’1.7 fil-mija. Hu qal li laqgħat simili qed isiru mid-Direttur Marketing fi bliet oħra Ewropej.
FrancisZammit Dimech qal li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tipproġetta kemm se jżuru turisti pajjiżna skond miri li tagħmel u skond tbassir li jkollha mill-uffiċċji tagħha barra minn Malta . Hu qal li s-suq Ingliż, bi 42.4 fil-mija tat-turisti kollha li jiġu pajjiżna, jibqa’ l-akbar suq tagħna. Hu qal li dan iwassal lill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta biex tattakka dan is-suq b’mod aktar aggressiv permezz ta’ sales blitz, inizjattivi bi sħab ma’ operaturi ta’ l-ivvjaġġar, serje ta’ roadshows, kampanji estensivi fuq l-istampa u fuq barra u kampanji estensivi ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li jidher li dawn il-kampanji qed jagħtu riżultati pożittivi.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li kampanja daqshekk ieħor importanti u assidwa qed issir fil-Ġermanja, it-tieni l-akbar suq turistiku tagħna. Hu qal li fil-Ġermanja saru kampanji estensivi flimkien ma’ TUI, FTI u Thomas Cook. Hu qal li kiber l-interess minn operaturi Ġermaniżi fit-tmexxija ta’ lukandi f’Malta filwaqt li bdew jippromwovu lil Malta operaturi ġodda li jinkludu lil Bentour, HH Tours, IPM Wellness u Maxx Holiday. Francis Zammit Dimech qal li r-riżultat mill-Ġermanja hu wieħed inkoraġġanti b’żieda ta’ 9.4 fil-mija fin-numru ta’ turisti li żaruna fl-ewwel nofs ta’ din is-sena fuq l-ewwel nofs tal-2004.
Il-MinistruZammit Dimech qal li ż-żewġ swieq ewlenin l-oħra ta’ Malta huma Franza u l-Italja. Hu qal li minkejja li fl-ewwel sitt xhur tas-sena dawn urew xi tnaqqis fuq l-istess perijodu tas-sena l-oħra hu mistenni li fuq sena sħiħa in-numru ta’ turisti li jiġu mill-Italja ma jitbiddilx filwaqt li jkun hemm żieda minn Franza fejn qed ikunu kkonfermati żidiet sew minn operaturi ta’ l-ivvaġġar kif ukoll minn linji ta’ l-ajru.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li l-qasam tal-marketing hu l-aktar qasam importanti fi ħdan l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta . Hu fakkar li x-xogħol ta’ marketing li tagħmel l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jiġbor fih reklamar, parteċipazzjoni f’fieri, konferenzi u incentive trips, attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, appoġġ lil operaturi ta’ l-ivvjaġġar, organizzazzjoni ta’ żjajjar ta’ familjarizzazzjoni u xogħol ta’ stampar ta’ diversi pubblikazzjonijiet. Il-Ministru Zammit Dimech qal li filwaqt li fl-2004 l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nefqet Lm3,924,793 sa Mejju ta’ din is-sena diġà ntefqu Lm2,398,115 għall-marketing. Francis Zammit Dimech fakkar li l-marketing budget ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu għal Malta fl-aħħar ħames snin tela’ b’mod sinifikanti ħafna; minn Lm3.8 miljun fis-sena 2000 għal Lm6.1 miljun din is-sena.
Il-MinistruZammit Dimech qal li l-ħidma ta’ marketing fil-qasam turistiku trid tkompli tinżamm kontinwament taħt il-lenti ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta biex tieħu passi korrettivi kull fejn ikun hemm bżonn.  Hu qal li Malta trid twettaq eżerċizzju ta’ branding biex inkunu f’qagħda li niffaċilitaw il-promozzjoni u l-bejgħ mhux aktar fuq bażi ġeografika iżda fuq bażi tan-niċeċ li diġà għandna u ta’ niċeċ oħra li rridu niżviluppaw.
Il-Ministrugħat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna jrid ikompli jaħdem biex il-prodott li noffru lit-turist ikun aħjar minn dak li joffru l-kompetituri tagħna. Dan jirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd: Gvern, stakeholders u l-poplu kollu.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow