JUNIOR LYCEUM FL-ISKOLA ADELAIDE CINI
pr1173
10/08/2005
| Sakemm | jitlestew skejjel sekondarji ġodda oħra, l-iskola sekondarja Adelaide Cini fil-Ħamrun se sservi bħala ‘annexe’ ta’ Junior Lyceum. F’Settembru li ġej, l-iskola se tilqa’ fiha studenti mill-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Buġibba, Għargħur, Manikata, Mellieħa, Naxxar, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija. F’dawn l-aħħar xhur sar xogħol estensiv biex din l-iskola ġiet immodernizzata u imsebbħa. |
| L-iskola | magħrufa bħala Adelaide Cini kienet tintuża bħala skola sekondarja tal-bniet sas-sajf ta’ l-2003. Minħabba xogħol strutturali li kien meħtieġ, l-istudenti li kienu jattendu f’din l-iskola bdew jattendu fl-iskola Maria Assunta li tinsab biswit l-istess skola. Wara xogħol estensiv l-iskola Adelaide Cini issa ġiet kompletament immodernizzata u f’Settembru li ġej se tibda tilqa’ fiha l-istudenti subien li għaddew mill-eżami tal-Junior Lyceum mil-lokalitajiet imsemmija. Id-deċiżjoni dwar l-użu ta’ din l-iskola ttieħdet f’dawn l-aħħar ġimgħat li fihom l-awtoritajiet edukattivi kienu qed jallokaw l-istudenti li għaddew din is-sena mill-eżami tal-Junior Lyceum. |
| Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni | Louis Galea meta żar x-xogħlijiet li qed isiru f’din l-iskola. Hu qal li bil-kuntrarju ta’ kif jaħsbu ħafna, kull min jgħaddi mill-eżami tal-Junior Lyceum isib post u ħadd ma jitħalla barra. Hemm min jaħseb ukoll li l-livell ta’ l-eżami jinbidel biex in-numru li jgħaddu jkun limitat, dan mhux minnu. Louis Galea qal li f’dawn l-aħħar snin l-ammont ta’ studenti li għaddew għall-Junior Lyceum baqa’ jiżdied sena wara sena, kemm fost dawk li jgħaddu għall-ewwel sena tas-sekondarja kif ukoll fost dawk li jgħaddu għat-tieni jew it-tielet sena. Dan ħoloq pressjoni fuq l-ispazji li hemm fil-Junior Lyceums partikolarment f’dawk tas-subien fejn saħansitra s-sena li għaddiet kellha tinfetaħ annexe ġdida għall-Junior Lyceum tal-Ħamrun fi skola oħra tal-Gvern li tinsab f’tas-Sliema. Din is-sena kellha tinstab soluzzjoni simili għal grupp ta’ subien mill-lokalitajiet imsemmija. |
| Fl-ex-skola Adelaide Cini sar xogħol ta’ mmodernizzar fl-erba’ blokok | ta’ l-iskola li jikkonsistu f’14-il klassi, ħames laboratorji tax-xjenza u home economics, żewġ laboratorji tat-teknoloġija, numru ta’ kmamar anċillari u l-faċilitajiet sanitarji. F’dawn ix-xhur il-kmamar kollha żżarmaw kompletament biex il-bini spiċċa art u saqaf (shell form) u bdew ix-xogħlijiet strutturali li kien hemm bżonn isiru. Bħalissa x-xogħol miexi b’ritmu mgħaġġel fejn il-parti l-kbira tax-xogħlijiet ta’ dawl u ilma, madum, tikħil u tibjid, aperturi u finitura fuq ġewwa u fuq barra huma fi stadju avvanzat u mistennija jkunu kollha lesti sa Settembru li ġej meta tiftaħ l-iskola. |
| Ix-xogħol | f’din l-iskola jinvolvi wkoll xogħol sostanzjali fuq il-ġonna u l-ispazji rikreattivi ta’ din l-iskola, il-bini mill-ġdid tal-boundary wall kif ukoll xogħol fuq is-sistema ta’ mmaniġġjar ta’ l-ilma tax-xita li fil-passat kienet toħloq problemi fl-iskola. Inbniet u ġiet mgħammra sub-station ġdida biex tlaħħaq mad-domanda tad-dawl li jkollha bżonn skola ta’ dan id-daqs u li fiha jkun hemm liftijiet għall-aċċessibilità ta’ persuni b’diżabilità. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħasbet ukoll biex l-iskola tiġi mgħammra bl-għamara kollha li għandha bżonn l-iskola. |
| Ix-xogħol | f’din l-iskola hu stmat li se joqrob it-terz ta’ Miljun Lira (Lm 300,000) u jinkludi 20 tender dipartimentali u l-użu ta’ tenders ġenerali għal servizzi li tuża l-Fondazzjoni. Ix-xogħol qed isir minn sittax-il kuntrattur differenti u parti sostanzjali tax-xogħol qed isir mill-ħaddiema tat-Technical Services Branch tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. |
| Il-Ministru Galea qal li flimkien ma’ l-iskola | sekondarja l-ġdida f’Ħal Kirkop, din l-iskola ser tnaqqas il-pressjoni li hemm fuq skejjel oħra tas-subien. Hu qal li bħalissa qed isir x-xogħol ta’ ippjanar, disinji, u permessi tal-bini biex jinbnew skejjel sekondarji ġodda fil-Ħandaq, Ħal Qormi, u fil-Verdala f’Bormla fejn hemm ukoll il-bżonn ta’ mmodernizzar fil-parti l-kbira ta’ l-iskola u l-faċilitajiet l-oħra. |
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946