TIBDIL FI PROĊEDURI U TNAQQIS FIT-TARIFFI TAL-QORTI
1. Mill-1 ta’ Awissu ta’ din is-sena daħlet fis-seħħ l-ittra uffiċjali eżekuttiva għal debiti li ma jaqbżux il-ħamest’elef lira (Lm5,000). Din l-ittra uffiċjali tingħaqad ma’ dik li daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Awissu, 2004 għar-rigward tal-kambjali.
2. Fl-istess ġurnata, jiġifieri fl-1 ta’ Awissu 2005, daħlet fis-seħħ ukoll l-emenda li permezz tagħha l-kawżi ta’ proprjetà jridu jsiru kollha kemm huma fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Għalhekk, dawk li huma taħt il-ħamest’elef lira (Lm5,000) ma jistgħux isiru fil-Qrati tal-Maġistrati.
3. Ma’ dawn, saru wkoll numru ta’ emendi fit-tariffi tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Dawn l-emendi, kuntrarjament għal dak li ntqal minn sezzjoni tax-xandir, naqqsu l-ħlas li kien jitħallas qabel f’numru ta’ setturi. Dan sar għal numru ta’ raġunijiet, fosthom li l-Gvern kien intrabat li jnaqqas u jirfina dawk il-partijiet tat-tariffi li, fl-opinjoni tiegħu, ma tawx ir-riżultati mistennija, kif ukoll minħabba ż-żewġ emendi msemmija aktar ’il fuq.
4. Irid jingħad li kien hemm is-segwenti tnaqqis:-
| a) | Il-kawżi ta’ jattanza kif ukoll dawk possessorji kollha, u mhux dawk ta’ spoll biss, tnaqqsu b’50%. |
| b) | Il-kawżi marbuta ma’ l-eżekuzzjoni ta’ konvenji jew wegħdi ta’ trasferimenti ta’ mobbli jew immobbli, wkoll tnaqqsu b’50%. |
| ċ) | Il-kawżi marbuta ma’ korrezzjonijiet jew tħassir f’ċertifikati tat-twelid, żwieġ jew mewt, li qabel kienu meqjusa bħala kawżi normali, issa ser iħallsu Lm10 biss. |
| d) | Il-kawżi fejn it-talba tkun biex il-Qorti tiddikjara li l-attur ikollu dritt ta’ proprjetà jew proprjetà kontra persuna oħra naqas għall-ispiża bażika ta’ Lm100. |
| e) | Fil-proċedura ta’ ritassa jew ratizzazzjoni li qabel kienu kkonsidrati bħala kawża issa tnaqqsu għal Lm40. |
| f) | In-notifiki lill-konsulenti legali, flok Lm3 niżlu għal Lm1. |
| ġ) | L-ittri uffiċjali, li qabel kienu Lm10, issa niżlu għal Lm5. |
| ħ) | Il-fotokopji ta’ dokumenti, minn 25ċ issa niżlu għal 15ċ. |
| i) | Ir-risposti ta’ l-appell, minn Lm75 niżlu għal Lm30. |
| j) | L-affidavit, minflok Lm5 niżel għal Lm3. |
| k) | Il-kontro-mandati, minn Lm15 niżlu għal Lm7.50. |
| l) | Ir-rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ mobbli, minn Lm75 niżlu għal Lm25. |
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946