Ir-riformi fl-edukazzjoni - IKOMPLU L-LAQGĦAT MAL-KAPIJIET U L-GĦALLIEMA
pr1137
01/08/2005
| Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni | Louis Galea ltaqa` mal-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta’ l-Iskejjel tal-Istat, il-Knisja u l-Privat, fil-proċess ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar ir-riforma fl-edukazzjoni kif imfisser fid-dokument “Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll”. Il-Ministru ltaqa` wkoll mal-membri tal-Fakolta` tal-Edukazzjoni fl-Universita`, filwaqt illi nbeda wkoll il-proċess ta’ diskussjonijiet u negozjati dwar ir-riforma bejn il-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema l-MUT. Il-proċess ser ikompli b’laqgħat fil-ġimgħat li ġejjin. |
| L-għalliema | kollha ġew ukoll mistiedna biex din il-ġimgħa jagħżlu waħda minn seba` laqgħat li ser isiru fiċ-Ċentru Robert Samut, Floriana, u jiltaqgħu mal-Ministru u d-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni, Dr Cecilia Borġ, għal preżentazzjoni u diskussjoni dwar il-proposti tar-riforma. Il-laqgħa għall-għalliema Għawdxin ser isir f’Għawdex il-Ġimgħa. Dil-ġimgħa wkoll il-Ministru Louis Galea ser jibda sensiela ta’ laqgħat mal-ġenituri u l-ewwel laqgħa ser tkun ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi (AKS). |
| Il-Ministru | Louis Galea fisser l-apprezzament tiegħu li l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta’ l-iskejjel attendew daqshekk numerużi għal-laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjoni minkejja l-vaganzi tas-sajf. Il-Ministru qal li t-tibdil fl-istrutturi qed jiġi propost sempliċement biex titjieb l-għodda li biha jaħdmu l-Kapijiet, l-Assistenti u l-għalliema. Il-kwalita` ta’ l-edukazzjoni l-ewwel u qabel kollox tiddependi mill-għalliema fil-klassi u t-tmexxija ta’ l-iskola. |
| Il-Ministru | Galea fisser li l-proposti ta’ żvilupp fis-sistema edukattiva ma nsibuhomx biss fid-dokument “Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll”. Dan id-dokument jitkellem biss dwar parti mir-riforma li tittratta l-istrutturi prinċipali, jiġifieri, l-iskejjel u l-awtoritajiet ċentrali. Hemm dokumenti oħra li jew diġa` ġew pubblikati jew dalwaqt ser jiġu pubblikati li jittrattaw oqsma oħra, u li wkoll fihom proposti ta’ żvilupp fis-sistema. |
| F’Novembru | li għadda kien ġie pubblikat ir-Rapport Chalmers dwar l-Universita` u l-Edukazzjoni Ogħla. Il-ġimgha l-oħra ġie pubblikat ir-Rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklussiva u l-iskejjel speċjali. Hemm rapporti oħra li qed jagħmlu analiżi kritika u rakkomandazzjonijiet dwar oqsma speċifiċi tas-sistema. “Ħadd m’għandu jaħseb li s-soluzzjoni tal-problemi fis-sistema u l-progress kollu mixtieq ser jinkisbu biss bil-proposti fid-dokument ‘Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll’. L-edukazzjoni hi proċess ta’ żviluppi ma jaqtgħu xejn. Aħna qed nipproponu li noħolqu qafas ġdid li jagħti aktar saħħa u jabilita aħjar lil kull min hu fis-sistema biex xogħlu jwettqu b’aktar effettivita` u sodisfazzjon u b’riżultati aħjar.” |
| Il-Ministru | Galea qal li s-sistema tal-Kulleġġi hi maħsuba biex tnaqqas il-burokrazija żejda. “Minħabba l-awtonomija u d-deċentralizzazzjoni kif ukoll minħabba l-appoġġ aktar iffukat miċ-ċentru, l-iskejjel ser jiksbu għodda aktar effettiva biex itejbu t-tagħlim ta’ l-istudenti. Il-Gvern irid li jagħti lit-tfal li jattendu l-iskejjel ta’ l-Istat fl-ibliet u l-irħula fejn jgħixu, esperjenza ta’ l-aqwa kwalita` li tgħollilhom l-istima tagħhom, li tirriġenera r-reġjun fejn hemm l-iskejjel, u li tagħti lill-istudenti bażi edukattiva ta’ kwalita`. Il-Gvern irid ukoll li jkun hemm sorveljanza aħjar ta’ x’qed jiġri sew fl-iskejjel tiegħu kif ukoll fl-iskejjel tal-Knisja u dawk privati.” |
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946