Left arrow Go Back

IN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED HUMA PRIJORITA` FIL-ĦIDMA TAL-GVERN B’MOD KOLLETTIV

pr1129
Date Icon 28/07/2005
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Prim Ministru, l-Onor. LawrenceGonzi, l-Onor. Censu Galea, Ministru għall-Kompetittivita` u l-Kommunikazzjoni, u l-Onor Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u s-Self Employed, ħabbru l-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma għas-sena 2005 – 2006.  Dan il-Pjan ta’ Ħidma jiġi ppubblikat ta’ kull sena mis-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Żgħar u s-Self Employed, u dan huwa l-ħames Pjan ta’ Ħidma li qiegħed jiġi ppubblikat.
Il-Pjan ta’ Ħidma għandu bħala l-qafas tiegħu ċ-CharterEwropew għan-Negozji Żgħar, u jitħaddem fuq prinċipji li kienu ġew stabbiliti fl-Aġenda ta’ Lisbona.  L-għaxar miri prinċipali taċ-Charter Ewropew tan-Negozji ż-Żgħar huma:
1)Edukazzjoni u taħriġ għall-imprenditorija
2)Mezz irħas u eħfef biex jgħin in-negozji jibdew jaħdmu
3)Liġijiet u regolamenti aħjar
4)Irid ikun hemm nies tas-sengħa
5)Intejbu l-aċċess permezz ta’ l-internet
6)Nisfruttaw aħjar il-vantaġġi ta’ Suq Wieħed
7)Inizjattivi rigward it-Taxxa u dawk finanzjarji
8)Insaħħu l-kapaċitajiet teknoloġiċi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar
9)Mudelli ta’ kummerċ elettroniku li rnexxew u nkoraġġiment għall-użu ta’ l-ogħla livell favur in-negozji ż-żgħar
10)Niżviluppaw rappreżentanza aktar b’saħħitha u effettiva ta’ l-interessi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar f’livell ta’ l-Unjoni u nazzjonali.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellemdwar ix-xogħol li ser ikun qiegħed isir bl-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma.  Ix-xogħol jista’ jinqasam fi tliet partijiet:  Il-ħidma li qed tiżviluppa l-infrastruttura u l-loġistika ta’ minn fejn qed jaħdmu s-self-employed u s-sidien ta’ negozji żgħar; il-ħidma ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis ta’ burokrazija; u l-ħidma b’risq bidla ta’ mentalita` u l-ħolqien ta’ kultura ġdida imprenditorjali.  L-Onor. Vassallo qal li “s-Segretarjat tiegħi, permezz ta’ Pjanijiet ta’ Ħidma li ppubblikajna f’dawn il-ħames snin, qed jaħdem biex in-negozju dejjem ikun aktar iffaċilitat.  Bil-pjan ta’ Ħidma ta’ din is-sena, ser inkomplu nsaħħu x-xogħol li diġa konna qegħdin nagħmlu, billi nkomplu niltaqgħu ma’ setturi differenti ta’ negozjanti, ntejjbu l-infrastruttura ta’ żoni industrijali, nibdew il-bini ta’ Industrial Parks ġodda, norganizzaw aktar kampanji edukattivi, nibdew il-bini tal-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat f’Ta’ Qali, nsaħħu s-sinerġija bejn Dipartimenti u Awtoritajiet, nissimplifikaw proċeduri, u nkomplu naħdmu biex ikun hemm bidla ta’ mentalita` għal waħda aktar imprenditorjali.
Min-naħa tiegħu,il-Ministru Censu Galea qal li “bħala Ministeru għall-Kompettivita` u Komunikazzjoni l-objettiv tagħna hu wieħed sempliċi: dak li nħallu lin-negozju jaħdem bl-inqas indħil possibli u mingħajr xkiel.  Kif jixhed dan il-Programm ta’ ħidma tas-Segretarjat għal Negozji Żgħar u s-Self Employed, biex dan iseħħ irridu noħolqu ambjent fejn is-Settur Pubbliku jkun ta’ servizz u mhux ta’ xkiel għas-settur kummerċjali f’pajjiżna.  L-għan ewlieni tal-Gvernijiet membri fl-Unjoni Ewropea kien li jagħtu kelma lil xulxin li jiżviluppaw ħidma kollettiva.  Maħsuba li tgħin biex kull sid tan-negozju żgħir u kull self-employed tassew jingħata opportunita` kif jixraqlu biex jirnexxi fin-negozju tiegħu u joħloq impjiegi ġodda.  Jekk insaħħu l-imprenditorija igawdi kulħadd, igawdu l-istess sidien tan-negozju, igawdu l-konsumaturi għax ikollhom iktar għażla minn fejn jixtru, u tgawdi l-ekonomija għax tkun tista tiġġenera aktar ġid u impjiegi kif jixhed l-istess titlu ta’ dan il-Programm ta’ Ħidma”. Il-Ministru għamel referenza ukoll lejn il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali li l-ewwel draft tiegħu mistenni joħroġ fl-ewwel t’Awwissu, u qal li dawn il-mizuri li qegħdin jigu ppublikati f’dan il-Pjan ta’ ħidma mis-Segretarjat għal Negozji Żgħar u s-Self Empoyed se jigu nkorporati wkoll f’dan il-Programm. Dawn il-Programmi ta’ Riforma qed jitfasslu mill-pajjiżi kollha membri ta’ l-Unjoni Ewropea skond il-process ta’ Lisbona.
Il-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi saħaq dwar l-impenn u l-prijoritaċtal-Gvern b’mod kollettiv li jassigura li ikun dejjem aktar viċin in-negozji ż-żgħar għax dawn huma il-fulkru tal-ekonomija kollha f’pajjiżna. Hu enfasizza li permezz ta’ Segretarjat Parlamentari responsabli biss minn Negozji Żgħar u s-Self Employed il-Gvern qed jassigura li l-ħidma tiegħu tkun aktar iffukata f’dan il-qasam u qal li “Permezz tal-Programm ta’ Ħidma li qed jiġi ppubblikat illum, bit-titlu ta’ ‘BL-IŻVILUPP TA’ L-IMPRENDITORIJA F’PAJJIŻNA, NSOSTNU N-NEGOZJU U NOĦOLQU IMPJIEGI ĠODDA’, il-Gvern ser ikun qiegħed iwassal numru ta’ objettivi ta’ ħidma bil-ħsieb li f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ l-impenn kollettiv u s-sinerġija bejn dawk involuti bil-ħsieb li n-negozju joħloq aktar impjiegi ġodda.  L-istatistika, turi kif l-attivita` kummerċjali kienet kapaċi toħloq l-impjiegi, u huwa għalhekk li l-Gvern qiegħed iħares lejn ħidma indirizzata biex tkompli tara kif tgħin lis-settur kummerċjali joħloq aktar impjiegi ġodda filwaqt li n-negozji eżistenti jissaħħu fis-sostenibbilita` tagħhom.  L-attivita` kummerċjali f’pajjiżna kapaċi tikber u toħloq l-impjiegi kemm-il darba nagħmluha faċli biex self-employed u negozji żgħar ikunu jistgħu jaħdmu.”
Il-Prim Ministru kompla jgħid li “Meta introduċejna s-Segretarjat għalNegozji Żgħar, il-Gvern ried jagħti importanza akbar lill-intrapriżi żgħar u medji għax jirrikonoxxi li dawn huma l-fulkru ta’ l-ekonomija f’pajjiżna.  Il-Ħidma tal-Gvern u ta’ dan is-Segretarjat sena wara oħra wasslet sabiex f’pajjiżna llum inħarsu, naħsbu u naħdmu b’mod differenti ma’ min huwa żgħir fin-negozju.  Il-Gvern irid jaħdem iktar favur il-ħolqien ta’ politika u ekonomija li tagħmilha faċli biex in-negozji żgħar jibdew jaħdmu u jirnexxu.  F’dan l-ambjent negozji eżistenti għandhom isibu il-milja tagħhom u jkomplu jkabbru l-operat tagħhom b’suċċess filwaqt li nkunu qegħdin niffaċilitaw il-ftuħ ta’ negozji ġodda f’pajjiżna.”
“Għalhekk, filwaqt li qegħdinnirrikonoxxu l-progress fil-ħidma tal-Gvern matul iż-żminijiet, fejn rajna lis-settur kummerċjali f’pajjiżna jikber sena wara oħra, u fejn rajna l-impjiegi jikbru fis-settur privat, nifhmu li issa rridu nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw li s-settur kummerċjali f’pajjiżna jopera bi qliegħ.  Żieda fl-attivita` kummerċjali tfisser ukoll żieda fil-kompetizzjoni u għalhekk irridu nassiguraw li n-negozji jibqgħu b’saħħithom quddiem kompetizzjoni akbar billi fuq kollox jipprovdu servizz aħjar, kwalita` aħjar, ikunu innovattivi, ikabbru l-operat tagħhom, u jassiguraw li l-opportunitajiet kollha quddiemhom jiġu sfruttati.  Bil-ħidma biex ikunu implimentati l-punti prinċipali taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar, il-Gvern qed joħloq dik is-sinerġija possibbli wkoll fuq livell Nazzjonali, b’risq l-iżvilupp ta’ politika li trid toffri attenzjoni għal min hu żgħir fin-negozju.  Din il-ħidma għenet biex f’pajjiżna jkollna wkoll miri ċari fi żvilupp ta’ politika u ħidma li qed jirnexxielha toħloq differenza.  Illum il-bidliet jistgħu jidhru.  L-impenn tal-Gvern mhux impenn ta’ ħidma astratta li ma tidhirx u trid tagħmel sforz biex taraha, anzi hija ħidma li tista’ tidher u tiġi nnotata bl-iżjed mod faċli” temm jgħid il-Prim Ministru.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow