Left arrow Mur Lura

IL-KULLEĠĠ F’GĦAWDEX IDEALI GĦAL SUĊĊESS

pr1068
Date Icon 15/07/2005
“It-tfal u l-istudenti Għawdxinser jitgħallmu f’Kulleġġ ġdid li jgħinhom jiksbu riżultati aħjar. Il-Kulleġġ ser joffri sistema ta’ edukazzjoni li ssegwi t-tfal mill-ewwel snin tal-kindergarten sakemm jikbru u jispiċċaw l-iskola sekondarja.  Għawdex għandu ċ-ċirkostanzi ideali għal suċċess tal-Kulleġġ li minnu jgawdu t-tfal, il-ġenituri u l-għalliema. B’edukazzjoni ta’ kwalità aħjar l-Għawdxin jistgħu jirnexxu lkoll ħafna aktar.” Dan sostnieh il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea meta ndirizza l-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta’ l-iskejjel tal-Gvern f’Għawdex u ntroduċa l-proposti tal-Gvern għal riforma fil-qasam edukattiv kif imfissra fid-dokument “BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL”. Il-laqgħa kienet preseduta mill-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono li wkoll indirizzat il-laqgħa.
Il-MinistruGalea fisser li l-iskejjel primarji tal-Gvern ser jintisġu flimkien maż-żewġ skejjel sekondarji fir-Rabat (Għawdex) biex jiffurmaw Kulleġġ wieħed. F’dan il-Kulleġġ se jissieħbu wkoll it-taqsima speċjali ta’ Sannat u l-iskejjel tal-mużika, l-arti u d-drama. Kull skola fil-Kulleġġ jibqa` jkollha l-Kap u l-Assistenti Kapijiet, l-għalliema, l-assistenti tal-kindergarten u l-facilitators.
Il-Kulleġġjitmexxa minn Prinċipal li jaħdem flimkien mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel. Il-Kapijiet jiltaqgħu regolarment f’Kunsill tal-Kapijiet presedut mill-Prinċipal bl-iskop li tinħoloq kultura ta’ ħidma ko-ordinata u fejn il-Kapijiet jiksbu l-appoġġ immedjat meħtieġ għall-edukazzjoni tat-tfal.  Il-Kulleġġ ikollu Bord maħtur mill-Ministru ta’ l-edukazzjoni magħmul minn nies ta’ esperjenzi differenti ġejjin minn fost edukaturi, ġenituri, nies bi spirtu ċiviku mill-komunità, u oħrajn mid-dinja tax-xogħol u tan-negozju.
Il-MinistruGalea fisser li Għawdex se jkollu strument aktar b’saħħtu għall-edukazzjoni. Huwa qal li fit-tifsil tal-proposti huwa iddiskuta b’mod speċjali mal-Ministru Giovanna Debono li tat kontribut siewi mill-esperjenza tagħha ta’ għalliema u ta’ Ministru li tifhem il-bżonnijiet ta’ l-Għawdxin.  Louis Galea qal li l-Ministeru għal Għawdex ser ikollu sehem sħiħ fin-nomina tal-Bord u fis-sorveljanza tal-ħidma tal-Kulleġġ.  Huwa li l-Ministeru għal Għawdex li ser jibqa` responsabbli biex jassigura li l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Għawdex qed jiġi sostnut minn sistema edukattiv li qed tilħaq lit-tfal kollha.
Fuqil-livell nazzjonali ser jittieħdu l-passi biex permezz ta’ Direttorat apposta tissaħħaħ id-direzzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali u titwettaq evalwazzjoni ta’ l-edukazzjoni f’kull skola u f’kull Kulleġġ. Min naħa l-oħra Direttorat ieħor ser jikkordina l-ħidma meħtieġa biex l-iskejjel ikollhom is-servizzi u l-għodda li l-għalliema u l-istudenti jiġu bżonn.
Il-MinistruGiovanna Debono qalet li r-riforma fl-edukazzjoni hija priorita` fil-programm tal-Gvern. Hija fakkret li fil-Manifest Elettorali ta’ l-2003 il-Partit fil-Gvern kien wiegħed li ser jibni qafas sabiex kull skola primarja tal-Gvern tkun parti minn struttura edukattiva waħda flimkien ma’ skola sekondarja. B’hekk dawn l-iskejjel ikollhom il-vantaġġ li fil-preżent għandhom diversi skejjel tal-Knisja u privati, fejn it-tfal jgħaddu mil-livell primarju għal dak sekondarju b’sens ta’ kontinwità.
Il-MinistruDebono qalet li wara l-elezzjoni din il-wegħda saret parti mill-programm tal-Gvern kif ġie mfisser fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-leġislatura. “Il-proposti li għandna quddiemna sawwarnihom bis-saħħa ta’ l-esperjenza ta’ l-għalliema u l-ġenituri. Il-Ministru ta’ l-edukazzjoni fehem il-bżonnijiet ta’ Għawdex u qed jilqa` t-talba tiegħi li jagħti l-ogħla priorita` lir-reġjun tagħna.  Il-Ministeru għal Għawdex ser jibqa` responsabbli politikament għat-tmexxija ’l quddiem ta’ dan is-settur.  Aħna rridu li t-tfal tagħna f’Għawdex ikollhom l-aħjar u jirnexxu lkoll.  Aħna rridu li dak li jsir fl-iskejjel tagħna jkun ta’ ogħla kwalità u li din titkejjel bl-istess mod validu kif jitkejjlu l-iskejjel f’Malta.”
Il-MinistruGalea beda l-laqgħa billi rringrazzja lill-għalliema u Kapijiet ta’ skejjel li għadhom kif temmew sena oħra ta’ ħidma fejjieda b’risq ulied il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa awguralhom mistrieħ mistħoqq waqt il-vaganzi tas-sajf.
“Warali ġimgħa ilu ħabbart f’Malta l-proposti tal-Gvern għal riforma fis-sistema edukattiva, huwa xieraq li niġi Għawdex u nintroduċi dawn il-proposti fost l-Għawdxin. Il-mira tagħna hi li nsaħħu l-kwalità u r-riżultati ta’ l-edukazzjoni ta’ uliedna, li ngħinuhom jiżviluppaw bis-sħiħ it-talenti li għandhom, u li lkoll jirnexxu fil-ħajja skond it-talenti u l-ħiliet tagħhom.”
Il-MinistruGalea fisser li l-Gvern irid jagħti l-akbar għajnuna lill-ġenituri fit-trobbija tajba ta’ uliedhom.  “Irridu li ntejjbu ħafna aktar is-serħan tal-moħħ tal-ġenituri dwar l-edukazzjoni ta’ uliedhom.  Irridu li bil-fatti ntejjbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni għat-tfal kollha u b’hekk tikber il-fiduċja tal-ġenituri fis-sistema edukattiv.  Irridu li l-ġenituri jifhmu sew li qabel kollox l-edukazzjoni ta’ l-ulied tiddependi u hi l-ewwel responabbilità tagħhom.”
Il-MinistruLouis Galea qal li f’dawn is-snin bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni huwa sema` eluf ta’ għalliema u Kapijiet ta’ skejjel jitkellmu dwar is-sbuħija tal-vokazzjoni tagħhom u l-isfidi li din iġġib magħha. “Jiena naf li hemm ħwejjeġ fis-sistema li jiffrustraw lill-għalliema, jgħejjuhom, jaħarquhom, u jfixkluhom fit-twettiq tal-ħidma professjonali tagħhom.  Issa osservajt għal numru ta’ snin x’qed jiġri fl-iskejjel tagħna – tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat.  Naf li hemm ħafna tajjeb u b’saħħtu. Naf li hemm opportunitajiet kbar.  Naf li hemm ħwejjeġ dgħajfa u difetti li jeħtieġ jiġu attakkati u irranġati.  Jien irrid li l-għalliema jkollhom organizzazzjoni aktar effettiva, ambjenti isbaħ u li jistimolaw, għodda u appoġġ aktar effettivi.”
LouisGalea sostna li n-nisġa ta’ l-iskejjel tal-Gvern f’Kulleġġi għandha iġġib magħha il-qafas għal soluzzjoni ta’ ħafna mill-problemi li niltaqgħu magħhom fl-iskejjel.  Il-Kulleġġi ser ikollhom l-awtonomija meħtieġa biex jiddeċiedu huma kif l-aħjar jadattaw il-Kurrikulu Nazzjonali ħalli jilħqu l-bżonnijiet tat-tfal u l-istudenti tagħhom. Il-Kulleġġi ser ikollhom appoġġ aħjar għall-amministrazzjoni ta’ l-iskejjel biex l-għalliema u l-kapijiet jikkonċentraw aktar fuq it-tagħlim u x’qed jiġri fil-klassi. Il-Kulleġġi joffru edukazzjoni mill-eta` bikrija fi proċess kontinwu u bla skossi.  Il-Kulleġġi ser jibbenefikaw minn nisġa ta’ l-iskejjel flimkien u jipparteċipaw ħafna aktar fl-esperjenzi ta’ xulxin.

Il-Ministru Louis Galea stieden lil kulħadd jifli d-dokument u kull min iħoss il-bżonn jibgħat il-mistoqsijiet, is-suġġerimenti u l-kritika tiegħu fuq il-pagna ta’ l-internet www.education.gov.mt/networks.htm  sal-15 ta’ Settembru 2005.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow