Infrastruttura biex inħarsu l-wirt storiku u kulturali
Fl-inawgurazzjoni ta’ l-Uffiċċju ta’ Għawdex ta’ Heritage Malta , il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-pajjiż illum kellu l-infrastruttura kollha biex iħares il-wirt storiku u kulturali. Hu qal li fl-2002 il-Parlament Malti għadda l-Att dwar il-Wirt Kulturali u l-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Hu qal li permezz ta’ dawn iż-żewġ liġijiet kienu twaqqfu Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li anke qabel għaddew dawn iż-żewġ liġijiet kienu ttieħdu miżuri importanti li permezz tagħhom illum għandna f’postha l-infrastruttura biex nistgħu nħarsu l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li
- Twaqqfu l-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni tal-belt Valletta u l-Floriana; il-Kottonera u l-Imdina.
- Twaqqaf il-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
- Twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr issa mar taħt l-umbrella ta’ Heritage Malta. Hu qal li dan sar biex jitnaqqsu l-ispejjeż, jitjieb il-management u biex ikunu ntegrati r-riżorsi u l-metodi ta’ żewġ istituzzjonijiet bi skopijiet simili.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dawn ingħataw ukoll il-mezzi biex jaħdmu u li minn mindu twaqqfu ħadu bejniethom Lm17 miljun, investiment ġdid li qabel ma kienx isir. Hu fakkar li mill-1987 sa din is-sena ntefqu Lm68 miljun f’investiment fil-wirt kulturali u storiku u biex ikunu amministrati tajjeb il-mużewijiet, il-kultura u l-arti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern hu konxju mill-importanza li nħarsu l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li peress li Malta hawn l-ogħla konċentrazzjoni fid-dinja ta’ wirt storiku kull kilometru kwadru, l-investiment kbir kemm hu kbir f’dan il-qasam qatt m’hu biżżejjed. Hu qal li fil-budget ta’ din is-sena l-Gvern iddeċieda li jżid l-allokazzjoni ta’ flus għall-Heritage Malta b’Lm400,000 għal Lm1,650,000 filwaqt li d-dħul ta’ madwar miljun lira Maltin li tiġġenera l-istess Heritage Malta jibqa’ għandha wkoll. Barra minhekk, żied il-Ministru Zammit Dimech , il -Gvern ivvota Lm100,000 oħra biex jiġi mfassal il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex biex ikun żviluppat aktar il-prodott turistiku ta’ Għawdex.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien se jwettaq ukoll il-proġett għall-park ta’ wirt storiku f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Hu qal li kien iffirmat il-kuntratt għall-Offerta dwar il-Monitoraġġ Ambjentali permezz ta’ pre-accession funds mill-UE. Dan sar maċ-Centro Nazionale della Ricerca di Bologna.
Tlesta wkoll l-evaluation report għall-immaniġġjar tal-proġett u ġie sottomess lid-Dipartiment tal-Kuntratti f’April li għadda. Għalqet f’Mejju l-offerta għat-3D recording ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. F’Marzu ġiet sottomessa l-offerta dwar sigurta’. Sadattant hu maħsub li f’Settembru toħroġ l-offerta li tiġbor fiha l-parti l-kbira tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Hu qal li għal din l-ewwel parti tal-proġett, li kienet tinkludi Visitors’ Centre, sigurta’, aċċessibilita’ u titjib strutturali, il-Ministeru kien applika għal Ewro 3.5 miljun minn Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li t-tieni parti tal-proġett kienet tinkludi l-kostruzzjoni ta’ struttura biex jitgħattew it-tempji u hekk jiġu mħarsa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna kien għaddej minn żminijiet interessanti. Hu qal li l-poplu kien qiegħed isir dejjem aktar konxju min dak li għandna f’pajjiżna u dan kien ta’ inkoraġġiment biex inkomplu naħdmu ħalli nħarsu dak li għandna biex mhux biss ingawduh aħna iżda inħalluh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieh.
Il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono ferħet lil Heritage Malta għall-inawgurazzjoni ta’ dan l-uffiċċju ġdid li jippermetti lill-istess aġenzija twettaq ħidma ffukata fuq il-bżonnijiet partikolari ta’ Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li sa mit-twaqqif ta’ Heritage Malta, Għawdex kien rappreżentat direttament fuq il-Bord ta’ Diretturi. Dan ifisser bil-fatti, qalet il-Ministru Debono, li l-Gvern qiegħed jagħti l-importanza meħtieġa lil Għawdex billi Għawdex ikollu sehem dirett fid-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwawh.
Il-Ministru Debono qalet li qatt daqs dawn l-aħħar snin il-qasam tal-wirt storiku f’Għawdex ma ngħata daqshekk importanza. Minbarra l-impenn min-naħa ta’ Heritage Malta, li għandha manager direttament għal Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex ukoll wettaq jew qiegħed iwettaq numru ta’ inizjattivi favur il-wirt storiku. Il-Ministru Debono rreferiet għall-proġett ta’ survey tridimensjonali għat-tempji tal-Ġgantija li l-Ministeru għal Għawdex wettaq b’fondi ta’ Solidarjeta’ ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll it-twaqqif ta’ scaffolding li jippermetti r-restawr ta’ parti mill-ħajt ta’ l-istess tempji, liema xogħol għaddej bħalissa. Il-Ministru Debono rreferiet għal proġett ieħor – dak tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fejn il-Ministeru, b’fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea għal Għawdex, se jintroduċi vetrini speċjalizzati biex fihom jiġu esibiti l-fdalijiet preistoriċi taċ-Ċirku tax-Xagħra filwaqt li Heritage Malta twettaq proġett ta’ modernizzar ta’ l-istess mużew.
Il-Ministru għal Għawdex irreferiet ukoll għal proġett ta’ restawr fuq parti mis-swar taċ-Ċittadella, li mistenni jibda f’qasir żmien, kif ukoll it-tindif u l-protezzjoni mit-tkabbir ta’ pjanti u ħaxix li għaddej kontinwament ma’ l-istess swar.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946