DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT KONFERENZA STAMPA DWAR “IĊ-ĊENTRU TAL-MEDJAZZJONI GĦAL MALTA ” - VALLETTA
“Illum ngħalqu sena u nofs ħidma sabiex jitwaqqaf u jiġi fis-seħħ iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta . Post li ser jieħu ħsieb joffri lis-soċjetà moderna u Ewropea tagħna s-servizz tal-medjazzjoni fuq bażi professjonali.
Il-medjazzjoni fiha ħafna vantaġġi li hemm bżonn urġenti li nibnu u nagħmlu użu minnhom sabiex il-poplu tagħna jiffranka iktar spejjeż, jaħli inqas ħin u jsolvi l-problemi b’sistema li flok iġġib il-ġlied u l-piki bejn il-partijiet, iġġib il-parteċipazzjoni tagħhom għall-ftehim.
Il-medjazzjoni hija differenti mill-Qorti u mill-arbitraġġ, però tista’ taħdem flimkien magħhom. Il-medjazzjoni hija proċess li permezz tiegħu persuna tidħol bejn il-partijiet u twassalhom għal ftehim. Ftehim li jridu huma u li permezz tiegħu jistgħu jikkontrollaw fejn u sa’ fejn ser jaslu. Fil-Qorti għandek Ġudikanti magħżula mill-Istat li jiddeċiedu l-każ wara li jisimgħu l-partijiet. Deċiżjoni li l-esperjenza turi li ma hemmx il-kontroll tal-partijiet fuq iż-żmien li tieħu sabiex issir. Fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ il-partijiet għandhom id-dritt li jagħżlu huma l-persuna li jiddeċiedi u li huwa wkoll jagħmel dan wara li jkun semagħhom.
Fil-medjazzjoni l-partijiet għandhom il-vantaġġ li ma jaħlux il-ħin tagħhom u ma jispiċċawx f’konfronti li jiksru r-rapporti umani u kummerċjali. Ma jaħlux ħin f’seduti żejda fil-Qorti, fejn ma għandhom l-ebda garanzija li l-kawża tagħhom ser issir, inkella f’uffiċċju legali jiddiskutu u jistennew sabiex il-każ jimxi ’l quddiem. Il-medjazzjoni tfisser li l-medjatur, li jkun ġie ċċertifikat miċ-Ċentru u magħżul jew mill-partijiet jew miċ-Ċentru, jibda l-każ u jispiċċah. Dan ifisser li jekk il-partijiet iridu jaslu, kwistjonijiet li ilhom pendenti, kif dawn jinbdew jiġu magħluqa. Il-medjatur jikkonċentra l-ħin tiegħu fuq każ sakemm iwassal lill-partijiet. Jum wara l-ieħor u mhux b’differimenti ta’ xhur sħaħ sakemm tinqata’ l-kawża.
Hawnhekk nixtieq nagħmel referenza għal Survey li sar f’Malta mis-Sur Herman S.J. Zandt, li huwa konsulent indipendenti speċjalizzat fil-qasam ta’ “corporate dispute resolution and organisational efficiency”, li rrapporta s-segwenti:-
“Nevertheless, mediation is widely believed (61%) to be more effective than other dispute resolution methods including litigation. Only 9% considers mediation less effective, whilst 60% welcomes mediation as their preferred method for dispute resolution. A high openness toward mediation exists, provided that mediation is referred to purely voluntary and practiced outside the Court system.
The key benefit of mediation expressed is the avoidance of going to Court (76%), followed by preserving or improving existing business relationships (53%) and resolving the dispute in less time than through litigation (50%).”
Dan huwa kompletament differenti minn dak li għandna llum. Triq kompletament ġdida.
Ma hemmx dubbju li l-medjazzjoni ser iġġib bidla fil-kultura legali tal-poplu u tal-klassi legali għax hija triq li taħrab il-konfrontazzjoni u li jirnexxilha twassal għal ftehim mingħajr atrit żejjed. Fil-Qrati tagħna hemm wisq piki u ġlied inutili li, fl-aħħar tal-ġurnata, jwassal għal telf kbir għal kulħadd.
Għalhekk, dan iċ-Ċentru ser jibda jaħdem:-
- L-ewwel, sabiex jibda jopera l-medjazzjoni fl-egħlieqi ċivili, kummerċjali u ndustrijali u dan billi jistabilixxi listi ta’ persuni kwalifikati biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ medjaturi u wara sabiex jidħol fis-seħħ Kodiċi ta’ Etika għall-Medjaturi.
- It-tieni, billi jibda jirċievi każijiet, sija dawk li diġà qegħdin il-Qorti u dawk li jistgħu jispiċċaw hemm.
Iċ-Ċentru għalhekk qiegħed jistieden lil kull min huwa kkwalifikat biex jaħdem bħala medjatur sabiex jikteb direttament lill-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru sabiex jiġi rikonoxxut. Il-Bord tal-Gvernaturi huma magħmul minn Dr Anna Felice bħala Chairman, Dr Louis de Gabriele bħala Viċi Chairman u s-Sinjuri Oscar Grech, Charles Magro u Joyce Sciberras bħala membri.
Billi huwa ċar li l-proċess tal-medjazzjoni huwa ġdid għas-soċjetà Maltija, ħassejt li jkun opportun li nistampaw librett informattiv bil-Malti u bl-Ingliż sabiex nagħmlu l-ħmira ta’ l-informazzjoni. Konvint li bil-proċess tal-medjazzjoni li jopera tajjeb, ser inkunu qed nagħtu rimedju ferm iktar effettiv għal dak li kienet il-Qorti.
Pajjiżna dan għandu bżonnu u aħna determinati li dan iseħħ.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946