Ir-riforma fl-edukazzjoni: KULLEĠĠI ĠODDA BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL
| “Ser noħolqu | Kulleġġi ġodda f’Malta u Għawdex li fihom insieħbu l-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat. Il-mira tagħna hi l-ġid ta’ kull tifel u tifla biex uliedna jirnexxu lkoll. Irridu li t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa skejjel. Irridu li t-tfal tagħna jgħixu esperjenza edukattiva sħiħa u kontinwa mill-kinder għall-primarja sas-sekondarja bl-inqas skossi possibbli f’Kulleġġi li jassiguraw l-istandards u l-kwalita`. L-isfida li jmiss hi edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd” |
| Il-Ministru Louis Galea ħabbar | li dan hu l-qofol tar-riforma edukattiva meta nieda d-dokument bl-isem “BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL – Nisġa organizzattiva ġdida għal edukazzjoni ta’ kwalita` f’Malta”. Dan hu l-ewwel minn sensiela ta’ dokumenti li jitkellmu dwar il-politika tal-Gvern mill-edukazzjoni bikrija sa l-edukazzjoni ogħla fi vjaġġ kontinwu u bla skossi ta’ tagħlim tul il-ħajja. |
| Fil-Konferenza Stampa, flimkien mal-Ministru, | ħadu sehem is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru s-Sur Charles Mizzi, is-Segretarju Permanenti Suċċessur is-Sur Frans Borg, id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr Cecilia Borg, u l-Ko-ordinatriċi tal-Politika fil-Ministeru is-Sinjorina Michelina Sciberras li kienet responsabbli biex tikkoordina l-ħidma għat-tfassil tad-dokument. |
| Il-Ministru Louis Galea beda biex qal li | nhar it-Tnejn 4 ta’ Lulju, 2005, fil-Kabinett, presedut mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, huwa ppreżenta ‘memorandum’ u dokument bil-proposti dwar l-ewwel parti tar-riforma biex is-sistema edukattiva f’Malta tidħol f’fażi gdida. Id-dokument inħadem b’konsultazzjoni interna, riċerka u ħidma ma’ edukaturi u esperti Maltin u barranin tul is-sentejn li għaddew. Wara diskussjoni twila, l-Kabinett approva l-proġett tal-Ministru Galea u awtorizzaħ jibda proċess ta’ diskussjoni, u negozjati fejn hemm bżonn, għall-implimentazzjoni biex ir-riforma tidħol fis-seħħ sa Settembru 2006. |
| Il-Ministru Galea fisser li l-proposti | tal-Gvern iridu jwasslu biex l-iskejjel primarji u sekondarji jintisgu fi gruppi f’qafas ta’ Kulleġġi ġodda. Kull Kulleġġ ser ikollu l-iskejjel li jiffurmawh, bil-Kapijiet u l-għalliema taghhom. Kull Kulleġġ ser ikollu Prinċipal, Bord ta’ Gvernaturi, u Kunsill li fih jiltaqgħu regolarment il-Kapijiet ta’ l-Iskejjel. Kull Kulleġġ ser jingħata l-appoġġ qawwi ta’ Amministratur, uffiċjal li jieħu ħsieb il-bini ta’ l-iskejjel (Precints Officer), u uffiċċjali u staff ieħor biex it-tfal u l-ghalliema jkunu moqdija bl-aħjar mod possibbli. Il-Kulleġġi ser jingħataw statut legali b’liġi u awtonomija fit-tmexxija tagħhom f’qafas miftiehem. |
| “Jien irrid li l-Kapijiet ta’ l-iskejjel | jissaħħu bhala l-mexxejja professjonali edukattivi tal-għalliema fl-iskola. Irridu nsibu l-mod kif inħaffu x-xogħol amministrattiv tal-Kapijiet biex huma jikkonċentraw fuq it-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-evalwazzjoni interna tal-kwalita` tat-tagħlim fil-klassi u fl-iskola. Il-Kulleġġ għandu jkun binja ġdida li tħares lejn it-tfal b’mod kontinwu mill-bidu sa l-aħħar ta’ l-edukazzjoni obbligatorja tagħhom, mill-kinder għal primarja sas-sekondarja,” fisser il-Ministru Galea. |
| Fil-livell ċentrali l-Ministru Galea | fisser li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ser tiġi trasformata f’żewġ Direttorati distinti iżda komplimentari biex ikun hemm distinzjoni bejn il-funzjoni regolatorja u dik operattiva. |
· Il-Liġi dwar l-edukazzjoni diġa` tpoġġi l-awtorita` edukattiva f’idejn il-Ministru.
· Id-Direttorat għall-Edukazzjoni f’Malta, (ir-regolatur), ser jieħu ħsieb l-istandards u l-kwalita` billi jfassal il-politika, l-istrateġija u l-Kurrikulu Nazzjonali li jkollu bżonn il-pajjiż u jagħmel l-evalwazzjoni esterna ta’ l-iskejjel.
· Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, (l-operatur), ser jieħu ħsieb jassigura li l-Kulleġġi l-ġodda bl-iskejjel tagħhom ikollhom ir-riżorsi umani u l-għodda tat-tagħlim meħtieġa f’qafas miftiehem ta’ awtonomija, deċentralizazzjoni u kontabilita`.
· Kumitat Permanenti għall-Edukazzjoni, presedut mill-Ministru, jassigura d-direzzjoni u l-ko-ordinament meħtieġ fis-sistema kollha.
| L-eżami tal-Junior Lyceum ser jinżamm, iżda | jiġu żviluppati l-modifiki meħtieġa biex it-tfal kollha jkunu obbligati jiġu assessjati skond il-ħiliet differenti tagħhom fis-sitt sena ta’ l-iskola primarja ta’ l-Istat. Sadanitant, jibda xogħol ieħor biex tinbena sistema bl-iskop li t-tfal u l-istudenti kollha, fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u tal-Privat, fi stadji differenti ta’ l-edukazzjoni primarja u sekondarja, jiġu assessjati fuq bażi nazzjonali. B’hekk l-iżvilupp tat-tfal kollha isir magħruf fi stadji identifikati, jittieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn, u b’hekk ngħinu t-tfal kollha jirnexxu fl-iskola skond l-aħjar ħiliet tagħhom. |
| Il-Kulleġġi l-ġodda ser jiġu | imfassla fuq bażi ta’ reġjuni f’Malta u Għawdex. Il-proġett sħiħ tal-Kulleġġi jinħtieġ li jinbnew numru ta’ skejjel ġodda fil-livell sekondarju, kif diġa` beda jsir f’Ħal Kirkop. Sakemm dan isir, il-Kulleġġi l-ġodda jiddaħħlu f’fażijiet differenti, u għalissa b’mudelli differenti, biex l-iskejjel kollha fl-iqsar żmien possibbli jibdew igawdu l-vantaġġi tas-sħubija f’Kulleġġi. |
Il-proposti dwar il-Kulleġġi huma :
| 1) | Kulleġġ għall-Kottonera – L-iskejjel primarji ta’ Bormla, l-Isla, il-Kalkara u l-Birgu jintisġu flimkien mal-Junior Lyceum Subien tal-Verdala u l-iskejjel sekondarji tas-subien u l-bniet, u dawn kollha jsiru Kulleġġ wieħed. Għalissa l-bniet li jgħaddu għall-Junior Lyceum jibqgħu jattendu l-Junior Lyceum fejn imorru s’issa sakemm nipprovdu skola sekondarja moderna għall-ħtiġijiet kollha tal-bniet ta’ dan ir-reġjun. |
| 2) | Kulleġġ għal Għawdex – L-iskejjel primarji kollha ta’ Għawdex u l-iskejjel ta’ l-arti, drama u mużika u l-iskola speċjali ta’ Sannat jintisġu f’Kulleġġ wieħed flimkien ma’ l-iskejjel sekondarji u Junior Lyceums tal-bniet u s-subien fir-Rabat. |
| 3) | Kulleġġ tal-Karwija – L-iskejjel primarji ta’ B’Buġia, Ħal Għaxaq, Gudja, Kirkop, Qrendi, Mqabba, Safi u Żurrieq jintisġu f’Kulleġġ wieħed flimkien ma’ l-iskola sekondarja l-ġdida f’Ħal Kirkop. Din ser tkun skola għas-subien tal-Junior Lyceum u tas-Sekondarja li, bħal fil-każ ta’ Għawdex, ikollhom kurrikulu u sillabi differenti skond il-ħiliet ta’ l-istudenti. Anke hawnhekk, għalissa l-bniet jibqgħu jattendu l-Junior Lyceum u l-iskola sekondarja fejn imorru s’issa sakemm nipprovdu skola sekondarja moderna għall-ħteġijiet tal-bniet ta’ dan ir-reġjun. |
| 4) | Kulleġġi Primarji u Kulleġġi Sekondarji – Sakemm tinħadem is-sistema kollha, l-iskejjel primarji, sekondarji u Junior Lyceums jintisgu f’Kulleggi differenti skond il-livell tagħhom biex jibdew igawdu mill-benefiċċji li ġġib magħha din in-nisġa. |
| 5) | Kulleġġ ta’ l-Arti – L-iskejjel tad-Drama, Mużika u Arti jinġabru f’Kulleġġ wieħed ta’ l-arti. L-iskejjel jibqgħu jaqdu l-istudenti u l-funzjoni li qed jaqdu llum. Izda jibda proċess biex dawn l-iskejjel iservu ta’ riżorsa aħjar għall-iskejjel l-oħra u biex nersqu lejn il-possibilita` li studenti jsegwu l-kurrikulu normali iżda jispeċjalizzaw minn kmieni f’xi qasm partikolari ta’ l-arti jew sport. |
| 6) | Nisġa ta’ Ċentri ta’ Tagħlim – Numru ta’ ċentri tas-subien u tal-bniet jiġu żviluppati f’ċentri speċjalizzati biex studenti li jkollhom bżonnijiet partikolari ikunu jistgħu jingħataw appoġġ speċjalizzat u multi-dixiplinarju bl-iskop li kemm jista` jkun malajr ikunu jistgħu jirritornaw fil-Kulleġġi tagħhom. |
| 7) | Nisġa ta’ Ċentri għal Bżonnijiet Speċjali – Il-mira hi li l-iskejjel speċjali isibu posthom mal-Kulleġġi reġjonali l-oħra li jitwaqqfu. Sakemm dan isir dawn l-iskejjel ser jintisġu flimkien u jiġu żviluppati bħala Ċentri ta’ Risorsi għal Studenti bi Bżonnijiet Speċjali fil-Kulleġġi l-oħra jew għal studenti li jibbenefikaw aktar minn servizz dirett f’dawn l-iskejjel. |
| Il-Ministru Galea qal li minbarra laqghat | li din il-ġimgħa diġa` kellu mad-Diretturi, Assistenti Diretturi u Uffiċċjali Edukattivi fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, huwa mill-ewwel għadda d-dokument lill-Unjon ta’ l-Għalliema l-MUT bi stedina għal ftuħ ta’ proċess ta’ diskussjonijiet u negozjati. Fid-dokument il-Gvern diġa` iddikjara li fl-emendi li ser iressaq għal-liġi ta’ l-edukazzjoni ser jissalvagwardja bil-liġi d-drittijiet vestiti tal-għalliema u l-ħaddiema impjegati mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. |
| Il-Ministru kiteb ukoll lid-Dekan | tal-Fakolta` ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita`, Dr Carmel Borg, biex il-Fakolta` tissieħeb bil-pariri esperti tagħha fid-diskussjoni u fl-implimentazzjoni tar-riforma. Il-ġimgħa d-dieħla d-dokument ser jibda jitqassam lill-Kapijiet u l-għalliema kollha ta’ l-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk Privati f’Malta u Għawdex. |
· Il-Ministru Galea kiteb ukoll lill-Onor. Clyde Puli, Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament, biex ipoġġi d-dokument għall-ezami u d-diskussjoni tal-Kumitat mill-Membri Parlamentari tal-Gvern u l-Oppożizzjoni.
· Infatti l-Ministru kiteb lill-Onor. Carmelo Abela, l-Kelliem Ewlieni għall-Edukazzjoni ta’ l-Oppozizzjoni, u bagħtlu kopja tad-dokument.
· Il-Ministru Galea bagħat kopja tad-dokument lill-partijiet socjali fi ħdan l-MCESD u talab li jiltaqa` mal-Kunsill biex jispjega l-proposti tal-Gvern.
· Il-Ministru kiteb ukoll lis-Sur Mario Mallia, Kelliem għall-Edukazzjoni ta’ l-Alternattiva Demokratika u bagħtlu kopja tad-dokument biex ikun jista` jieħu sehem fil-proċess ta’ djalogu li tnieda.
Bħala parti mill-proċess ta’ informazzjoni, l-Ministru Galea flimkien ma’ uffiċjali mill-Ministeru u mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ser ikunu fis-Sala Robert Samut il-Floriana fi ġranet u hinijiet li jitħabbru aktar tard biex iwieġbu mistoqsijiet minn għalliema u ġenituri li jixtiequ jiksbu aktar informazzjoni dettaljata dwar il-proposti tal-Gvern. Kull min jixtieq jikseb aktar tagħrif jew jibgħat kritika u suġġerimenti jista` jagħmel dan billi jaċċessa l-paġna fuq l-internet www.education.gov.mt/networks.htm bejn illum u l-15 ta’ Settembru, 2005.
| Il-Ministru Louis Galea fakkar li fil-Manifest | Elettorali ta’ l-2003 il-Partit fil-Gvern kien wiegħed awtonomija lill-iskejjel tal-Gvern u li l-Kurrikulu Nazzjonali jiġi adattat minn kull skola għal ħtiġijiet ta’ l-istudenti tagħha f’qafas fejn kull skola primarja tal-gvern tkun parti minn struttura waħda edukattiva flimkien ma’ skola sekondarja biex it-tfal jgħaddu mill-livell għall-ieħor b’sens ta’ kontinwità. |
| Dan l-impenn ma’ l-elettorat daħal | fil-programm tal-Gvern permezz tad-Diskors tal-President fil-ftuħ ta’ l-Għaxar Parlament fl-24 ta’ Mejju, 2004, u fid-Diskors tal-Budget għal din is-sena il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern ser itejjeb u jsaħħaħ it-tmexxija u l-kwalita` ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat. |
| Il-Ministru Louis Galea fisser li d-dokument | jiżviluppa fid-dettal il-politika u l-istrateġija li biha l-Gvern ser iżomm il-wegħa tiegħu ma’ l-elettorat Malti u Għawdxi. Huwa fakkar li l-Prim Minstru Lawrence Gonzi iddikjara li l-edukazzjoni hi fiċ-ċentru tat-tliet prioritajiet tal-Gvern li jinkludu l-ekonomija u l-ambjent. |
| Louis Galea fisser li l-ħidma | kollha hi immirata biex kull tifel u tifla jitgħallmu l-iskola sew u jiżviluppaw il-ħiliet u kwalifiki meħtieġa biex isibu xogħol. “Dan hu l-aqwa mod kif uliedna jaqilgħu x’jieklu u kif l-ekonomija ta’ pajjiżna timxi l-quddiem. B’hekk biss nistgħu inxejjnu l-faqar, ħadd ma jibqa` lura, u kulħadd jieħu sehem sħiħ bħala ċittadini fid-demokrazija u fil-ġid ta’ pajjiżna. Jeħtieġ jasal iż-żmien meta t-tfal tagħna, l-istudenti tagħna, u l-poplu tagħna jkunu l-aktar nies bravi u preparati fl-Ewropa. Dan hu l-akbar vantaġġ li nistgħu nagħtu lil Malta u Għawdex.” |
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946