STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAT-TURIZMU U L-KULTURA FLIMKIEN MAL-MINISTERU GHALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT : KUNDANNA GĦALL-ESTREMIŻMU FIL-KUMMENTI DWAR IS-SITWAZZJONI TAL-KAĊĊA F’MALTA
Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jibqa’ jkun konformi mal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna. Filwaqt li se jibqa’ mpenjat li jħares u jinforza dak li kien miksub, il-Gvern jikkundanna l-estremiżmu li qed jintuża minn uħud fil-kummenti tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-kaċċa f’Malta.
Huwa ta’ għajb li esponenti bħal Prof. Arnold Cassola, jipparteċipaw f’attivitajiet li jispiċċaw iħammġu isem Malta għax fihom jiġu espressi argumenti estremi u fatti mhux ikkonfermati.
Huwa ta’ għajb ukoll li f’din il-laqgħa saħansitra saru kummenti li kaċċaturi Maltin jisparaw anke fuq xi turisti waqt li jkunu għall-kaċċa. Dan juri l-faqar ta’ argumenti li xi wħud huma lesti jirrikorru għalihom sempliċiment għax jargumentaw b’mod emozzjonali u maqtugħ minn kull evalwazzjoni bilanċjata.
Huwa tal-mistħija li persuni bħal Prof. Arnold Cassola, konxju mill-importanza ekonomika tas-settur turistiku, jagħmel din it-tip ta’ ħsara għal skopijiet politiċi f’mument tant sensittiv għal dan is-settur.
Il-Gvern jesiġi li l-għaqdiet tal-kaċċaturi għandhom jeżerċitaw pressjoni fuq il-membri tagħhom biex josservaw ir-regolamenti tal-kaċċa u l-insib sabiex ma jiġix ippreġudikat dak li kien miksub fin-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea. Min jinqabad jikser dawn ir-regolamenti se jkollu jiffaċċja s-saħħa kollha tal-liġi .
Il-Gvern japprezza l-pożizzjoni adottata mill-Birdlife Malta li ddisassoċjat ruħha minn kull pożizzjoni ntiża biex tagħmel ħsara lil pajjiżna. Il-Gvern Malti se jibqa’ jagħmel l-almu kollu tiegħu biex ixettel kultura ta’ sostenibbilta’ fil-qasam tal-kaċċa f’pajjiżna bl-għajnuna ta’ għaqdiet Ewropej bħal FACE (Federation of Associations for Hunting and Conservation of the European Union), li llum għandhom relazzjoni ta’ koperazzjoni mal-Birdlife International fuq livell Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946