L-MCR JAGĦMEL PARTI MINN ‘HERITAGE MALTA ’
“Iċ-Ċentru Malti tar-Restawr illum jagħmel parti minn Heritage Malta u dan kien jagħmel parti mill-politika tal-Gvern li jirrazzjonalizza r-riżorsi u jġib flimkien organizzazzjonijiet li jeħtieġ li jikkollaboraw mill-qrib f’oqsma partikolari għall-benefiċċju tal-pajjiż.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta inawgura interpretation panels fit-tempji ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tibdil li seħħ fis-setturi tat-turiżmu u kultura kienu parti mill-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni. Hu qal li fl-24 ta’ Novembru tas-sena l-oħra tħabbar li ċ-Ċentru Malti għar-Restawr (MCR) kien se jsir parti minn Heritage Malta filwaqt li fit-22 ta’ Marzu ta’ din is-sena Heritage Malta ħadet f’idejha l-immaniġġjar kollu tal-MCR. Hu qal li dan ma kienx proċess ħafif.
“Saru diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-management ta’ Heritage Malta dwar l-integrazzjoni taż-żewġ organizzazzjonijiet biex tkun assigurata tranżizzjoni effiċjenti u effettiva,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li żied igħid li fil-jiem li ġejjin kienet se toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet għal postijiet fis-senior management.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien importanti li s-settur turistiku u dak tal-kultura jaħdmu flimkien. Hu qal li t-turiżmu kulturali kien l-akbar qasam turistiku li kien jattira madwar 200,000 turist fis-sena u għalhekk kien qed isir minn kollox biex dan is-settur jingħata aktar promozzjoni barra pajjiżna. Hu qal li kien meħtieġ ukoll li nkomplu naħdmu biex nippreżentaw aħjar l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li bil-ħidma ta’ kulħadd fl-ewwel ħames xhur tas-sena t-turisti li żaru Malta żdiedu b’1.7 fil-mija. It-turisti li ħallew Malta bl-ajru żdiedu b’1.7 fil-mija, in-nefqa tat-turisti żdiedet bi 3.7 fil-mija filwaqt li n-nefqa minn ras għal ras telgħet minn Lm170.1 għal Lm172.8.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li biex inkomplu nsaħħu s-settur turistiku, l-aktar it-turiżmu kulturali, kien meħtieġ li nkomplu ntejjbu l-prodott li noffru u l-mod kif nippreżentawh. Hu qal li diġà kienu twettqu diversi proġetti f’dan il-qasam u fakkar fil-proġetti għar-restawr u riabilitazzjoni ta’ l-Ipoġew u d-Domus Ruman. Hu qal li dawn huma proġetti li rridu nkomplu nikkupjawhom biex hekk kulħadd ikun jista’ japprezza aktar il-wirt storiku kbir li għandna.
Francis Zammit Dimech fakkar li fi żmien mhux ’il bogħod kienu se jibdew jitwettqu l-proġetti ta’ l-Imnajdra u Ħaġar Qim u tal-Ġgantija f’Għawdex. Hu qal li bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea kien se jinbena visitor’s centre f’Ħaġar Qim. Hu qal li dan kien proġett ambizzjuz li kien se jagħti dimensjoni ġdida lil Ħaġar Qim. Hu qal li ’l quddiem kienu se jinbnew żewġ strutturi kbar f’forma ta’ koppla biex jipproteġu lil dawn is-Siti ta’ Wirt Dinji mill-elementi. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li bejn Ottubru 2003 u Settembru 2004 kienu żaru dawn iż-żewġ tempji 173,000 persuna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li id f’id ma’ dawn il-proġetti kbar kien hemm il-ħtieġa li nkomplu nwettqu proġetti iżgħar bl-iskop li nippreżentaw aħjar dak li noffru. Hu qal li bħala parti minn dan il-proċess kienu qed jiġu mnedija interpretation panels li jipprovdu lil min iżur dawn it-tempji preistoriċi b’informazzjoni relevanti dwarhom. Hu qal li qabel ma’ twaqqfu dawn l-interpretation panels it-turisti individwali ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni. Hu faħħar lill-Heritage Malta li kienet qed taqleb it-test fuq dawn il-panels f’erba’ lingwi ewlenin oħra Ewropej: il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol u t-Taljan. Il-Ministru Zammit Dimech irrimarka li l-Ġermanja, l-Italja u Franza kienu tlieta mill-erba’ swieq turistiċi ewlenin ta’ pajjiżna u għalhekk dan il-proġett kien mistenni jgħin biex ikomplu jiżdiedu t-turisti minn dawn il-pajjiżi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-erba’ interpretation panels tul il-passaġġ ewlieni kienu ffinanzjati minn ‘Din l-Art Ħelwa’ permezz ta’ appell li għamlet fl-2001. Hu qal ukoll li biex ikun iffaċilitat l-aċċess għat-tempji ta’ l-Imnajdra infetħet il-grada ta’ wara għall-viżitaturi li setgħu jżuru t-tempji permezz ta’ dan il-passaġġ.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kwalunkwe proġett li kien jitwettaq biex ikabbar l-interess fil-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna kien ta’ min jinkorraġġieh. Hu qal li ried irodd ħajr lil Din l-Art Ħelwa, lil Heritage Malta u lil kull min jagħti sehmu biex il-wirt storiku ta’ pajjiżna jsir aktar magħruf u apprezzat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946