IS-SERVIZZ TAL-PASSAPORTI ONLINE
Mill-bidu ta’ din is-sena saru 15-il miljun żjara għall-website www.gov.mt (100,000 kuljum). Kien hemm 3,000 żjara kuljum għall-website tad-dipartiment tat-taxxi interni. Madwar 10,000 żjara kuljum lill-website tal-Ministeru tal-Ġustizzja, 9,000 żjara kuljum lill-website ta’ l-NSO u 1,000 żjara kuljum lis-servizzi elettroniċi ta’ l-eżamijiet pubbliċi. Dan tħabbar waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Tonio Borg, u l-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni Austin Gatt, niedew servizz ieħor ta’ l-eGovernment, servizz li permezz tiegħu persuna tkun tista’ tapplika u tħallas għall-passaport b’mod elettroniku.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, Dr Tonio Borg qal li jekk hawn dipartiment tal-gvern li ftit jirċievi kritika, anzi pjuttost huwa mfaħħar għall-effiċjenza tiegħu huwa l-Uffiċċju tal-Passaporti.
Is-sena li għaddiet l-Uffiċċju tal-Passaporti ħareġ iktar minn 38,000 passaport, 5,000 iktar mis-sena ta’ qabel. Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fisser iktar xogħol għall-Uffiċċju tal-Passaporti li ried jiżgura iktar sigurtà fil-ħruġ tal-passaporti. Eżempju huwa l-fatt li sa ftit ilu l-Ambaxxati Maltin barra minn Malta kienu joħorġu passaporti, iżda issa minħabba features speċjali bħal li kull passaport irid ikollu ritratt diġitali tal-persuna li nħarġilha l-passaport dawn qed ikollhom isiru mill-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta. B’dan kollu, minkejja ż-żieda fix-xogħol, l-Uffiċċju tal-Passaporti baqa’ wieħed effiċjenti li jagħti servizz tajjeb ħafna lill-klijienti.
Il-Viċi Prim Ministru qal li l-passaport Malti huwa wieħed modern li madankollu jeħtieġ li jtejjeb. Dan ser isir billi fix-xhur li ġejjin fil-passaport ser tiġi inkluża microchip li fiha ser ikun hemm inkluż ritratt diġitali, u iktar tard anki l-fingerprints, tal-persuna li għandha l-passport.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li s-servizz tal-passaporti huwa servizz importanti ħafna għall-pajjiż tant li kull sena jkun hemm iktar minn 35,000 applikazzjoni għall-passaporti ġodda. Huwa fakkar kif mhux
tant ’il bogħod persuna kien ikollha tiġi l-Belt biex tiġbor l-formola ta’ l-applikazzjoni (m’ilux wisq din kienet available online), terġa’ tiġi biex idaħħal l-applikazzjoni (u jieħu jew tieħu r-ritratt). Fl-aħħar tal-proċess, il-persuna kien ikollha terġa’ tiġi biex tiffirma l-passaport u tiġbru.
Permezz tas-servizz li imniedi llum min irid il-passaport ser ikun irid jiġi darba biss biex jiffirmah fl-aħħar tal-proċess.
Fil-fatt kull Malti residenti Malta li għalaq 16-il sena jista’ jibbenefika mis-servizz. Iktar minn hekk, issa kull persuna jista’ iħallas tas-servizz on line. Ta’ min jgħid li l-prezz tas-servizz on line hu l-istess bħas-servizz bil-formola l-antika, bid-differenza li tiffranka l-ħin li toqgħod tiġi hawn biex tinqeda. Apparti minn hekk ser inkunu qegħdin nużaw l-identità elettronika ta’ l-individwu: li jfisser li nużaw ir-ritratt li diġà ser ikun ittieħed għall-identità elettronika.
Dan huwa servizz li bażikament ser jilħaq l-oġġettivi primarji ta’ l-e-Government. Dawn huma aktar kumdità, servizz 24 siegħa kuljum, 7 t’ijiem fil-ġimgħa u anqas vjaġġi sa’ l-uffiċini ċentrali. Minnbarra dawn l-oġġettivi, dan is-servizz ser jilħaq aktar għanijiet avvanzati.
Dawn jinkludu konsolidament ta’ l-informazzjoni li juża l-Gvern fejn m’għandux għalfejn ikollna ħames ritratti ta’ l-istess persuna – jew informazzjoni oħra – f’databases differenti, u kull darba li jkun hemm bżonn ta’ ritratt nerġgħu nibgħatu għal dak li jkun, anqas dipendenza fuq uffiċċji ċentrali fejn is-servizz jista’ jinkiseb b’mod elettroniku jew mil-Kunsilli Lokali kif ukoll anqas infieq pubbliku fl-amministrazzjoni.
Il-Ministru Austin Gatt qal li sadanittant il-Gvern qed jistudja kif ser jintegra l-proċessi sparpaljati li għandna llum biex noħorġu, karti ta’ l-identità; passaporti; liċenzji tas-sewqan; karta tas-saħħa; u dokumenti oħra. Dan għaliex, dawn kollha jirrikjedu informazzjoni komuni li jkun orħos għall-gvern u aktar komdu għall-klijent jekk nintegrawhom u norganizzawhom b’loġika differenti milli għandna llum.
Dan is-servizz jista’jinkiseb minn www.passaporti.gov.mt
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946